L-Erbgħa
QARI I
Jien dnibt meta għamilt iċ-ċensiment. Imma dawn in-nagħaġ x’għamlu?
2 Sam 24, 2.9-17
Qari mit-Tieni Ktieb ta’ Samwel
F’dak iż-żmien, is-sultan David qal lil Ġowab u lill-kmandanti tal-eżerċtu li kienu miegħu: “Morru duru mat-tribujiet kollha ta’ Iżrael, minn Dan sa Birsaba, u għoddu l-poplu, biex jien inkun naf l-għadd tal-poplu”.
U Ġowab ta lis-sultan l-għadd taċ-ċensiment tal-poplu, li kien ilaħħaq għal Iżrael tmien mitt elf raġel kapaċi jislet ix-xabla; u għal Ġuda ħames mitt elf raġel. Iżda wara ċ-ċensiment tal-poplu David ħass qalbu ttaqtaq, u qal lill-Mulej: “Dnibt bil-kbir b’li għamilt; issa, Mulej, neħħi nitolbok, dan il-ħażen tal-qaddej tiegħek, għax tbellaħt bil-bosta”.
Xħin David qam filgħodu, il-Mulej kellem lil Gad il-profeta, il-veġġent ta’ David, u qallu: “Mur u għid lil David: Dan jgħid il-Mulej: “Tliet ħwejjeġ inqegħedlek quddiemek; agħżel waħda minnhom u jien nagħmilhielek”.
U Gad mar għand David u ħabbarlu u qallu: “Trid int li jiġuk tliet snin ta’ għaks fuq l-art? Jew taħrab għal tliet xhur minn quddiem l-għadu tiegħek hu u jiġri warajk? Jonkella li jkun hemm tlitt ijiem pesta f’pajjiżek? Issa aħsibha u għidli x’għandi nwieġeb lil min bagħatni”. U David wieġeb lil Gad: “Inħossni f’diqa kbira: Ħalli naqa’ f’id il-Mulej, għax kbira l-ħniena tiegħu; imma ma rridx naqa’ f’idejn il-bnedmin!”.
U l-Mulej bagħat il-pesta f’Iżrael, minn filgħodu sal-ħin miftiehem, u mietu mill-poplu – minn Dan sa Birsaba – sebgħin elf ruħ. Meta l-anġlu kien sejjer imidd idu għal fuq Ġerusalemm biex jeqridha, il-Mulej sogħob bih mid-deni, u qal lill-anġlu li kien qiegħed jagħmel ħerba mill-poplu: “Biżżejjed! Żomm idek!”. Dak il-ħin l-anġlu tal-Mulej kien ħdejn il-qiegħa ta’ Arawna, il-Ġebusi. Xħin David lemaħ lill-anġlu jaħbat għan-nies kellem lill-Mulej u qallu: “Arani, jien dnibt, u jien għamilt id-deni! Imma dawn in-nagħaġ x’għamlu? Ħa tkun, nitolbok, idek fuqi, u fuq dar missieri!”
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI
Salm 31 (32), 1-2.5.6.7
R/. (ara 5ċ): Aħfirli, Mulej, il-ħażen tiegħi
Hieni l-bniedem li ħtijietu maħfura,
li għandu d-dnub tiegħu mistur!
Hieni l-bniedem li ebda ħażen ma jgħoddlu l-Mulej,
u ma għandu ebda qerq f’qalbu! R/.
Id-dnub tiegħi jien stqarrejtlek,
u l-ħażen tiegħi ma ħbejthulekx.
Jien għedt: “Quddiem il-Mulej nistqarr ħtijieti”.
U int ħfirtli l-ħażen tad-dnub tiegħi. R/.
Għalhekk kull min hu twajjeb
lilek jitlob fi żmien in-niket.
Jekk ifuru ilmijiet kotrana,
lilu qatt ma jilħquh. R/.
Int kenn għalija,
mit-taħbit tħarisni,
iddawwarni u tferraħni bil-ħelsien tiegħek. R/.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 10, 27
Hallelujah. R/. Hallelujah
In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni,
u jiena nagħrafhom, jgħid il-Mulej
u huma jimxu warajja.
R/. Hallelujah
EVANĠELJU
Ebda profeta ma hu bla ġieħ jekk mhux f’pajjiżu.
Mk 6, 1-6
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, Ġesù mar lejn pajjiżu u d-dixxipli tiegħu marru miegħu. Meta wasal is-Sibt, daħal jgħallem fis-sinagoga, u l-ħafna li semgħuh bdew jistagħġbu u jgħidu: “Mnejn kisbu dan kollu? U x’inhu dan l-għerf li ngħatalu biex saħansitra qegħdin isiru dawn l-għeġubijiet kbar b’idejh? Dan mhuwiex il-mastrudaxxa bin Marija u ħu Ġakbu u Ġożè u Ġuda u Xmun? U ħutu l-bniet mhumiex hawn magħna?”. U huma skandalizzaw ruħhom minħabba fih. Qalilhom Ġesù: “Ebda profeta ma hu bla ġieħ jekk mhux f’pajjiżu u fost qrabatu u f’daru stess”. U hemmhekk ma sata’ jagħmel ebda miraklu, ħlief li qiegħed idejh fuq ftit morda u fejjaqhom; u baqa’ mistagħġeb bin-nuqqas ta’ fidi tagħhom. Ġesù mar idur l-irħula ta’ dawk l-inħawi jgħallem.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu