Minn David Rossi
Fl’Lulju tal-1984, grupp ta` żgħażagħ mill-Moviment Missjunarju, mmexxi minn Sr Annie Catania SSD u Fr Frans Micallef OP, irħewla għall-Eġittu sabiex iqattgħu żmien fil-Kajr, b` mod patikolari fil-Mukhattam u Abu Zabel, sabiex jiltaqgħu ma` Gesu’ Kristu fil-fqir u l-lebbruż. Kienet esperjenza ta` twelid mill-ġdid għal xi wħud li kienu ġejjien minn dinja sekulari, mibnija fuq l-akkwist tal-flus, popolarita`, fama, u ħajja vojta u bla sens.
Hemm, wiċċ imb’wiċċ mal-lebbruż, fil-villaġġ ta` Abu Zabel, u mat-tfal li jiġbru l-iskart tal-Kajr, dawk li kienu hemm raw ix-xejn ta` din id-dinja u ħarsu l-fuq lejn il-Ħallieq li verament jimliena bil-ferħ etern tiegħu. Hemm iltaqgħu ma` Frere Boulad FSC, Fr Oliver Borg Olivier SJ, u ma ` tant oħrajn bħal Helen Sammut, Madam Hekmeth u Soeur Emmanuelle, meqjusa bħala Mother Theresa tal-Mukhattam.

Dawn kienu individwi li fetħu t-triq għal dawk iż-żgħażagħ mħeġġa li jwarrbu dak li tagħti d-dinja, sabiex jiskopru l-għan dejjiemi tal-bniedem fuq din l-art, jiġifieri li jimxu lejn is-sema pajjiżhom permezz li jaqdu lil dawk fil-bżonn.
Dan huwa l-mod li llum ħafna żgħażagħ jistgħu jiskopru x`vera jferraħhom, il bogħod mid-droga, u vizzjijiet oħra li jdallmu u mhux li jdawwlu. Il-bniedem ma jistax jgħix mingħajr l-imħabba tal-Mulej, u din l-imħabba tidher ċara meta tilbes il-fardal ta` Gesu` u taħsel saqajn il-fqir ġewwa l-Eġittu u f`postijiet oħra madwarna. Fuq kollox, hekk għamlet Sr Matthew MC ġewwa Mukhattam matul il-ħajja qasira, iżda mimlija żelu għal dak li verament ħabbet: Gesu` Kristu, il-Feddej tagħna.