Il-veduta mit-tieqa

Print Friendly, PDF & Email

Minn Edward Tagliaferro

Hemm ferħ immens meta tagħmel lil xi ħadd ferħan, minkejja s-sitwazzjoni li tkun fiha.  Meta taqsam it-tbatija, din tonqos bin-nofs, imma meta taqsam il-ferħ, dan jirdoppja.

Żewġt irġiel, morda serjament, kienu fl-istess kamra tal-isptar. Fredu kien jista’ jqum bil-qiegħda għal siegħa waħda biss kuljum biex l-infermiera jkunu jistgħu jimmedikawh.  Karmnu kien ikollu joqgħod mimdud, għax il-ħin kollu kellu bżonn id-drip.  Is-sodda ta’ Fredu kienet ħdejn l-unika tieqa tal-kamra u Karmnu kien aktar viċin il-bieb. Ma kinux jafu ‘l xulxin minn qabel, imma malajr bdew jitkellmu fuq il-familja, ix-xogħol li kienu jagħmlu, passatempi u safar. 

Karmnu darba wera x-xewqa li jkun jaf x’wieħed seta’ jara mit-tieqa.  Għalhekk Fredu, kull darba li jqajmuh bil-qiegħda, kien joqgħod jiddeskrivi l-veduta mit-tieqa.  Karmnu beda jgħix għal dik is-siegħa, fejn kien jikkonsla bil-ħajja kkulurita li kienet għaddejja barra mit-tieqa.  Fredu beda biex qallu li mit-tieqa seta’ jara daqsxejn ta’ ġnejna li f’nofsha kellha għadira ċkejkna.  Papri u ċinji kienu jgħumu fiha, fil-waqt li għasafar ta’ għamla u kulur differenti kienu jittajru ‘l hawn u ‘l hinn.  Xi familji kienu jiġu ta’ spiss jippassiġġaw madwar, bit-tfal u b’xi kelb magħhom.  It-tfal kienu jġibu dgħajjes żgħar tal-qlugħ biex ivarawhom fl-ilma. Kull tant, Fredu kien jilmaħ xi żewġ namrati, għaddejjin labranzetta fil-mogħdijiet, imdawrin bi fjuri ta’ kull lewn, qishom qed jinsġu xi tapit.  Fredu kien jiddeskrivi kollox bid-dettal – x’inhuma lebsin in-nies, x’kuluri qed jara, l-aktar meta wara xi bexxa xita tfeġġ il-qawsalla li tibda tittawwal bejn is-siġar.

Waqt din is-siegħa, Karmnu kien jagħlaq għajnejh u jimmaġina kull xena li kien qed jiddeskrivi Fredu, u jistħajlu li qiegħed hemm jifforma parti mix-xena.

Għodwa waħda, Karmnu stenbaħ u nduna li kien ġara xi ħaġa. Madwar is-sodda l-oħra kien hemm tlett tobba. Wieħed minnhom qal lil Karmnu: “Jiddispjaċini ngħidlek  li Fredu ħalliena dal-lejl.  Se neħduh issa fil-kamra mortwarja.”

Karmnu ddispjaċih ħafna.  Meta kkwitaw l-affarijiet, talab lin-ners biex tressqu ħdejn it-tieqa. In-ners ma sabitx diffikulta’ u qatgħetlu xewqtu.  Talab ukoll jistax jitla’ ftit bil-qiegħda imqar għal ftit ħin.  In-ners għenitu u qam bil-qiegħda fis-sodda.  Issa seta’ jara b’għajnejh stess il-veduta sabiħa mit-tieqa.  Imma tgħidx kemm stagħġeb meta ma ra xejn ħlief ħajt imkaħħal. “Ners, ners! Da kif Fredu kien għal siegħa kuljum jiddeskrivi xeni sbieħ li kien jara minn dit-tieqa?” “Qed tiskantani,” wieġbet in-ners. “Għax Fredu kien tilef id-dawl xi għaxar snin ilu!” “Imma, x’ġiegħlu jivvinta dawk ix-xeni dejjem varjati, meta fil-fatt ma kien qed jara xejn, l-anqas il-ħajt?”   “Probabbli xtaq li jnissillek ftit ferħ,  idderri ftit u, minkejja t-tbatijiet tiegħek, tibqa’ tieħu nteress fil-ħajja, u tagħmel kuraġġ biex tkompli.”

“Naħseb li rnexxielu, taf,” kompla Karmnu, fil-waqt li kompla jimmaġina xi xena minn dawk li kien jivvintalu Fredu.

%d bloggers like this: