Meta naraw x’inhu jiġri madwarna u fid-dinja, tiġi l-mistoqsija jekk il-Knisja għadhiex rilevanti għad-dinja tal-lum. Għal xi wħud il-Knisja hi ħaġa żejda u li għadda żmienha. Ikun hemm ukoll min jittollera l-Knisja, imma jridha “tibqa’fis-sagristija” u toqgħod kwieta taqdi s-lil dawk li jinteressahom is-servizz tagħha.
Mhux hekk jgħid id-dokument Gaudium et Spes. Il-Knisja titkellem dwar dak li jinteressa lill-bniedem, bħad-dinjità tal-persuna, dwar kif il-bnedmin jistgħu jgħixu f’komunita’ flimkien u dwar ir-relazzjoni bejn il-Knisja u d-dinja. Kif ukoll dwar id-djalogu bejn il-Knisja u d-dinja. Għax il-Knisja hi magħmula mill-bnedmin u hi preżenti proprju fost il-bnedmin.
Il-Gaudium et Spes jgħid li, filwaqt li l-Knisja, li ġejja mill-imħabba tal-Missier, imwaqqfa fiż-żmien minn Kristu, magħquda fl-Ispirtu s-Santu, għandha bħala fini s-salvazzjoni. Dan misteru li ma jistax jintlaħaq, ħlief fid-dinja li għad trid tiġi. Imma aħna qegħdin ngħixu fid-dinja t’issa. Il-Knisja hi hawn, fuq l-art. Il-membri tagħha huma msejħin biex jagħmlu l-familja ta’ wlied Alla, hawnhekk fuq l-art.
Jiġifieri l-Knisja, meta tfittex il-fini tagħha ta’ salvazzjoni, mhux biss tħares lejn il-ħajja ta’ wara din, imma b’ħafna manjieri xxerred ukoll id-dawl tagħha fuq id-dinja, l-aktar billi – kif għedna mill-Gaudium et Spes – tgħolli d-dinjità tal-persuna, issaħħaħ l-għaqda tas-soċjetà tal-bnedmin u tagħti sens u tifsir aktar profond lill-ħidma tagħna ta’ kuljum. Dan ma tistax tagħmlu jekk se tibqa’ ‘l-ġewwa mill-ħitan tagħha. Imma veru li, kif jgħidu xi wħud, li l-Knisja għandha tingħalaq fis-sagristija? Mhux diġa’ qiegħda barra mis-sagristija? U kif għamlitu dan, u għadha tagħmlu?

Għal ħafna snin, il-Knisja sawwret kultura fost ħafna popli. Veru li bdiet minn ġewwa. MiIl-knejjes, il-katidrali, il-monasteri, li huma l-istedina ta’ kultura, mill-Knisja lid-dinja. Iċ-ċelebrazzjonijiet, li jferrħu n-nies, huma miftuħin għal kulħadd b’dak kollu li joffru. Iwiegbu għal dak li l-bniedem hu għatxan għalih. Ma’ kull żmien ippromoviet arti, mużika u festi, ma jimpurtax, iva, anke ta’ folklore. U lanqas ma nistgħu ngħidu li għax ħafna attivitajiet isiru fil-Knisja, il-Knisja hi b’xi mod magħluqa. Hi miftuħa għal kulħadd. Hemm qassis li jisimgħek u jagħtik pariri, bla ħlas.
X’vojt kien ikun hawn mingħajr il-Knisja! Il-Knisja toffri ħafna lill-komunita’. Ma mmorrux ‘il bogħod. Immaġina lil Malta mingħajr il-Katidral ta’ San Ġwann. Fejn l-aktar li jmorru t-turisti? Dan biss eżempju wieħed tal-kontribut sabiħ li l-Knisja tagħti lill-pajjiż.
Għal nies ta’ rieda tajba, il-Knisja toħroġ mis-sagristija, b’tant skejjel, sptarijiet, djar li jilqgħu l-orfni! U kemm xogħol f’artijiet tal-missjoni. X’ġid jagħmlu l-missjunarji li jħallu ‘l pajjiżhom biex jgħaddu s-snin fost popli foqra. Kemm għajnuna u fejqan mill-membri tal-Knisja.
Konna fil-festa ta’ San Gejtanu. Jirrappreżenta l-ġid li tagħmel il-Knisja, ‘lil hemm mis-sagristija. Kulfejn mar, Ruma, Venezja, Napli, beda sptarijiet anke għal mard inkurabbli. Forsi tafu li kien San Gejtanu li beda l-Monte di Pieta’ ta’ Napli, biex nies batuti jkunu jistgħu jissellfu l-flus bla ma jkollhom iħallsu imgħax għoli. Hemm storja ħelwa. San Gejtanu jara raġel b’rasu baxxuta bejn idejh. Jidher inkwetat. Jiġi lejh raġel mgħaġġel b’karti f’idejh. Kien il-bankier. Bankier: “Ara meta se tħallas, għax se tispiċċa ħażin.” “M’għandix minn fejn.” “Mela għaliex issellift, la kont taf li mhux se tasal?” “Ma kontx naf li se jitla’ daqshekk imgħax.” “Hekk jonqos, insellfu l-flus mill-bank, u ma nitħallsux imgħax tajjeb!” “Agħtini ftit żmien ieħor.” “Ma nagħtik żmien xejn! Nitfgħak il-ħabs!”
Gejtanu jkun qed jisma’ kollox, u jersaq lejn iż-żewġt irġiel. “Sinjur, nagħtik kelma li niġbor il-flus li inti qed titlob lil dan l-imsejken. Sa ġimgħa oħra jkunu għandek.” Il-bankier jgħaffeġ l-karti u jitlaq bil-herra. Gejtanu jgħid lill-fqir: “Ħabib, mur id-dar bil-kwiet. Anzi l-istorja tiegħek se tkun il-bidu ta’ bank ieħor; bank li jsellef lill-foqra u ma jiħux imgħax.” “TajbKoa l-idea!” “U nsemmuh Monte di Pieta’, jiġifieri il-Bank tal-Ħniena. Nafda f’Alla li dan il-bank jirnexxi, u ‘l quddiem għad ikun il-Bank ta’ Napli!” Minn hemm beda l-Banco di Napoli!
Il-Knisja hi sinjal ta’ tama. Għalhekk ‘Gaudium et Spes’, ‘Ferħ u Tama’. Żgur li ħafna minna rajna xi ħaġa mill-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li sar fil-Portugal f’dan ix-xahar? U kif il-Knisja ħarġet mis-sagristija! Eluf ta’ żgħażagħ, anzi miljun mid-dinja kollha. Knisja sabieħa, knisja żagħżugħa.
U l-Papa Franġisku ħareġ mis-sagristija? Għalkemm batut, jivvjaġġa fil-bogħod. Jiltaqa’ ma kulħadd. Jilqa’ lil kulħadd. Hawn xi leħen li jinstema iktar minn tiegħu? Iħeġġeġ għall-paċi fid-dinja, għall-ambjent, għall-valur tal-ħajja. Kliemu jidwi, mhux biss ġol-Vatikan, imma mad-dinja, kważi kuljum. Dan kollu juri kemm il-Knisja hi relevanti għall-bniedem tal-lum.
Joe Galea