Qari tal-Ġimgħa tar-Raba’ Ġimgħa tal-Għid

Print Friendly, PDF & Email

QARI I
Il-wegħda li Alla kien għamel temmha għalina billi qajjem lil Ġesù mill-imwiet.
Atti 13:26-33

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

F’dak iż-żmien, huwa u jitkellem fis-sinagoga ta’ Antjokja ta’ Pisidja, Pawlu qal: “Ħuti, ulied Abraham, u intom mill-ġnus li tibżgħu minn Alla, lilna bagħatha Alla l-aħbar ta’ din is-salvazzjoni. In-nies ta’ Ġerusalemm u l-kapijiet tagħhom ma għarfux lil Ġesù, u anqas ma fehmu kliem il-profeti li jinqraw kull nhar ta’ Sibt; madankollu temmewhom huma stess billi kkundannawh għall-mewt. Għalkemm ma sabux fuqiex setgħu jagħtuh il-mewt, talbu lil Pilatu biex ineħħilu ħajtu.

U meta temmew dak kollu li kien miktub fuqu, niżżluh mis-salib u qegħduh f’qabar. Imma Alla qajmu mill-imwiet. Għal ħafna jiem baqa’ jidher lil dawk li kienu jitilgħu miegħu mill-Galilija lejn Ġerusalemm, u li issa huma xhieda tiegħu quddiem il-poplu. U għalhekk aħna qegħdin hawn, biex nagħtukom l-aħbar, li l-wegħda, li Alla kien għamel lil missirijietna, temmha għalina, li aħna wliedhom, billi qajjem lil Ġesù mill-imwiet, kif hemm miktub fit-tieni salm: ‘Ibni int, jien illum nissiltek’”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 2:6-7,8-9,10-11

R/. (7): Ibni int, jien illum nissiltek.
jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

“Jien għamiltu s-sultan tiegħi,
fuq Sijon, l-għolja mqaddsa tiegħi”.
Irrid inxandar id-digriet tal-Mulej;
hu qalli: “Ibni int, jien illum nissiltek. R/.

Itlobni, u l-ġnus nagħtik b’wirtek,
u truf l-art bi priża tiegħek.
B’virġa tal-ħadid int tkissirhom,
bħal ġarra tal-fuħħar frak tagħmilhom”. R/.

U issa, slaten, ifhmu sewwa;
twiddbu, intom li taħkmu l-art.
Aqdu lill-Mulej bil-biża’,
u bir-rogħda riġlejh busu. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 14:6

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja, jgħid il-Mulej.
Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja.
Ġw 14:1-6

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll. Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet. Li ma kienx hekk, kont ngħidilkom: ‘Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu’? U meta mmur u nħejjilkom post, nerġa’ niġi biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll. U t-triq għall-post fejn sejjer tafuha”. Tumas qallu: “Mulej, aħna ma nafux fejn inti sejjer. Kif nistgħu nafu t-triq?”. Wieġbu Ġesù: “Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

%d bloggers like this: