Minn Joe Galea
On a Wing and a Prayer, hu l-isem ta’ film kontemporanju li ġie inawgurat fis-7 t’April u kienu ħafna li rawh sa’ mill-ewwel ġurnata. It-titlu hu idjoma sempliċi ta’ storja li ġrat tassew.
Il-film jirrakkonta kif Doug White, spiżjar minn Archibald, Louisiana, mar Florida mal-familja tiegħu għall-funeral ta’ ħuh. Kellu l-ħsieb li jmur lura b’ajruplan żgħir mill-gżira ta’ Marco, flimkien ma’ martu u ż-żewġ uliedhom bniet. Wara 10 minuti li l-ajruplan kien fl-ajru, il-pilota jmut b’attakk tal-qalb, hekk li l-passiġġier Doug White kellu jitgħallem kif se jniżżel l-ajruplan u jevita traġedja.

Din hi l-parti tal-‘ġewnaħ’ tal-istorja. Dik tat-‘talba’ toħroġ kif il-familja fl-ajru u l-kontrolluri tal-ajruport fuq l-art, li raw is-sitwazzjoni, iduru lejn Alla bħala t-tama waħdanija li kellhom. White, li kien ċiniku dwar il-fidi, jitlob lill-Missier tas-sema biex isalva l-familja tiegħu. Iż-żagħżugħa bintu, li kienet tistqarr li m’għadhiex temmen f’Alla, tingħaqad ma’ ommha u ma’ oħtha fit-talba tal-‘Missierna’. Il-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru jitolbu fit-torri tal-ajruport u l-familja White iżommu jdejhom ma’ xulxin u jitolbu bil-qalb. Dan waqt li Doug White kien jikkomunika mal-kontrolluri tal-ajruport biex iniżżlu l-ajruplan mingħajr imwiet jew ħsara .
Il-producer tal-film, Roma Downey u d-direttur Sean McNamara tkellmu dwar l-importanza tal-fidi fil-ħajja personali u professjonali tagħhom, u kif il-film ġdid tagħhom fih messaġġ qawwi ta’ fidi. Roma Downey spjegat għaliex l-iskript appella għaliha aktar minn oħrajn. Qalet: “Meta On a Wing and a Prayer wasal fuq l-iskrivanija tiegħi, qrajtu minnufih, għax fih elementi li jżommuk fuq ix-xwiek. Jiena stess għaddejt minn taqbidiet f’ħajti – ilkoll ngħaddu minnhom – u rajt b’għajnejja l-qawwa tat-talb. Għalhekk naħseb li dak li ġibidni għal din l-istorja hu li fis-sitwazzjoni mudlama, meta l-familja sabu ruħhom iduru fl-ajru, b’pilota mejjet fuq il-kontrolli tal-ajruplan, huma tefgħu l-fiduċja tagħhom f’Alla.
Doug White kien mistoqsi mit-torri tal-kontroll: ‘Inti qed issuq bil-pilota awtomatiku?’ u White iwieġeb: ‘Le, huma jiena u l-Mulej li qed insuqu l-ajruplan.”
Id-direttur u producer McNamara dderieġa għadd ta’ films, fosthom Soul Surfer u The Miracle Season. Spjega kif mit-tfulija kien midħla tal-fidi Kattolika. Huwa ġej minn familja Kattolika ferventi, għadda 16-il sena fi skola Kattolika u mbagħad l-università. Fiż-żgħożija tiegħu spiss kien jiġbor lill-erba’ ħutu bniet u lil ħuh biex jitolbu r-Rużarju, u sal-lum l-aħwa xi drabi jiltaqgħu bit-telepone biex jgħidu r-Rużarju flimkien. Għal McNamara, l-ivvjaġġar bl-ajru jippreżenta opportunità għat-talb. Jgħid: “Kull meta nitilgħu bl-ajruplan u kull darba li ninżlu, jiena nrodd is-salib. Nitlob mhux biss fi żmien ta’ kriżi, imma wkoll meta l-affarijiet huma sejrin tajjeb – bħal meta t-tfal huma b’saħħithom”. F’kull film li jidderieġi, dejjem ikun hemm xi ħadd li jitlob, jew waqt il-mejda tal-ikel jew x’imkien ieħor.
Meta jitkellem dwar il-frustrazzjoni fil-fidi ta’ Doug White’s, kif tidher fil-film On a Wing and a Prayer, McNamara jispjega: “Kollox beda meta tilef lil ħuh. F’daqqa waħda, il-fidi tiegħu ġiet ippruvata, u kellu rabja għal Alla. Jargumenta ma’ martu dwar dan u jistaqsi: “Alla nsieni? Għaliex iħalli li jsiru affarijiet ħżiena lil nies tajbin.” Għal McNamara, dik il-mistoqsija hi talba li twassal għat-tieni mistoqsija: “Hawnhekk x’inhu mistenni minni li nitgħallem?”
Min jara dan il-film ta’ 102 minuta se jkollu l-opportunità li jistaqsi din l-istess mistoqsija, filwaqt li jsegwi l-vjaġġ perikoluż tal-familja White, li hu vjaġġ mimli talb. U forsi hu wkoll jinduna bil-qawwa tat-talb fil-ħajja.
Hawn link għal silta mill-film On a Wing and a Prayer – https://youtu.be/C4UKU7W3PKE
Joe Galea