Illum fil-festa tal-Assunta l-Vanġelu jitkellem dwar iż-żjara tal-Madonna lil Eliżabetta fejn hi tagħti ħajr lil Alla permezz tal-Magnificat (Lq 1, 39-56). Fl-Angelus il-Papa jitħaddet minn żewġ karatteristiċi partikulari tal-Madonna, is-servizz u t-tifħir lil Alla.
Is-Servizz. Marija li kienet diġa qed iġġorr lil Ġesu’ fi ħdanha, tmur 150 kilometru l-bogħod minn Nazaret biex tgħin lil Eliżabetta. Li tgħin jiswielna ħafna tbatija, paċenzja u preokkupazzjonijiet. Dan jgħodd għal kollox: fix-xogħol, f’li trabbi t-tfal, li tieħu ħsieb xi anzjan, u anke meta b’mod volontarju wieħed jgħin mingħajr ma jistenna xejn lura.
Imma s-servizz waħdu ma jiswa għal xejn jekk ma jkunx akkumpanjat mit-tifħir lil Alla. Marija meta tidħol fid-dar ta’ kuġintha ma tgergirx dwar kemm kienet għajjiena ‘mma tinfexx tfaħħar lil Alla! Li nfaħħru lil Alla jżidilna l-ferħ, u jgħinna nkissru dik it-tentazzjoni li naqtgħu qalbna. Kemm hu sabiħ li aħna nkunu grati ta’ dak kollu li jingħatalna, minfok naħsbu f’dak kollu li forsi ma ngħatalniex u ngħixu fit-tgergir! Ejjew mela bħal Marija wara li nkunu faħħarna lil Alla nxerrdu l-ferħ ta’ Alla kullimkien! Għalhekk il-Papa jistedinna biex bħal Assunta nersqu iktar ‘il fuq lejn Alla permezz tas-servizz u t-tifħir lejh!
Wieħed jista’ jaraha fuq facebook hawnhekk: