It-tfittxija għall-ġid komuni

Print Friendly, PDF & Email

Il-Papa Franġisku jgħid li t-tfittxija għall-ġid komuni hija mportanti ħafna

Il-Papa Franġisku rringrazzja lill-membri tal-Fondazzjoni Centesimus Annus Pro Pontefice għall-impenn kostanti tagħhom li jsostnu ċ-ċentralità tal-persuna, l-ġid komuni, s-solidarjetà u s-sussidjarjetà fil-ħidma u l-missjoni tagħhom, u tenna t-twemmin tiegħu li “ħadd ma jiġi salvat waħdu”.

Meta indirizza lir-rappreżentanti tal-Fondazzjoni fil-Vatikan, ħeġġiġhom biex ikomplu “jaħsbu u jaġixxu f’termini ta’ komunità”, jagħmlu spazju għall-oħrajn u jaħdmu għal “futur fejn kulħadd jista’ jsib postu u jkollu l-ispazju tiegħu fid-dinja”.

“Komunità li taf tagħti vuċi lil dawk li m’għandhomx vuċi huwa dak li għandna lkoll bżonn”.

Il-Fondazzjoni Centesimus Annus qed tiċċelebra t-30 Anniversarju tagħha b’konferenza bit-titlu: “Memorja biex nibnu l-futur: Taħseb u taġixxi f’termini ta’ komunità.”

Waqt li fakkar fit-twaqqif tal-Fondazzjoni li għandha isimha u twelidha mill-enċiklika ‘Centesimus Annus’ tal-Papa San Ġwanni Pawlu II, u li nkitbet f’għeluq il-mitt sena tar-‘Rerum Novarum’ tal-Papa Ljun XIII, il-Papa qal li poġġiet ruħha fi triq li wasslitha li tistudja u xxerred id-Duttrina Soċjali tal-Knisja, “tipprova turi li din mhix teorija biss, imma tista’ ssir mod ta’ ħajja virtuż li biha s-soċjetajiet denji tal-bniedem jikbru.”

Iċ-ċentralità tal-persuna, l-ġid komuni, s-solidarjetà u s-sussidjaretà, f’dawn it-tletin sena għalikom tbiddlu f’azzjonijiet konkreti u infettaw il-qlub u l-azzjonijiet ta’ tant nies. Il-Papa rringrazzja wkoll lil dawk preżenti għal snin ta’ ħidma siewja, b’mod partikolari talli rċievew u niedew mill-ġdid il-kontribuzzjonijiet li “pprova jagħmel għall-iżvilupp tad-Duttrina Soċjali fl-Eżortazzjoni Appostolika ‘Evangelii Gaudium’”.

Il-Qdusija Tiegħu spjega l-intenzjoni tiegħu li li jwissi kontra l-periklu li “ngħixu l-ekonomija b’mod mhux tajjeb għas-saħħa” billi rrimarka li l-ekonomija attwali “toqtol” u billi “niddenunzjaw mudell ekonomiku li jipproduċi skart u jrawwem dik li tista’ tissejjaħ il-‘globalizzazzjoni tal-indifferenza’”. Huwa appella lil dawk preżenti li jaħdmu fil-qasam ekonomiku biex jimxu ‘l quddiem fl-impenn tagħhom biex joħolqu l-kundizzjonijiet għal futur aħjar għal kulħadd. Il-Papa kompla: “Tafu kemm jista’ jkun ta’ benefiċċju għal kulħadd li jkun hemm mod ta’ kif timmaġa r-realtà li tpoġġi lill-persuna fiċ-ċentru, li ma tnaqqasx lill-ħaddiema u li tfittex li toħloq il-ġid għal kulħadd”.

Il-Papa fakkar fit-tagħlim tiegħu fl-enċiklika ‘Laudato si’ dwar “il-ħsara kkawżata mill-mudell teknokratiku dominanti” u s-sejħa tiegħu għall-ekoloġija integrali, “fejn ‘kollox hu konness’, ‘kollox hu relatat’ u l-kwistjoni ambjentali hija inseparabbli mill-kwistjoni soċjali.”

Il-Papa Franġisku tenna t-twemmin tiegħu li l-kura għall-ambjent u l-ħarsien tal-foqra jmorru id f’id, u qal li “jqumu jew jaqgħu flimkien”. “Wara kollox, ħadd ma jiġi salvat waħdu u l-iskoperta mill-ġdid tal-fraternità u l-ħbiberija soċjali hija deċiżiva biex naqgħux f’individwaliżmu li jġiegħel lin-nies jitilfu l-ferħ li jgħixu”, qal.

Il-Kap tal-Knisja Kattolika esprima apprezzament għat-titlu tal-konferenzali, nnota, huwa meħud mill-enċiklika tiegħu ‘Fratelli tutti’ u minn diskors tal-2014 indirizzat lill-parteċipanti f’laqgħa dinjija tal-Movimenti Popolari.

“F’dik l-okkażjoni”, qal: “Is-solidarjetà hija kelma li mhux dejjem togħġobna; imma hija kelma li tesprimi ħafna aktar minn ftit atti sporadiċi ta’ ġenerożità. Hija taħseb u taġixi f’termini ta’ komunità, li tingħata prijorità lill-ħajja ta’ kulħadd fuq l-approprjazzjoni ta’ oġġetti minn ftit. Hija wkoll biex tiġġieled kontra l-kawżi strutturali tal-faqar, l-inugwaljanza, n-nuqqas ta’ xogħol, art u djar, iċ-ċaħda tad-drittijiet soċjali u tax-xogħol. Hija biex tiffaċċja l-effetti distruttivi tal-imperu tal-flus: spostament sfurzat, migrazzjoni bl-uġigħ, traffikar tal-bniedem, droga, gwerrer, vjolenza”.

“Is-solidarjetà, mifhuma fis-sens profond tagħha, hija mod kif tagħmel l-istorja”.

Għalhekk, kompla l-Papa Franġisku, “biex il-komunità ssir tassew post fejn min hu dgħajjef u bla vuċi jista’ jħossu milqugħ u mismugħ, dak li hemm bżonn minn kulħadd huwa dak l-eżerċizzju li nistgħu nsejħulu ‘making space’”.

“Kulħadd jirtira ftit ‘lilu nnifsu’ u dan jippermetti lill-ieħor li jeżisti”.

Jappella għal etika “ta’ rigal” u mhux dik “ta’ skambju”, l-Papa qal li l-ħidma siewja tal-Fondazzjoni Centesimus Annus tista’ tikkontribwixxi biex jitrawwem it-tkabbir ta’ komunità li fiha jkun hemm spzju għall-oħrajn, futur fejn kulħadd jista’ jsib postu, komunità li taf tagħti leħen lil dawk bla vuċi.

“Komunità li fiha nistgħu nimxu flimkien fit-triq tal-paċi”    

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-06/pope-audience-centesimus-annus-foundation-community-solidarity.html

%d bloggers like this: