Il-Papa Franġisku jagħti appoġġ għat-tnedija ta’ Family Global Compact

Print Friendly, PDF & Email

Il-Papa Franġisku esprima l-appoġġ tiegħu għall-Patt Globali tal-Familja li qed jiġi mniedi bħala mod ta’ appoġġ għall-ġid tal-familja, “deċisiv għall-futur tad-dinja u dak tal-Knisja”. F’messaġġ maħruġ it-Tlieta 30 ta’ Mejju, l-Papa faħħar l-għanijiet tal-Patt, li hu fuq inizjattiva tad-Dikasteru għal-Lajċi, Familja u Ħajja u l-Akkademja Pontifiċja għax-Xjenza Soċjali.

Il-Patt Globali tal-Familja għandu l-għan li jdaħħal il-kura pastorali tal-familji fi djalogu ma’ ċentri ta’ studju u riċerka dwar il-familja li jinsabu f’universitajiet Kattoliċi madwar id-dinja, speċjalment fid-dawl tal-isfidi l-ġodda li l-familji qed jiffaċċjaw illum. L-għan huwa wkoll ta’ benefiċċju reċiproku, jikteb il-Papa fil-messaġġ tiegħu, “biex il-kura pastorali tal-familji fil-Knejjes partikolari jkunu jistgħu jibbenefikaw mir-riċerka u l-programmi edukattivi u ta’ taħriġ fl-universitajiet Kattoliċi”.

Il-Papa jinnota kif billi jgħaqqdu flimkien universitajiet u programmi ta’ ministeru pastorali, t-tnejn jistgħu jippromwovu aħjar il-kultura tal-familja u tal-ħajja f’dawn iż-żminijiet ta’ inċertezza u inkwiet. It-tama hi li nassiguraw li n-nies illum u ġenerazzjonijiet ġodda jkunu jistgħi japprezzaw aktar is-sbuħija, l-valur, u l-importanza essenzjali taż-żwieġ u l-ħajja tal-familja, u li jiġġeneraw u jrawmu l-ħajja umana.

Filwaqt li jsemmi l-Eżortazzjoni Appostolika tiegħu Amoris Laetitia, l-Papa jiġbor fil-qosor l-għan: li jsir “sforz aktar responsabbli u ġeneruż biex jippreżenta l-… motivazzjonijiet għall-għażla taż-żwieġ u l-familja u b’dan il-mod, biex ngħinu lill-irġiel u lin-nisa jirrispondu aħjar għall-grazzja li Alla joffrilhom.”

Illum qed nassistu dejjem aktar għal “kriżi fir-relazzjonijiet tal-familja” kkawżata minn bosta sfidi u kultant mhux previsti, kif ukoll fuq il-livell tas-soċjetà u tal-politika, li qed jagħmlu pressjonijiet fuq il-ħajja tal-familja, josserva l-Papa. U r-riċerka turi li “l-familja tkompli tkun is-sors primarju tal-ħajja soċjali, u tindika l-eżistenza ta’ prattiċi tajbin li jistħoqqilhom li jiġu kondiviżi u promossi globalment,” jenfasizza l-Papa. Huwa jappella lill-familji nfushom biex ikunu xhieda u mexxejja f’dawn l-isforzi.

Il-Papa jiddeskrivi erba’ għanjiet adottati mill-Patt Globali tal-Familja, bħala parti minn proċess fit-tul.

  • L-ewwel wieħed iħares lejn il-bidu ta’ djalogu u kollaborazzjoni akbar fost iċ-ċentri ta’ riċerka universitarji li jittrattaw kwistjonijiet tal-familja, b’netwerk akbar fosthom.
  • It-tieni għan iħares lejn il-ħolqien ta’ sinerġija akbar fil-kontenut u l-għanijiet fost il-komunitajiet Insara u l-universitajiet Kattoliċi.
  • It-tielet, huwa l-promozzjoni tal-kultura tal-familja u l-ħajja fis-soċjetà, ukoll sabiex toħroġ politika pubblika ta’ għajnuna.
  • U r-raba’, l-għan huwa li javvanzaw proposti flimkien biex il-familja tkun moqdija aħjar fl-isferi spiritwali, pastorali, kulturali, legali, politiċi, ekonomiċi u soċjali.

“Hu fil-familja li ħafna mill-ħolm ta’ Alla għall-komunità uman jitwettaq.”

Fil-messaġġ tiegħu, l-Papa jappella lil kulħadd biex ngħinu lill-familja u nwaqqfu milli tibqa’ nieżla l-isfel minħabba l-inċertezza, l-individwaliżmu, u l-konsumiżmu, jew futur fejn l-individwi jħarsu lejhom biss.

Ma nistgħux inkunu indifferenti għall-futur tal-familja bħala komunità ta’ ħajja u mħabba, patt uniku u indissolubbli bejn raġel u mara, post fejn jiltaqgħu l-ġenerazzjonijiet, għajn ta’ tama għas-soċjetà.”

Fl-aħħar nett, il-Papa Franġisku rringrazzja lil dawk kollha li ssieħbu mal-Patt Globali tal-Familja u stedinhom jiddedikaw il-kreattività u l-fiduċja tagħhom għal sforzi li jgħinu biex jerġgħu jpoġġu lill-familja fil-qalba tal-impenn pastorali u soċjali tagħna.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-05/pope-francis-gives-support-to-launch-of-family-global-compact.html

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading