X’inhi l-password ?

Print Friendly, PDF & Email

Minn Patri Juan de Bono ocd

Il-bniedem min-natura tiegħu hu bniedem ‘soċjali’, u m’għandekx ċans li toħroġ mid-dar illum u tinsa’ warajk it-telefon, u jekk dan jiġri arak tieħu triq lura biex iġġibu. Bosta saħansitra ttihom rashom jekk f’xi parti tal-globu, l-konnesjoni tkun batuta. Hekk kif il-bniedem jidħol ġo binja ġdida li fiha jkun se jqatta’ ftit ħin, l-ewwel ma jsaqsi hu għal password tal-internet.

Minn fejn ġej dan il-bżonn li l-bniedem iħoss biex ikun dejjem konness? Spiss jingħataw raġunijiet ‘esterni’ għal din id-domanda, imma r-risposta hi ħafna aktar profonda minn dik li ġeneralment tingħata.

“Alla ħalaq l-bniedem xbieha tiegħu, raġel u mara ħalqu” (Ġen 1, 27). Hawn tinsab ir-risposta sħiħa għad-domanda tagħna.

Hekk kif titwieled tarbija, l-aktar in-nanniet, erħielhom janaliżżaw u jiddiskutu (minn taħt l-ilsien biex ma jmurx jisimgħuhom in-nanniet l-oħra) ‘l min ħareġ/ħarġet tixbah t-tarbija li tkun għadu/ha kif ġiet fid-dinja. Issa huwa minn għawl id-dinja li t-tarbija toħroġ tixbah lil min ikun taha l-ħajja, u allaħares le. Imma l-bniedem mhux biss ġisem, hemm ukoll ir-ruħ, u bħalma fil-ġisem minn għawl id-dinja li t-tarbija toħroġ tixbah lil min ikun taha l-ħajja, imma aħna wkoll xbieha ta’ Dak Alla Trinita’ li tana r-ruħ, ruħ li ngħaqded mal-ġisem li jkunu tawna l-ġenituri tagħna.

Kull bniedem, hu minn hu, hu fejn hu, u irrispettivament min kif qiegħed igħix huwa/hija xbieha ta’ Alla Trinita’, Tliet Persuni distinti minn xulxin, imma Alla Wieħed. Għalhekk fit-test tal-ktieb tal-Ġenesi, il-verb fit-test oriġinal hu fis-singular, għax Alla mhux lir-raġel ħalaq, u lanqas lil mara ma ħalaq, Alla ħalaq lil bniedem, magħmul minn mara u raġel, differenti minn xulxin, imma kumplimentari, li fl-għaqda ta’ bejniethom jiffurmaw il-bniedem, xbieha ta’ Alla Trinita’, Tliet Persuni f’Alla wieħed.

Għalhekk meta int tidħol fil-midja soċjali u ttella’ post, int qiegħed (bla ma tinduna), tagħti prova bl-azzjoni tiegħek stess, li int ħolqien ta’ Alla, maħluq xbieha tiegħU, maħluq biex tibni relazjonijiet umani ma’ oħrajn. Meta int ssaqsi għal password tal-wifi, jew inkella tkun ċert li għandek data suffiċjenti, u provider tal-mobile li jkollu signal b’saħħtu, int qiegħed tinkixef li int ħolqien ta’ Alla, li int xbieha tiegħU.

Bħalma ir-rabta tal-omm mal-wild ma tinqatax mal-kurdun umbelikali, imma tibqa’ għal dejjem, l-istess ir-rabta tal-ħlejqa (il-bnidem) mal-Ħallieq (it-Trinita’), li minn għandha rċevejna l-ħajja, ma tinqata’ qatt. Il-bniedem jista’ jagħmel ta’ bir-ruħu li jista’ jgħix mingħajr Alla, imma aktar ma jitbiegħed mix-xemx, aktar il-kesħa tagħmel tagħha. Aħna maħluqa mhux biss biex nersqu lejn ix-xemx, imma biex indubu u nsiru ħaġa waħda ma’ Alla. Maħluqa minn Alla u maħluqa għal Alla, il-milja sħiħa tagħna nsibuha fl-għaqda sħiħa ma’ Alla. Iz-zokk li jintefa’ fil-ħuġġieġa tan-nar li jsir ħaġa waħda man-nar, fjamma waħda.

Sakemm din l-għaqda tilħaq il-milja tagħha, aħna msejħn biex inżommu l-kuntatt tagħna mat-Trinita’ permezz tat-Talb, jiġifieri permezz ta’ dik “taħdita ta’ sikwit u waħedna qalb ma’ qalb ma’ Dak li nafu li żgur jħobbna” (Santa Tereża ta’ Ġesù, Ktieb tal-Ħajja Kap VIII, 5). Il-konnesjoni tagħna ma’ Alla ma għadhiex permezz tal-fili, imma hija issa wireless. Għalhek hu mportanti li nkunu fejn inkunu nagħmlu mezz li nibqgħu konnessi, u ma nitilfgħux dik il-password li żżommna konnessi mal-modem. Il-password hija Ġesu’, u Marija hija dak is-sebgħa li permezz tiegħu nħarku l-mouse, jew li permezz tiegħu niktbu fuq it-telefon ċellulari tagħna l-kelma maġika li tagħtina aċċess għall-Missier: Ġesù.

%d bloggers like this: