Il-Paraguni ta’ Marija

It-Tlieta, 15 ta’ Awwissu 2023: Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma f’Jum is-Solennità tal-Għid tal-Assunta. Katidral tal-Assunta, Victoria.

Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma

Tgħid il-ħuta taf xi jfisser għaliha l-baħar? Taf li titwieled fih? Taf li tgħix fih? Taf li tagħti l-ħajja lil ħut oħra fih? Taf li barra minnu mhi xejn għajr mewt? Jiena naħseb ma tafx u kultant naħseb li aħna wkoll inkunu nixbhu lil ħuta. Tgħid aħna nafu li aħna nitwieldu fih, f’Alla, ngħixu f’Alla, ngħixu bih, mingħajru m’aħna xejn, fih nitħarrku u fih aħna? Tgħid aħna nkunu konxji minn dan kollu, li Alla hu l-kollox, u li aħna fih, bih u għalih? Insibuha ftit bi tqila biex inkunu konxji l-ħin kollu minn din il-verità. Għax spiss nimmaġinaw li ħajjitna nagħmluha aħna, jew jekk mhux aħna direttament dawk li huma qrib tagħna.

Il-festa tal-lum – ta’ Marija mtellgħa fis-sema – turina li aħna ‘aħna’, li aħna nistgħu neżistu, aħna nistgħu nkunu BISS fih, f’Alla. Ħadna l-magħmudija tagħna, l-Ispirtu ta’ Alla ġie fina, wara li kien hu li bil-kollaborazzjoni tal-ġenituri tagħna tana l-ħajja, tana l-eżistenza, jakkumpanjana fit-triq permezz ta’ dawk li aħna nsejħulhom is-sagramenti; huwa mod ta’ kif Hu jibqa’ magħna, ta’ kif hu jkun sieħeb u kumpann tagħna f’din il-mixja. Immutu u forsi għalina dak il-mument hu t-tmiem għalkemm irridu nisfurzaw biex nemmnu imma għal ħafna minna spiċċalna kollox f’dak il-mument, u Marija llum qiegħda tgħidilna li jekk aħna nitwieldu fih, u ngħixu fih u bih, aħna nibqgħu ħajjin imma fih, mhux mingħajru, nibqgħu ħajjin bil-qawwa tal-Ispirtu tal-qawmien tiegħu mill-imwiet. Din hija verità li għandna bżonnha ħafna, b’mod speċjali fiż-żmien fejn it-tama tonqos, fejn il-qtigħ ta’ qalb bħallikieku jkun qiegħed jirkeb u jirbaħ il-kuraġġ u l-kapaċità li naffrontaw is-sitwazzjonijiet li toffrilna l-ħajja ta’ kuljum.

Il-ġrajja tal-Vanġelu

Il-ġrajja tal-vanġelu tal-lum, ġrajja sempliċi, tgħinna nifhmu kif din il-verità kollha, kif dan il-baħar ta’ Alla ngħixu fih, jista’ jaffettwana fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Jista’ minn issa stess ibiddel xi ftit għall-aħjar, jimliena bit-tama u bil-kuraġġ, fis-sitwazzjonijiet li llum għaddejjin minnhom fl-istorja ta’ ħajjitna. “F’dawk il-ġranet…”, hekk beda l-vanġelu tal-lum San Luqa, “Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet” (Lq 1,40). Liema kienu dawk il-ġranet? Kienu l-ġranet li fihom Marija tisma’ l-kelma permezz tal-anġlu u lil Alla tgħidlu “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej” (Lq 1,38), hawn jien, nisma’ minnek, hawn jien, se nagħmel kif tgħidili int, ħalli l-qawwa tal-kelma tiegħek, ħalli l-ispirtu tiegħek li hemm fil-kelma tiegħek ikun l-enerġija li tgħinni ngħix, li tagħtini l-ħajja. Dawn kienu “dawk il-ġranet”, il-ġranet illi fihom id-Dell tal-Għoli, is-sħaba tal-Għoli, kienet niżlet fuq Marija. Għaliex niżlet fuq Marija s-sħaba tal-Għoli? Għax fl-Antik Testment, kull darba li kien hemm il-preżenza ta’ Alla, il-preżenza tad-Divin b’mod speċjali fuq l-Arka, dik il-kaxxa li fiha kien hemm it-twavel tal-Liġi, biċċa mill-bastun ta’ Aron u ftit manna, dik il-kaxxa li kienet tissejjaħ l-Arka, kulfejn kienet tkun, fuqha kien ikun hemm il-preżenza ta’ Alla, bħallikieku Alla jrid jissiġġilla b’mod viżibbli illi qiegħed hemm.

Il-vanġelu jgħidilna li l-anġlu lil Marija qalilha li d-Dell ta’ Alla, id-Dell tal-Ispirtu, is-Sħaba tal-Ispirtu, tiġi fuqek. Mela Marija kienet mimlija bl-Ispirtu ta’ Alla, Marija mimlija bil-Kelma ta’ Alla … u x’tagħmel Marija? Kemm hu sabiħ il-vanġelu… Marija tqum, jgħidilna San Luqa, u tħaffef. Dak il-verb ‘tqum’ huwa verb qawwi ħafna, mhux sempliċiment tbiddel il-pożizzjoni, minn bilqiegħda tqum bilwieqfa, imma hu verb li juri x’jiġri fil-qalb, li juri x’jiġri fl-interjorità ta’ persuna li tkun semgħet il-kelma ta’ Alla u qaltlu iva. ‘Jien ħa nagħmel kif trid int!’ X’jiġrilha Marija? Tqum minn ġo fiha, tqum bl-enerġija, bl-entużjażmu. Il-verb huwa ‘Ἀναστασία’ (anastasía), l-istess verb li jintuża biex ngħidu li Ġesù rxoxta u qam rebbieħ fuq il-mewt. U Marija tqum, mimlija bl-Ispirtu ta’ Alla. Mela mhux sempliċiment tbiddel pożizzjoni imma Marija mimlija bil-qawwa, bil-kuraġġ, bil-pożittività, bl-ottimiżmu. Kemm għandna bżonnu dan l-ottimiżmu llum fejn terz tal-popolazzjoni tagħna tieħu l-kalmanti, u tgħaddi minn żminijiet ta’ dipressjoni. Kemm għandna bżonn dan l-Ispirtu ta’ Alla, kemm għandna bżonnha din il-kelma li kif qajmet lil Marija, ara taħsbu li Marija ma kellhiex inkwiet u diffikultajiet hi wkoll, ara taħsbu li kienet ħafifa l-istorja tat-tqala tagħha, ara taħsbu li għaliha kienet sempliċi li tispjega lill-ġenituri tagħha, li tirraġuna ma’ Ġużeppi, ara taħsbu li Marija kienet xi ħaġa speċjali! Le! Kultant tant naqtgħuha mill-art lil Marija li ma nħalluhiex tkun waħda minna, u ma nħalluhiex tinfluwenzana. U aħna naħsbu li ma nistgħux inkunu bħalha, li ma nistgħux ikollna l-atteġġjamenti tagħha. Le! Marija kienet waħda minna, bħalna.

X’tagħmillek il-kelma ta’ Alla?

Marija tqum, għax il-kelma ta’ Alla hekk tagħmillek. U x’tagħmel Marija? Tagħmel dak li nittama li se nagħmlu aħna kif nitilqu minn hawn. Marija tmur id-dar, mhux f’darha, imma d-dar ta’ Żakkarija, u ssellem lil Eliżabetta. Kollha kemm aħna, wara hawnhekk, se mmorru f’xi dar, (iva, forsi hemm il-marċ wara) imma f’xi ħin jew ieħor irridu mmorru d-dar. U x’jiġri fid-dar? Meta Marija, mimlija bil-kelma ta’ Alla, bl-entużjażmu, bil-kuraġġ u bl-ottimiżmu, x’jiġri fid-dar? L-ewwel u qabel kollox id-dar hija ta’ Żakkarija. L-isem ‘Żakkarija’ ifisser ‘dak li jiftakar’ – Alla jiftakar. Ma ninsewx li Żakkarija kien dak li ma emminx, imma għalkemm m’emminx, Żakkarija kien jiftakar, bħalma jiftakar kull wieħed u waħda minna fid-dwejjaq tagħna, bħalma niftakru meta nħossu li Alla telaqna. Xi jfisser Alla jiftakar fik, fija, fina? Meta tkun għaddej minn żmien iebes Alla jiftakar, Żakkarija li huwa int u jien, jirribella ġo fina, jirribella għax ma joqgħodx għalija. Kif dan Alla li suppost jieħu ħsiebna, dan Alla li jsalvana! Interessanti … Alla qiegħed jiftakar fik, Alla qiegħed jiftakar f’qalbek, Alla qiegħed jgħajjat ġewwa fik,… fejn hu Alla? Alla qiegħed jgħajjat ġewwa fik. Meta int qiegħed tagħmel il-mistoqija ‘Fejn hu Alla?’ Żakkarija!

Marija ssellem lil Żakkarija, hi ssellem dawk is-sitwazzjonijiet fid-djar tagħna li għaddejjin mid-diffikultà, mill-problemi, mill-iebes tal-ħajja, dawk li għaddejjin mir-ribelljoni, mid-dwejjaq. X’inhuma d-dwejjaq jekk mhux l-għajta u l-karba ta’ Alla bil-maqlub. X’inhu d-dwejjaq jekk mhux Żakkarija fik. Alla jiftakar, Alla ma jinsiex.

Lil min issellem Marija? Marija ssellem lil Eliżabetta. Xi jfisser l-isem ‘Eliżabetta’? (אֱלִישֶׁבַע) Alla jżomm il-wegħda. Eliżabetta temmen, b’differenza minn Żakkarija, li Alla jżomm il-wegħda. Għalhekk Marija tidħol fid-dar ta’ Żakkarija, ma ssellimx lilu imma ssellem lil Eliżabetta. X’jiġifieri ssellem lil Eliżabetta? Mhux ‘bonġu’ jew ‘il-festa t-tajba’ jew ‘saħħa’ jew ‘il-lejl it-tajjeb’. It-tislima ta’ Marija hija wisq iktar minn hekk! Il-kelma ‘shalom’ (šālōm) bil-Lhudi tfisser il-ġid tad-dinja kollu, il-paċi, il-prosperità, l-abbundanza, il-ferħ, l-hena, sitwazzjoni li ma tistax tkun aħjar … hekk tfisser issellem meta Marija tidħol fid-dar ta’ Żakkarija u ssellem lil Eliżabetta? Għaliex? Għax meta aħna niftakru li aħna qegħdin f’Alla, illi Alla huwa l-baħar tagħna, illi Alla jgeżwirna mill-bidu sal-aħħar, anzi sa wara l-aħħar, għax mhemmx l-aħħar għal ħajjitna… meta niftakru dan kollu – Alla jżomm il-wegħda – aħna nimtlew bit-tama, bil-qawwa u l-kuraġġ. Inkunu għaddejjin minn xiex għaddejjin fil-ħajja, anki jekk Żakkarija jkun qawwi, ikun b’saħħtu fil-ħajja tagħna, anki jekk il-problemi u d-diffikultajiet jkunu iebsa u nħossuhom fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, imma hemm il-qawwa ta’ Alla permezz tal-kelma tiegħu, tal-preżenza tiegħu f’Marija.

Eliżabetta tfaħħar lil Marija

X’jiġri meta Marija ssellem lil Eliżabetta? Eliżabetta titqanqal f’ġufha. Aħna ngħidu ‘jitqanqal Ġwanni f’ġufha’. Verament jitqanqal Ġwanni f’ġufha imma fil-ġuf tiegħi u fil-ġuf tiegħek, fil-ġuf tagħna lkoll, hemm Ġwanni x’jitqanqal, jew aħjar hemm tarbija li trid titwieled, tikber u timmatura u tgħix. Hija l-istess Ġesù li kull wieħed u waħda minna rċevejna fil-magħmudija tagħna, huwa l-istess Ġesù li jrid joħroġ minn ġo kull persuna ta’ kull wieħed u waħda minna … għalhekk aħna nissejħu kristjani. L-istess Ġesù li bil-mod il-mod irridu nagħtuh l-ispazju tiegħu, u sakemm ma nagħtuhx l-ispazju tiegħu, sakemm ma nħalluhx jikber, dan l-Iben ta’ Alla li hemm f’kull wieħed u waħda minna, aħna se nħossuna mhux f’postna, aħna se nħossu li tonqosna xi ħaġa. Dan hu li jiġri f’Eliżabetta, jitqanqal mhux biss Ġwanni imma jitqanqal l-istess Ġesù, l-istess Kristu li hemm fija, li jrid jitwieled, jgħix u jikber fiha, kif irid jgħix, jitwieled u jikber f’kull wieħed u waħda minna.

U x’jiġri? Jiġri li Eliżabetta tibda tfaħħar lil Marija. Irriflettu ftit din ix-xena kemm hi mimlija bil-ferħ, bil-pożittività. U din il-pożittività kollha minfejn titlaq? Titlaq minn punt wieħed … mill-fatt li Marija tkun disponibbli li tisma’ l-kelma ta’ Alla. “Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej, ħa jkun minn dak li għedtli, ħa jkun minni dak li smajt mingħandek, ħa jkun minni skont kelmtek”. U x’jiġri fil-familji tagħna? X’ġara fid-dar ta’ Żakkarija meta daħlet Marija?

Marija tfaħħar ’l Alla

Marija tibda tfaħħar lil Alla u Marija tibda tagħmel il-kontro-oppożizzjonijiet, tibda tqabbel f’dak l-innu sabiħ meħud mill-Antik Testment, u tgħid “Agħmel ħniena magħna l-Mulej, mhux mal-imkabbrin f’qalbhom imma agħmel ħniena ma’ dawk li jibżgħu minnu”. X’jiġifieri tkun imkabbar f’qalbek? Jew x’jiġifieri tkun tibża’ minnu? Kemm hi problema kbira fil-familji tagħna meta aħna nħossu li rridu nkunu kbar f’qalbna, meta rridu nitkabbru f’qalbna. X’jiġifieri meta wieħed jitkabbar f’qalbu? Meta nitkabbar f’qalbi? Meta ma naċċettax ir-realtà tiegħi, meta m’iniex kuntent bija nnifsi, meta nħossni agħar minn ħaddieħor, meta nħoss li l-oħrajn, dawk kollha ta’ madwari, lili jagħtuni mill-agħar, anki jekk dan ma jkunx veru; meta ma nħossnix maħbub fir-realtà tiegħi … dakinhar jien nitkabbar f’qalbi, inkun supperv. Ara taħsbu li min jerfa’ rasu jew min jipprova li hu xi ħaġa, din jagħmilha għax hu tassew xi ħaġa, imma sfortunatament jiġri bħal molla, aktar ma trossha l’isfel aktar trid ittir u togħla ’l fuq! Hekk ukoll jiġri fil-ħajja u fil-familja tagħna, meta din id-dar tagħna mhix replika u repetizzjoni ta’ dan il-baħar li hu Alla.

Ma ninsewx li fil-bidu tal-Ġenesi, meta Alla ħalaq il-bniedem, għamilhom raġel u mara fuq ix-xbieha tiegħu. Il-familja hija xbieha ta’ Alla, allura d-dar mhix għajr il-baħar fiċ-ċokon, mhix għajr Alla fiċ-ċokon, din l-imħabba fiċ-ċokon, li trid trawwem fl-imħabba, f’relazzjonijiet awtentiċi, fis-sempliċità, fl-aċċettazzjoni reċiproka, trid trawwem bnedmin maturi u kristjani, trid tgħin lill-istess ġenituri u lil kull wieħed u waħda minna nwelldu lil Ġesù fina, l-istess id-dar tagħna. Imma meta ma nsibux ġenituri jew nies madwarna li jilqgħuna kif aħna, li jħobbuna kif aħna, li jridu dejjem xi ħaġa minna, u li jnisslulna fina s-sens ta’ inferjorità, – m’aħniex kapaċi bħal ħaddieħor, meta jipparagunawni ma’ oħti, mal-kuġina, kemm nagħmluha – xi jkun qiegħed jiġri? Inkunu qegħdin naħmu bil-mod il-mod bniedem supperv, inkunu qegħdin ngħidulu bil-mod il-mod li jekk ma jirreaġixxix, ma jqumx fuq tiegħu, jekk ma jgħix fil-fantasija li hu xi ħaġa, allura ħa jibqa’ jħossu ħażin, mill-agħar.

Il-kategoriji ta’ nies li Alla jħobb

Marija tikkompara u tpoġġi f’kunflitt flimkien lil dawk li jibżgħu minn Alla ma’ dawk li huma mkabbra f’qalbhom. X’jiġifieri tibża’ minn Alla? Tibża’ minn Alla ma jfissirx titwerwer minnu daqskemm li żżomm postok, tkun taf min int, tilqa’ lilek innifsek, tagħraf li inti iben ta’ Alla, tagħraf li l-kapaċitajiet, id-difetti li għandek huma kollha aċċettati kif inhuma minn Alla. Hekk ifisser tibża’ minn Alla, ser tgħix fil-paċi u fit-trankwillità! X’ma jkunx hemm is-sliem fid-dar ta’ Eliżabetta! X’ma jkunx hemm is-sliem fid-djar tagħna meta nħallu l-kelma ta’ Alla ddawwalna u tgħinna fl-edukazzjoni taż-żgħar tagħna!

U tkompli Marija billi tqabbel żewġ kategoriji oħra ta’ nies, lil dawk li huma potenti u liċ-ċkejknin, dawk li għandhom is-setgħa u l-poter u dawk li jobdu, liċ-ċkejknin. L-istess hawnhekk… Marija tgħidilna u tfakkarna li ċ-ċkejken huwa l-kbir, ċkejken kif għallimna Ġesù fil-vanġelu, huwa dak li jorbot il-fardal ma’ qaddu, il-poter ta’ veru mhux għajr poter tal-qadi, mhux għajr il-poter tal-għotja tagħna nfusna. Jekk xi ħadd fil-familja, missier jew omm, xi ħadd mill-aħwa, irid ikun f’saħħtu u qawwi fil-familja, irid ikollu s-setgħa ħalli jxammar idejh, jilbes il-fardal u jaqdi! Din hija s-setgħa u l-qawwa ta’ veru: “Fostkom m’għandux ikun hekk”, qalilna Ġesù, imma l-kbir fostkom għandu jkun il-qaddej ta’ kulħadd. Min irid ikun l-ewwel fostkom għandu joqgħod wara kulħadd u jaqdi lil kulħadd. Ejjew nagħmlu mill-familji tagħna verament djar, baħar ta’ qadi reċiproku, mhux ta’ poter, ta’ setgħa, ta’ obbligi, ta’ dmirijiet, ta’ regoli, imma ta’ imħabba li tintwera fil-qadi ta’ xulxin.

L-aħħar paragun li tagħmel Marija huwa bejn l-għonja u l-foqra. Dawk li kienu għonja sabu ruħhom b’idejhom vojta. Hekk jgħidilna l-innu tal-Magnificat. Kemm iltqajt ma’ nies għonja b’qalbhom u b’idejhom vojta, li għaddew l-aħjar snin ta’ ħajjithom jaħdmu u jistinkaw, forsi għall-familja, għal uliedhom, u spiċċaw biex lanqas biss kellhom ċans, xi darba jew oħra, jiltaqgħu magħhom, joqogħdu bilqiegħda ħdejhom u jkellmuhom. Kemm iltqajt ma’ nies għonja illi kważi fl-aħħar ta’ ħajjithom isibu lilhom infushom foqra wisq iktar mill-foqra. L-għana għalxiex għandu jservina? Il-ġid għandu jservina biss għall-bżonijiet tagħna. Dak li hu żejjed, dak li m’għandniex x’nambu kollu jmur għall-qerda tagħna u għall-qerda ta’ dawk li nħobbu. Iż-żejjed li jkollna biex jagħmlilna l-ħsara. L-għana bħall-ikel, jekk ftit iħallik bil-ġuħ, imma jekk iż-żejjed jagħmillek id-deni. Din hi r-realtà tal-ħajja; m’għandniex għalfejn infittxu l-vanġelu, jew inqallbu fil-kotba tal-filosofija, jew fl-iskrittura. Hija l-esperjenza tal-ħajja tagħna.

Santa Marija – smigħ u għajxien tal-kelma ta’ Alla

Marija mtellgħa fis-sema turina ċ-ċentralità, l-importanza ta’ Alla f’ħajjitna, fil-ħajja tagħna lkoll. Ejjew nitħeġġu fil-festa tal-lum, ejjew immorru lura għas-sors, għall-bidu tal-kobor ta’ din il-Mara. Fejn hu l-kobor ta’ dik il-mara, jekk mhux fis-smigħ u l-aċċettazzjoni tal-kelma ta’ Alla! Fejn hu l-entużjażmu, fejn hi s-sbuħija, interna u sterna, ta’ din il-mara, jekk mhux fis-smigħ tal-kelma ta’ Alla! Żgur li Marija, qatt u qatt ma hi se tieqaf tgħidilna dak li qalet lill-qaddejja fit-tieġ ta’ Kana: ‘isimgħu u agħmlu dak li jgħidilkom Hu!’Noqogħdu attenti għax sfortunatament, ħafna drabi, aħna stess, nies tal-Knisja, ibda minni, nagħmlu ħafna affarijiet, nintilfu f’ħafna affarijiet, u dak li hu essenzjali – is-smigħ tal-kelma ta’ Alla, il-ħin għal din il-kelma biex nisimgħu lil Alla jkellimna, u jgħidilna x’għandna nagħmlu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, nittraskurawh. Noħduha bħala xi ħaġa ta’ kuljum, noħduha ‘for granted’.

Le! Din il-Mara ‘ikun minni skont kelmtek’ ma qalithiex darba biss f’ħajjitha, imma l-ħajja kollha tagħha kienet definizzjoni, spjegazzjoni, kontinwazzjoni ta’ dak li qalet lil Alla fil-persuna tal-anġlu: “Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek!”

Jalla, kull wieħed u waħda minna dalgħodu, meta mmorru d-dar, immorru ftit iktar mimlijin bil-kelma, bl-entużjażmu, b’Ġesù, u għalkemm qegħdin fih, f’dan il-baħar bla qies, meta mmorru fi djarna, aħna wkoll illum flok noqogħdu nitlewmu fuq il-ħmerijiet, flok noqogħdu niġġieldu fuq iċ-ċuċati, ejjew nimtlew bil-ferħ, bil-qawwa tal-Ispirtu, u nkunu verament nies li nħobbu u nilqgħu lil xulxin, naċċettaw lil xulxin, inkunu nies li m’għandniex għalfejn inkunu potenti, anzi, il-potenza tagħna nuruha fil-qadi, inkunu nies li m’għandniex bżonn inkunu ta’ ħafna għana imma l-għana tagħna tkun il-persuna, ir-relazzjoni tagħna mal-oħrajn, b’mod partikulari l-imħabba tagħna lejn Ġesù u lejn Marija.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading