50 sena mit-twaqqif tal-ewwel Gruppi ta’ Talb ta’ San Piju ta’ Pietrelcina f’Malta.
Fr Joe Buttigieg OFMCap
Ħamsa u Ħamsin sena ilu miet Patri Piju ta’ Pietrelcina, il-Kapuċċin tal-pjagi. Id-devozzjoni lejh kibret iktar minn meta kien għadu ħaj. Fil-gżejjer Maltin nistgħu ngħidu li bdiet tinħass madwar 90 sena ilu.
Fit-Tletinijiet kien diġa hawn xi ritratti ta’ Patri Piju jiġru fl-idejn, jiġifieri kien hemm xi Maltin li kienu semgħu bil-Kapuċċin tal-pjagi u marru jżuruh. Iżda kien biss fil-bidu tas-snin Ħamsin meta bdew jiġu organizzati xi pellegrinaġġi għal San Giovanni Rotondo fejn kien jgħix dak li n-nies kienet iżommu bħala l-bniedem t’Alla.
Fl-1972, il-Provinċjal tal-Kapuċċini, Patri Frangisku Azzopardi minn tas-Sliema, kien ħatar lil Patri Anton Azzopardi mill-Marsa, bħala promotur tad-devozjoni lejn Patri Piju tal-pjagi. F’dik l-istess sena, Patri Anton, kien mar San Giovanni Rotondo biex jieħu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet li saru f’għeluq ir-raba’ sena mill-mewt ta’ Patri Piju (23 ta’ Settembru 1968). Sakemm dam hemmhekk huwa għamel kuntatti biex kiseb l-informazzjoni meħtieġa biex ikun jista’ jagħti bidu ħalli jitwaqqfu l-Gruppi ta’ Talb ta’ Padre Pio fil-Ġzejjer tagħna.
Dan ma damx ma seħħ bit-twaqqif tal-ewwel Grupp ta’ Talb ġewwa l-Mosta, fid-Dar ta’ l-anzjani, Pax et Bonum, imexxija mis-Sorijiet Frangiskani tal-Qalb ta’ Ġesu, f’Jannar tas-sena 1973, taħt il-ħarsien ta’ San Pawl.
Dan l-aħħar, dan il-Grupp qiegħed jiltaqa’ fiċ-Ċentru Pastorali Sant’Andrija, Il-Mosta stess taħt it-tmexxija spiritwali tal-Kanonku Dun Antoine Borg.
Imbaghad iktar tard f’dik l-istess sena, fix-xahar t’Ottubru, twaqqaf Grupp ta’ Talb iehor. Din id-darba fil-Parrocca ta’ Stella Maris, tas-Sliema, fiż-żmien li fih kien Kappillan Mons. Carmelo Bianco.
Dan il-Grupp ta’ Talb ġie mqiegħed taħt il-ħarsien tal-Madonna tal-Grazzja.
Għal ħafna snin l-Ulied Spiritwali ta’ San Piju ta’ Pietrelcina ta’ dan il-Grupp ta’ Talb kienu jiltaqgħu fl-eqdem kappella f’Tas-Sliema dik tal-Madonna tal-Grazzja, kappella filjali tal-parroċċa ta’ Stella Maris. Imbagħad, għamlu żmien jiltaqgħu ġewwa Fatima House imexxija mis-Sorijiet Ursolini. Minn informazzjoni li għandi, il-Grupp kien reġa’ mar lura fil-kappella tal-Madonna tal-Grazzja.
Kienu diversi l-‘leaders’ tal-Grupp, bħalma kien is-Sur Giovanni Abela, u is-Sinjorina Doris Debono. Hekk ukoll l-Assistenti Spiritwali, il-Patrijiet Kapuċċini Anton Azzopardi, Joe Saliba, Patrick Debattista, id-Dumnikan Joe Vassallo u s-sottoskrit.
Patri Piju waqqaf il-Gruppi ta’ Talb biex iwieġeb għax-xewqa li kien wera’ l-Qdusija Tiegħu l-Papa Piju XII, nhar it-13 ta’ Marżu, 1943, matul it-Tieni Gwerra Dinija, meta stieden lil insara biex, kbar u żgħar, jiltaqgħu jitolbu flimkien.
Għaxar snin ilu kont fakkart it-twaqqif ta’ dawn iż-żewġ Gruppi ta’ talb fil-parroċċi rispettivi tagħhom. Il-Mosta nhar it-Tlieta 22 ta’ Jannar 2013 fil-knisja parrokkjali, illum Bażilika, u fil-knisja parrokkjali ta’ Stella Maris nhar it-Tlieta 22 ta’ Ottubru 2013.