Mistiċi: Jeanne d’Arc

Print Friendly, PDF & Email

Nru 1. JEANNE D’ARC, PURITÀ U QLUBIJA

Kitba ta’ Joe Galea

Dak li jolqotna mill-ewwel fil-qaddisa mistika Jeanne d’Arc hu li l-avventura tagħha tieħu biss firxa ta’ sentejn, mil-liberazzjoni tal-belt ta’ Orléans, fl-1429, sal-ħuġġieġa li temmitilha ħajjitha f’Rouen, fl-1431.

Lil Jeanne d’Arc nafuha bħala Giovanna d’Arco u Joan of Arc. M’hemmx ħjiel ċar minn fejn ġie isimha imma jista’ jkun li d’Arc hi parti mill-kunjom ta’ missierha, li hawn min jgħid li kien Darc. Dak iż-żmien ma kinux jużaw l-apostrofu u aktar tard qiegħdu apostrofu wara l-ewwel ittra, hekk li ġiet d’Arc.

L-ewwel xogħol letterarju dwar Jeanne d’Arc deher fl-1450. F’dan iż-żmien ir-Re ta’ Franza Karlu VI ried li jerġa’ jinfetaħ il-proċess ta’ Jeanne d’Arc biex b’hekk hija tiġi riabilitata u magħrufa bħala eroijna fil-pajjiż. Ir-Re kellu l-interess li Jeanne d’Arc tkun magħrufa fil-veru dawl tagħha, għax b’dan kien jagħti aspett divin lir-renju tiegħu.

Jeanne, tfajla bla ebda ħsibijiet għoljin, minn dak li kien il-villaġġ ta’ Domrémy, tinkarna fiha s-sentiment nazzjonali. It-Tielet Repubblika ta’ Franza kabbret l-għarfien ta’ Jeanne d’Arc, imbagħad ġiet mogħtija importanza minn Vichy, l-istat Franċiż ta’ żmien Philippe Petain, fit-Tieni Gwerra dinjija u wkoll mil-lemin estrem. Flimkien ma’ Napuljun, Jeanne d’Arc hi figura storika li l-aktar ġiet ivvutata mill-Franċiżi, għalkemm fl-istess ħin ħafna kienu jinjoraw ir-realtà tagħha u jqisuha bħala leġġenda.

Franza ta’ żmien Jeanne D’Arc

Jeanne d’Arc twieldet f’Domrémy fl-1412, minn familja komuni. Franza kienet għaddejja minn taqlib kbir nazzjonali minħabba l-ġwerra ċivili li fiha kienet imdaħħla potenza qawwija, l-Ingilterra. L-università ta’ Pariġi, bir-rettur tagħha Pierre Cauchon, Isqof ta’ Beauvais, stabbiliet monarkija doppja, Ingliża u Franċiża fl-istess ħin.

Jeanne kibret f’nofs il-gwerra msejħa tal-100 sena, li karkret bejn l-1337 u l-1453 u li tant ħalliet ġrieħi fi Franza, pajjiż li kien immexxi minn Reġġent li xejn ma kien f’sensih. Matul dan kollu, id-dauphin, l-eredi għat-tron, kien taħt l-età u kien għadu ma ġiex inkurunat. Kien żmien meta Franza kienet mifruda fiha nfisha, bl-armati ta’ Bourgogne flimkien mal-Ingliżi, jikkontrollaw in-naħa ta’ fuq u d-dauphin in-naħa t’isfel, sostnut mill-Armagnacs ta’ Pariġi. Kien żmien deskritt bħala ta’ ħasra għar-renju ta’ Franza.

Minn dak li nafu, Jeanne kienet tfajla twajba u li darba fil-ġimgħa kienet tmur f’eremitaġġ f’Domrémy. F’dik l-epoka tant imqallba, ta’ sofferenzi, ta’ inċertezzi u ta’ inkwiet kbir intellettwali u spiritwali, ’l hemm u ’l hawn irġiel u nisa bdew ifittxu s-saħħa, il-konsolazzjoni u ċ-ċertezza fir-relazzjoni tagħhom ma’ Alla.

L-ilħna

Kien f’dan il-kuntest li Jeanne, ta’ 13-il sena, semgħet leħen jgħidilha li Alla se jgħinha biex tmexxi l-armata tar-Re. Kien hawn li l-arkanġlu San Mikiel qalilha li se teħles lil Orléans mill-għedewwa u li se twassal id-dauphin, li issa sar ir-Re Karlu VII, f’Rheims. Santa Margerita u Santa Katerina ħabbrulha li se tiġi maqbuda u maħruqa.

F’dan iż-żmien Domrémy ġiet mogħtija n-nar u Jeanne d’Arc u l-ġenituri tagħha kellhom iħallu l-villaġġ. Jeanne marret tliet darbiet għand il-kaptan tal-armata fil-villaġġ ta’

1412 Twelid f’Domrémy fil-Vosges 
1425 Jeanne tisma’ xi ilħna 
1429 Liberazzjoni ta’ Orléans 
1430 Jeanne maqbuda f’Compégne 
1431 Riabilitazzjoni ta’ Jeanne 
1920 Kanonizazzjoni minn Benedittu XV 
1922 Dikjarata patruna u protettriċi ta’ Franza minn Piju XI 

Vaucouleurs, sakemm fl-aħħar dan aċċetta li jgħinha f’dak li xtaqet twettaq. Hekk li fl-aħħar, fl-1429, Jeanne irħitilha lejn Chinon biex tiltaqa’ mad-dauphin. Meta dehret quddiem il-qorti rjali, m’emmnuhiex u għaddewha minn tliet ġimgħat ta’ interrogazzjoni. Ġew imqabbda xi qwiebel biex jivverifikaw jekk dik li sejħulha “La Pucelle”, jiġifieri “Il-Qaddejja” kinitx baqgħet verġni.

Il-ġrajja ta’ Jeanne d’Arc hi mera tal-istat imħarbat li fih kien sab ruħu l-pajjiż. L-istoriku, jemmen jew ma jemminx, irid jagħti kas tal-ilħna u r-rwol tagħhom fil-liberazzjoni ta’ Orléans f’Lulju tal-1429 u l-kisba mill-ġdid tat-tron ta’ Rheims.

Ittraduta u mibjugħa mill-Ingliżi lit-tribunal tal-Inkwiżizzjoni, Jeanne ġiet akkużata b’idolatrija, xiżma u ereżija. Qisuha bħala giddieba, saħħara u ħatja li libset ta’ raġel. Fil-fatt ġiet ikkundannata biex tkun maħruqa ħajja, u dan kollu raġunijiet politiċi.

Mistika li tispira qlubija

Jeanne tinkarna fiha r-reżistenza kontra l-aggressur li wasslet għat-tmiem tal-monarkija doppja. Hi l-kmandant mara, taħt l-armi, li tissimbolizza r-rebħa kontra l-Ingliżi u l-waqgħa tar-rettur tal-Università ta’ Pariġi, l-Isqof Pierre Cauchon, kif diġà semmejna. Fil-proċess li wassal għall-kundanna tagħha u li nfetah f’Rouen fid-9 ta’ Jannar tal-1431, Jeanne sabet ruħha, ta’ 19-il sena, quddiem tribunal immexxi mid-Dumnikani. Il-ħsibijiet ħżiena tal-imħallfin u l-ironija tagħhom jikkuntrastaw maċ-ċarezza tat-tweġibiet ta’ Jeanne.

Meta qalet li semgħet lil San Mikiel, staqsewha jekk kienx mingħajr ħwejjeġ. B’ton sod weġbithom: “Alla għandu ħwejjeġ biżżejjed biex bihom jilbes San Mikiel.” Wieħed jara s-sinċerità tagħha, l-innoċenza u l-fidi. Hija wiċċ pur u diżinteressat tal-Kristjaniżmu li hi tinkarna, u tal-patrijottiżmu kontra l-ġerarkija ekkleżjastika li kienet imdaħħla fl-istrateġiji politiċi u tal-kalkoli umani.

Ir-rakkont tal-proċess ta’ Jeanne d’Arc jaffaxxinana. Tispikka fih il-purità mistika ta’ Jeanne quddiem il-ħila u l-manuvri tal-imħallfin tagħha. Jolqotna wkoll il-kuntrast bejn Jeanne u l-istituzzjoni li ma ridetx tilqa’ fiha lil min ma riedx jagħmel li trid hi. L-attwalità ta’ Jeanne d’Arc tibqa’ tgħodd għal kull żmien.

_____

“L-ewwel ma naqdi lil Alla.

Kien Alla li bagħatni.

Mingħajr il-grazzja t’Alla ma nista’ nagħmel xejn.

Isir dak li jogħġob lil Alla.”

– Jeanne d’Arc

%d bloggers like this: