Is-sopran Maltija Anita Vella Bondin aktar kmieni dax-xahar ingħatat l-opportunità li tkanta solo bil-Malti l-innu Marjan “Ġejt Quddiemek Nitlob” (As I kneel before You), fil-purċissjoni Aux Flambeaux li ssir kull filgħaxija fis-Santwarju Nazzjonali ta’ Lourdes. Il-kliem tal-innu bil-Malti kitbu l-Isqof Awżiljarju u Vigarju Ġenerali Joseph Galea-Curmi għall-ewwel Quddiesa tiegħu fil-Parroċċa San Ġużepp Ħaddiem fl-4 t’Awwissu 1991. Minn dak iż-żmien ’il hawn bdiet titkanta din il-verżjoni bil-Malti. Il-mużika hi ta’ Maria Parkinson,
Dakinhar ukoll, erba’ nisa mill-kor tal-parroċċa Santa Venera kantaw silta mill-kurunella tal-Madonna ta’ Lourdes u abbati (tfajla) mill-istess parroċċa qalet parti mill-ħames posta tar-Rużarju bil-Malti.

Il-kuntatti mas-Santwarju Nazzjonali Madonna ta’ Lourdes biex Anita tkun tista’ tkanta solo bdew minn Michael Caruana, Tour Leader mal-EuroTours u awtur tal-ktieb Pass, pass f’Lourdes u fil-madwar fil-bidu ta’ Mejju li għadda u l-parteċipazzjoni tagħha kienet konfermeta lejn tmiem Awwissu minn Frèdèric Dupuy, il-persuna l-ġdida reponsabbli mill-kant u l-mużika tas-Santwarju.
Oriġinarjament Anita ngħatat l-permess li tkanta biss stofra waħda, iżda tant l-esekuzzjoni tagħha kienet tajba li d-Direttur tal-kor ta’ dakinhar talabha darbtejn tkompli.
Din kienet it-tieni darba f’dawn l-aħħar snin li persuna Maltija ngħatat l-opportunità li tkanta solo waqt il-purċissjoni Aux Flambeaux li għaliha jkunu preżenti eluf ta’ pellegrini mid-dinja. Fost dawk preżenti waqt l-esekuzzjoni ta’ Anita Vella Bondin kien hemm żewġ gruppi minn Malta u għadd ta’ individwi Maltin li laqgħu bil-ferħ is-sehem ta’ Anita tant, li wara l-purċissjoni, uħud minnhom baqgħu jistennewha biex jifirħulha.
Din ma kenitx l-ewwel darba Anita Vella Bondin kantat bħala solista. Fost oħrajn kantat fi tliet kunċerti organizzati mill-APS Bank, f’kunċert ġewwa Bella Pais Abbey f’Ċipru u fi Starlit Opera kif ukoll f’kunċerti oħra fil-Kon Kattidral San Ġwann, f’St. Paul’s Anglican Cathedral u fit-Teatru Manoel fil-Belt Valletta. Hi tkanta wkoll mal-Goldberg Ensemble, mal-Cappella Musicale Caeciliana u mal-Kor tal-Parroċċa Santa Venera.
Michael Caruana wera s-sodisfazzjon tiegħu għall-opportunità li Frèdèric Dupuy, il-Choirmaster il-ġdid tas-Santwarju Madonna ta’ Lourdes ta lil Anita Vella Bondin li bis-sehem żgħir tagħha f’din l-attività internazzjonali għamlet unur lil pajjiżna. Il-bandiera Maltija fil-ħin tal-esekuzzjoni kienet qed tperper ma’ bnadar ta’ nazzjonijiet oħra fit-taraġ li jagħti għall-bażilka Immakulata Kunċizzjoni.
Minn Michael Caruana