Qari tat-Tnejn tat-Tielet Ġimgħa tar-Randan

Print Friendly, PDF & Email

QARI I
Kien hemm bosta lebbrużi f’Iżrael, imma ħadd minnhom ma ġie mfejjaq ħlief Nagħman tas-Sirja (ara Lq 4:27).
2 Slat 5:1-15a

Qari mit-Tieni Ktieb tas-Slaten

F’dak iż-żmien, Nagħman, il-kmandant tal-eżerċtu tas-sultan ta’ Aram, kien kbir quddiem sidu, u dan kien iġibu ħafna, għax bih il-Mulej kien ta r-rebħa lil Aram. Iżda r-raġel, għad li suldat qalbieni, kien lebbruż.

Ħarġu l-Aramin bil-ġgajtiet tagħhom, u mill-pajjiż ta’ Iżrael ġiebu magħhom tfajla żagħżugħa, li saret il-qaddejja ta’ mart Nagħman. Darba qalet lil sidtha: “Mhux li kien sidi jmur quddiem il-profeta li hemm f’Samarija! Għax kien ineħħilu l-lebbra li għandu”. Nagħman daħal ikellem lil sidu u qallu: “Dan u dan ma qalet iż-żagħżugħa li ġibna mill-pajjiż ta’ Iżrael”. U s-sultan ta’ Aram qallu: “Aqbad u mur. Issa nibgħat ittra lis-sultan ta’ Iżrael”.

U mar, u ħa miegħu għaxar talenti tal-fidda, sitt elef xekel tad-deheb, u għaxar tibdiliet ħwejjeġ. U lis-sultan ta’ Iżrael wassallu l-ittra, li kienet tgħid hekk: “Kif tasallek din l-ittra, ara, inkun bgħattlek il-qaddej tiegħi Nagħman, biex tneħħilu l-lebbra li għandu”. Malli qara l-ittra s-sultan ta’ Iżrael ċarrat ilbiesu u qal: “Mela jien xi alla, nagħti l-mewt u nagħti l-ħajja, biex dan bagħatli bniedem ħa nneħħilu l-lebbra minn fuqu? Mela kunu afu u araw, li dan tassew qiegħed ifittex li jaqbad miegħi”.

Issa ġara li Eliżew, il-bniedem ta’ Alla, sama’ li s-sultan ta’ Iżrael kien ċarrat ħwejġu minn fuqu; u għalhekk bagħat jgħidlu: “Dan għaliex ċarratt ħwejġek minn fuqek? Ħa jiġi għandi, u jkun jaf li hemm profeta f’Iżrael”. U mar Nagħman, biż-żwiemel u l-karrijiet tiegħu, u waqaf quddiem il-bieb tad-dar ta’ Eliżew. Eliżew bagħatlu messaġġier jgħidlu: “Mur inħasel seba’ darbiet fil-Ġordan, u ġismek jerġa’ jindaflek”.

Nagħman iżda saħan u telaq. “Ara”, qal, “jien għedt bejni u bejn ruħi li hu kien se jaqbad u joħroġ, jieqaf quddiemi, u jsejjaħ isem il-Mulej, Alla tiegħu, u jxejjer idu fuq il-ġrieħi, u jneħħili l-lebbra! Jaqaw Abana u Farfar, ix-xmajjar ta’ Damasku, mhumiex aħjar mill-ilmijiet kollha ta’ Iżrael? Ma nistax ninħasel fihom u nindaf?”. U dar u telaq b’saħna.

Imma l-qaddejja tiegħu resqu jkellmuh u qalulu: “Missier, li kieku l-profeta qallek xi ħaġa kbira ma kontx tagħmilha? Mela kemm iżjed meta qallek: “Inħasel u tindaf”? Niżel fil-Ġordan, u għodos seba’ darbiet, bħalma qallu Eliżew, il-bniedem ta’ Alla, u ġismu raġa’ sarlu qisu l-ġisem ta’ tfajjel żagħżugħ, u ndaf mil-lebbra tiegħu.

U raġa’ lura għand il-bniedem ta’ Alla, hu u kull min kellu miegħu; daħal, waqaf quddiemu u qallu: “Ara, issa naf, iva, li ma hemmx Alla ieħor fid-dinja kollha, ħlief f’Iżrael. Ilqa’, nitolbok, dan ir-rigal mingħand il-qaddej tiegħek”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 41(42):2,3; 42(43):3,4

R/. (41(42):3): Ruħi għatxana għal Alla.

Bħalma għażżiela tixxennaq
għan-nixxigħat tal-ilma,
hekk tixxennaq ruħi għalik, o Alla. R/.

Ruħi għatxana għal Alla,
għal Alla l-ħaj;
meta niġi u nara wiċċ Alla? R/.

Ibgħat id-dawl tiegħek u s-sewwa tiegħek;
huma jmexxuni;
iwassluni sal-għolja mqaddsa tiegħek
u sal-għerejjex tiegħek. R/.

U nidħol ħdejn l-altar ta’ Alla,
ħdejn Alla, ferħ u hena tiegħi.
U rroddlok ħajr biċ-ċetra,
o Alla, Alla tiegħi. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Salm 129(130):5,7

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Jien lill-Mulej nistenna, ruħi f’kelmtu tittama.
Għax għand il-Mulej hemm it-tjieba,
u l-fidwa għandu bil-kotra.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

EVANĠELJU
Ġesù bħal Eliżew u Elija ġie għal kulħadd.
Lq 4:24-30

Qari mill-Evanġelju skond San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù ġie Nazaret, daħal fis-sinagoga u qal lill-ġemgħa: “Tassew, ngħidilkom, ebda profeta ma jilqgħuh tajjeb f’pajjiżu. Għax, ngħidilkom is-sewwa, kien hemm bosta romol f’Iżrael fi żmien Elija meta s-sema baqa’ tliet snin u sitt xhur magħluq u waqa’ ġuħ kbir fil-pajjiż kollu; madankollu għand ħadd minnhom ma ntbagħat Elija, imma għand waħda armla minn Sarefta ta’ Sidon. U kien hemm bosta lebbrużi f’Iżrael fi żmien il-profeta Eliżew, imma ħadd minnhom ma ġie mfejjaq ħlief Nagħman tas-Sirja”.

Meta semgħu dan fis-sinagoga kulħadd imtela bil-korla; qamu, u ħarġuh ’il barra mill-belt, ħaduh fuq xifer ta’ rdum tal-għolja li fuqha kienet mibnija l-belt tagħhom, u riedu jixħtuh minn hemm fuq għal isfel. Iżda hu għadda minn ġo nofshom u baqa’ sejjer.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading