Il-Kardinal Parolin fis-Sudan t’Isfel: is-servizz umli jista’ jegħleb ‘il-pesta tal-vendettà

Fit-tieni jum tiegħu fis-Sudan t’Isfel, il-Kardinal Pietro Parolin vvjaġġa lejn il-belt tat-Tramuntana ta’ Malakal, fl-Istat ta’ Upper Nile, fejn hemmhekk iċċelebra Quddiesa fil-Katidral ta’ San Ġużepp.

Nhar it-Tnejn, is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan beda ż-żjara tiegħu ta’ 4 ijiem fin-nazzjon Afrikan, hekk kif qed ifittex li jippromwovi l-proċess ta’ paċi li għalih il-Papa Franġisku u l-Knisja lokali ilhom favur għal diversi snin.

Fl-omelija tiegħu fil-Quddiesa tas-Solennità tat-Tlugħ ta’ Marija fis-sema, l-Kardinal Parolin qasam it-tislima u l-qrubija tal-Papa mal-poplu tas-Sudan t’Isfel. “Il-Qdusija Tiegħu għad għandu memorji qawwija taż-żjara tiegħu fis-Sudan t’Isfel”, qal il-Kardinal, “u jġorr f’qalbu dan il-pajjiż, lin-nies, id-diffikultajiet u l-feriti, kif ukoll l-asptettattivi u t-tamiet tagħhom.”

Il-Kardinal Parolin qal liż-żjara tiegħu fil-pajjiż tfittex li twassal “il-komunjoni u s-solidarjetà tal-Knisja Universali” u fakkar lis-Sudan t’Isfel li l-ebda Nisrani qatt mhu waħdu peress li aħna lkoll magħqudin fi Kristu. “U jekk membru wieħed ibati, hu jew hi għandhom dritt akbar mill-oħrajn għall-attenzjoni, għall-ħarsien, u għall-imħabba”, qal. “Nixtieq li dalgħodu tħossu l-attenzjoni, l-ħarsien u l-imħabba tal-Knisja kollha!”

Is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan kompla jiddeplora l-ħafna gwerer li qed joqtlu n-nies f’diversi partijiet tad-dinja, nkluż l-gwerra ċivili tas-Sudan t’Isfel stess. Huwa fakkar fil-ħafna nies li qed jaħarbu minn djarhom minħabba l-kunflitt, filwaqt li nnota l-“pesta kbira ta’ vendetta” li qal “qed teqred il-komunitajiet tagħkom”. Madankollu, żid il-Kardinal Parolin, l-Assunzjoni ta’ Marija jfakkar lill-insara, li l-ħażen qatt ma għandu l-aħħar kelma, u li l-qawwa ta’ dawk li jumiljaw lill-oħrajn tgħaddi malajr, peress li “l-kburija, l-armi u l-flus tagħhom ma jsalvawhomx.”

Huwa ħeġġeġ lin-nies tas-Sudan t’Isfel biex iħarsu lejn Kristu u lejn ommu u jiftakru lit-tama f’Alla qatt ma tiddiżappunta, speċjalment meta l-insara jgħaqqdu t-tama tagħhom mal-fidi u l-azzjonijiet konkreti ta’ servizz umli f’isem il-paċi. “L-fidi, l-imħabba, l-umiltà”, qal il-Kardinal, “huma t-triq tal-Evanġelju, t-triq li fuqha mxiet Marija u li wasslitha lejn il-post splendenti, bħala Reġina, fuq il-lemin ta’ Binha Ġesú, biex tkun sinjal ta’ faraġ u tama għad-dinja kollha.”  

It-Tlieta wara nofsinhar, il-Kardinal Parolin żar iċ-ċentru ta’ akkoljenza għar-refuġjati li jirritornaw mis-Sudan. Malakal rat diversi inċidenti ta’ vjolenza bejn il-komunitajiet li kkawża l-mewt ta’ diversi persuni u ħsarat estensivi fil-proprjetà. Ġlied f’kamp wieħed, il-ġimgħa li għaddiet qatel mill-inqas 13-il persuna u weġġaw aktar minn 20 persuna oħra.  L-inċident seħħ f’sit tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Pretezzjoni taċ-Ċivili, mmexxi mill-UNMISS, il-missjoni taż-żamma tal-paċi tan-NU fis-Sudan t’Isfel. Minn Diċembru 2022, aktar minn 37,000 persuna ġew spostati internament u qed joqgħodu fil-kamp ta’ Malakal.

Il-Kardianl Parolin qatta t-Tnejn fil-kapitali, Juba, fejn iltaqa’ mal-President Salva Kiir Mayardit u mal-Viċi President Riek Machar, kif ukoll mal-Kardinal Gabriel Zubeir Wako, Arċisqof Emeritu ta’ Khartoum, u mal-Arċisqof ta’ Juba, Stephen Ameyu Martin Mulla.

Stqarrija għall-istampa mill-Uffiċċju tal-President qal li l-Kardinal Parolin ta’ “messaġġ ta’ rieda tajba mill-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku.” Il-President u l-Karidnal iddiskutew diversi kwistjonijiet relatati mal-proċess ta’ paċi u l-elezzjonijiet ġenerali previsti għall-2024. Il-Kardinal Parolin “appella wkoll lin-nies tas-Sudan t’Isfel biex iħaddnu l-ispirtu ta’ paċi u ta’ rikonċiljazzjoni sabiex jibnu soċjetà armonjuża fil-pajjiż”.

Nhar it-Tnejn, il-Kardinal ħa sehem ukoll f’ċerimonja ta’ tħawwil ta’ siġar fil-Parroċċa tal-Katidral ta’ Santa Tereża f’Juba, bħala sinjal tax-xewqa tal-poplu tas-Sudan t’Isfel li jfittex il-paċi f’art twelidu. F’rimarki qosra waqt iċ-ċerimonja, l-Kardinal Pietro Parolin irringrazzja lill-parruċċani lokali tal-merħba sabiħa tagħhom waqt it-tielet żjara tiegħu fis-Sudan t’Isfel.

Il-Kardinal stieden lis-Sudan t’Isfel biex “jistinkaw għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni f’dan il-pajjiż sabiħ.” F’isem il-Papa Franġisku, sellem lill-Arċisqof Ameyu u lill-fidili kollha tal-Parroċċa tal-Katidral, u ħeġġeġ liż-żgħażagħ biex iħaddnu l-identità tagħhom bħala l-futur tas-Sudan t’Isfel.

F’intervista mal-midja lokali, s-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan qal liċ-ċerimonja tat-tħawwil tas-siġar offriet stedina simbolika għan-nies biex jieħdu ħsieb il-Ħolqien. Iż-żgħażagħ speċjalment, qal, huma msejħa biex jieħdu ħsieb id-dar komuni tagħna, peress li huma “l-futur ta’ dan il-pajjiż, il-futur tal-umanità, il-futur tad-dinja u għandhom iħossuhom impenjati ħafna biex jippreservaw din id-dar komuni.”        

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit:
https://www.vaticannews.va/en/vatican-city/news/2023-08/cardinal-pietro-parolin-south-sudan-malakal-mass-authorities.html

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading