Knisja 2000 – Teoloġi Kattoliċi ta’ żmienna

F’kull żmien it-teoloġija kienet indispensabbli għall-Knisja biex tirrispondi għall-pjan ta’ Alla – l-edtorjal tar-rivista Knisja elfejn

Michael Caruana

“Teoloġi Kattoliċi ta’ żmienna” hu s-suġġett tal-aħħar pubblikazzjoni tar-rivista Knisja elfejn. Jitrattaw dan is-suġġett l-Isqof Ġorġ Frendo, Natalino Camilleri, Sr Mary Anne Sultana, Fr Mario Farrugia, Dr Dorianne Buttigieg, Monsinjur Professur Hector Scerri, Professur John Berry, Fr Raymond Gatt (l-editur ta’ din ir-rivsta), Fr Christopher Caruana u Dun Dr Kevin Schembri.

Wara li jirreferi għal dak li wassal għall-akbar avveniment tal-Knisja Kattolika fis-seklu għoxrin, jiġifieri għall-Konċilju Vatikan II u għat-tħejjija tiegħu, l-editorjal isemmi l-moviment teoloġiku li għen biex il-Knisja taġġorna għat-tibdil li beda jsir. Isemmi wkoll ġenerazzjoni ta’ teoloġi ġodda li għallmu lill-Knisja kif għandha tiddjaloga mal-kultura moderna bil-problemi kollha li l-bniedem kien għaddej minnhom f’dinja ta’ bidla mgħaġġla f’kull sfera tal-ħajja.

“F’kull żmien”, isostni l-editorjal ta’ Knisja elfejn, “it-teoloġija kienet indispensabbli għall-Knisja biex tirrispondi għall-pjan ta’ Alla billi ħadet kunsiderazzjoni tal-problemi ġodda li jħabbat wiċċu magħhom l-ispirtu uman”. Ikompli li “minħabba li l-oġġett tat-teoloġija hi l-verità li hi Alla nnifsu u l-pjan tiegħu għas-salvazzjoni rrivelata fi Kristu, it-teologu hu msejjaħ biex japprofondixxi l-ħajja tiegħu ta’ fidi u kontinwament jgħaqqad ir-riċerka xjentifika mat-talb. Ir-rwol tat-teologu hu li b’mod partikolari jifhem b’iktar profondità l-Kelma ta’ Alla kif tinsab fl-Iskrittura ispirata u kif din hi mgħoddija permezz tat-tradizzjoni ħajja tal-Knisja. Għalhekk il-ħidma tat-teologu trid tirrispondi għad-dinamiżmu li hemm fl-istess fidi Nisranija.

“Fuq kollox”, itemm l-editorjal, “l-iskop tat-teoloġija hu li toffri l-għajnuna tagħha biex il-fidi tkun tistas’ tiġi komunikata lill-bniedem ta’ kull żmien”.

Ir-rivista Knisja elfejn toħroġ kull tliet xhur mill-patrijiet Dumnikani.  

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading