Nhar l-Erbgħa 18 ta’ Ottubru 2023, Patri Timothy Radcliffe, Dumnikan Ingliż, għamel riflessjoni spiritwali bħala parti mis-Sinodu ta’ Sinodalità, dwar il-Konċilju ta’ Ġerusalemm, li jissemma fl-Atti tal-Appostli. Patri Radcliffe hu awtur ta’ diversi kotba, fosthom Why go to church u What is the point of being a Catholic?
Patri Radcliffe beda bil-festa liturġika ta’ dakinhar, tal-Evanġelista San Luqa. F’kap 15 tal-Atti, Luqa jirrakkonta dwar dak li wassal għall-ewwel Konċilju, imsejjaħ il-Konċilju ta’ Ġerusalemm, li sar biex jiffaċċja l-ewwel kriżi kbira tal-Knisja, wara l-Inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq l-appostli, il-Pentekoste. Sar fi Knisja li għadha kif twieldet, imma hi frammentata. Kien hemm firda bejn il-Knisja ta’ Ġerusalemm u Pawlu, bit-tagħlim tiegħu ta’ ħelsien mil-Liġi; fil-Knisja ta’ Ġerusalemm il-Fariżej ikkonvertiti ħassew li huma maqtugħin mill-bqija tal-Insara; l-Apppostli, mmexxija minn Pietru kienu kontra l-‘anzjani’ li ħarsu lejn Ġakbu, ħu l-Mulej. B’hekk il-Knisja kellha quddiemha kriżi ta’ identita’, wisq ikbar minn dak li nistgħu nistħajlu llum.
Patri Radcliffe jikkwota kliem il-Papa f’Lisbona f’dan is-sajf: li “ħajja mingħajr kriżi hi ħajja mingħajr emozzjoni, ħajja mingħajr kriżijiet hi bħal ilma qiegħed, m’hi tajba għal xejn, ma fiha togħma ta’ xejn.” Fil-kriżijiet, aħna nimmaturaw, mill-kriżi tat-twelid sal-kriżi tal-mewt. Jekk inħaddnu l-kriżijiet bit-tama, niffjorixxu. Jekk nippruvaw nevitawhom, ma nikbru qatt. Radcliffe jgħid li qabel ma telaq għas-Sinodu, ingħata T-shirt minn ħabib tiegħu Amerikan, bil-kliem: “Nawguralek kriżi tajba!”
Fl-Atti naqraw li l-Appostli u l-presbiteri nġabru “biex jaraw fuq din il-biċċa” (Atti 15, 6). Dan juri li l-Knisja minn dejjem iltaqgħet, kif qed isir ukoll bħalissa fis-Sinodu. Fit-tielet talba Ewkaristika ngħidu: “Inti qatt ma tieqaf milli tiġbor għandek poplu biex minn tlugħ ix-xemx sa’ nżulha jkun offert sagrifiċċju f’ismek.” Il-kelma Griega għall-Knisja, Ekklesia, tfisser laqgħa flimkien. Hawn Patri Radcliffe jistaqsi: “Aħna lesti li niltaqgħu flimkien, mhux biss fiżikament, imma wkoll b’qalbna u b’moħħna?”
Ikompli li Ġesu’, waqt li ħares lejn Ġerusalemm qabel mar għall-Passjoni, beka fuq Ġerusalemm: “Kemm il darba ridt niġma’ ‘l uliedek bħalma tiġieġa tiġbor il-flieles tagħha tagħha taħt ġwenħajha, u int ma ridtx!” (Lq 13, 34). Radcliffe jistaqsi: “Aħna lesti li morru ‘lil hemm min-nuqqas ta’ ftehim u mis-suspett? Jew inkunu bħall-iben il-kbir fil-parabbola tal-Iben il-Ħali li joqgħod mal-ġenb, filwaqt li ma riedx jingħaqad mal-ferħ tar-ritorn ta’ ħuh?”
Ir-rakkont tal-Atti juri li d-dixxipli ltaqgħu f’Ġerusalemm biex minn hemm jintbagħtu Antijokja u fl-artijiet kollha. Aħna wkoll niltaqgħu fl-Ewkaristija biex nintbagħtu. Hemm in-nifs tal-Ispirtu s-Santu fil-pulmuni tagħna, li jagħti l-ossiġnu lill-Knisja. Inġbarna ġewwa biex niskopru l-paċi bejnietna u noħorġu barra biex nipproklamawha fid-dinja msejkna tagħna, imsallba b’iktar vjolenza, fl-Ukrajna, l-Art Imqaddsa, Myammar, Sudan, u tant pajjiżi oħra. Kif nistgħu nkunu sinjal ta’ paċi jekk aħna mifrudin bejnietna?
Il-Konċilju ta’ Ġerusalemm iltaqa’ “f’isem Ġesu’”, kif ukoll qed jiltaqa’ s-Sinodu. Fis-Sinodu nitolbu kuljum: “Ninsabu quddiemek, Spirtu Qaddis, hekk kif iltqajna f’ismek.” Li nkunu miġburin fl-isem tal-Mulej ifisser li aħna b’fiduċja żgura li l-grazzja t’Alla qed taħdem b’qawwa ġo fina. Pietru qal lir-raġel magħtub fil-bieb tat-tempju: “Fidda u deheb m’għandix, imma dak li għandi nagħtihulek. F’isem Ġesu ta’ Nazaret,’ Kristu, qum imxi” (Atti 3, 6).

Patri Radcliffe jgħid li spiss ikun hemm min jgħidlu: “Is-Sinodu mhu se jibdel xejn”; uħud jesprimu dan b’tama u oħrajn b’biżgħa. Imma dan hu nuqqas ta’ fidi fl-isem tal-Mulej, “l-isem li hu fuq kull isem” (Fil 2, 9). Jgħid li hemm innu antik li jibda hekk: “Norbot miegħi illum, l-isem qawwi tat-Trinita’”. Jekk aħna miġburin fl-isem qawwi tat-Trinita’, il-Knisja se tiġi mġedda, għalkemm forsi b’manjieri li mhumiex ovvji mmedjatament. Dan mhux ottimiżmu, imma l-fidi appostolika tagħna. Isemmi li wieħed mill-aqwa għalliema tiegħu, Dumnikan minn Sri Lanka, jismu Cornelius Ernst. Dan kien jitkellem dwar il-qawwa tal-grazzja t’Alla biex jagħmel kollox ġdid. Fl-Apokalissi hemm: “Ara li jien se nġedded kollox” (Apok 24, 5). Il-Knisja hi dejjem ġdida, bħal Alla, l-eqdem fiż-żmien, u tarbija li għadha kif twieldet.
Fil-Konċilju ta’ Ġerusalemm id-dixxipli nġabru flimkien għax raw li Alla kien diġa’ qed jagħmel kollox ġdid. Ġesu’ mar qabilhom u kellhom ilaħħqu mal-pass tal-Ispirtu s-Santu. Pietru jipproklama li: “Alla, li jagħraf il-qlub, tahom xhieda (lill-pagani) billi tahom l-Ispirtu s-Santu bħalma ta lilna, bla ma għażel bejna u bejnhom” (Atti 15, 8).
Patri Radcliffe semma’ kif fil-gwerra ċivili tal-Burundi, huwa dar il-pajjiż ma’ tnejn mill-patrijiet, wieħed mit-tribu Hutu u l-ieħor mit-Tutsi. Filgħaxija, it-tlieta li huma ċċelebraw flimkien l-Ewkaristija, Ingliż u żewġ Afrikani, wieħed Hutu u l-ieħor Tutsi. Kien ġest ġdid ta’ x’jiġifieri ‘aħna’. Jgħid: “Irċevejna l-Ewkaristija qabel ma daħħalnieha f‘moħħna u f’qalbna.”
Illum Alla tagħna diga’ qed jagħmel Knisja li m’għadhiex aktar primarjament tal-Punent. Hi l-Knisja Kattolika tal-Lvant, Asjatika, Afrikana u Amerikana ta’ Isfel. Hi Knisja fejn diġa’ nisa qed jassumu resposabbilta’ u qed jirrinnovaw it-teoloġija u l-ispiritwalita’ tagħna. Knisja fejn diga’ żgħażagħ minn madwar id-dinja kollha, kif rajna f’Lisbona, qed jieħdu direzzonijiet ġodda, fil-Kontinent Diġitali. Fil-preżenza ta’ rġiel u nisa qaddisa, nirringrazzjaw lil Alla għax: “Inti ġġedded il-Knisja f’kull żmien billi tqajjem irġiel u nisa li kienu kbar fil-qdusija”. Dawn in-nies diġa’ qegħdin fostna. U bir-raġun nistaqsu: “X’għandna nagħmlu? Mistoqsija iktar fundamentali hi: “X’qed jagħmel Alla?” U “jiena qed naċċetta l-grazzja tal-ġdid?” Patri Radcliffe jiskanta kif xi Dumnikani saħansitra opponew kienu lil San Injazju ta’ Loyola?
L-Appostlu Ġakbu fehem li dak li hu ġdid hu bini mill-ġdid tal-qadim. Jikkwota lill-profeta Amos: “Wara dan jien nerġa niġi, u nibni d-dar ta’ David, li waqghet; mill-fdal tagħha nibniha u nwaqqafha, biex il-popli l- oħra kollha jkunu jistgħu jfittxu lill Mulej – anke l-pagani kollha li fuqhom ikun imsejjaħ l-isem tieghi.” Il-ġdid hu dejjem rinnovament li ma tal-qadim, li ma tkunx qed tistennieh. Dan għaliex kull konflitt bejn tradizzjoni u progress huma għalkollox ħaġa aljena għall-Kattoliċiżmu.
F’dan is-Sinodu rridu nikkunsidraw liema proċessi ġodda, istituzzjonijiet u strutturi huma meħtieġa. Mhux se jkunu soluzzjonijiet għal problemi ta’ tmexxija, imma espressjoni iktar sħiħa ta’ dak li aħna. Niftakru li l-istorja tal-Knisja hi waħda ta’ kreattivita’ istituzzjonali li ma tieqaf qatt.
Wara li l-Kristjaneżmu sar magħruf bħala r-reliġjon tal-Imperu Ruman, feġġew forom godda ta’ ħajja Nisranija bil-missirijiet u l-ommijiet tad-dezert, biex joħduha kontra l-periklu l-ġdid tal-ġid. Fis-seklu 13, bdew universitajiet ġodda li taw viżjoni ġdida għal dak li għandu jkun uman. Fi żmien ir-rivoluzzjoni industrijali, nibtu mijiet ta’ forom ġodda ta’ ħajja reliġjuża biex jersprimu li aħna Nsara tal-faqar urban.
Liema istituzzjonijiet neħtieġu biex jesprimu min aħna bħala rġiel u nisa ta’ paċi fi żmien ta’ vjolenza, aħna l-abitanti tal-Kontinent Diġitali? Kull persuna mgħammda hi profeta. Kif se nagħrfu u nħaddnu r rwol tal profezija fil-knisja llum? Xi ngħidu dwar il-leħen profetiku tan-nisa, li ħafna drabi jidhru bħala “mistednin fl-istess darhom”?
Fl-aħħar, il-Konċilju ta’ Ġerusalemm neħħa minn fuq il-pagani t-toqol li ma kienx neċessarju. “Għax kien deher tajjeb għall-Ispirtu s-Santu u għalina biex ma nqiegħdux fuqkom toqol ikbar minn dak li hu meħtieġ.” Ġew ħielsa minn identita’ mogħtija mill-liġi l-qadima.
Kif se nneħħu t-toqol minn fuq l-ispallejn għajjiena ta’ ħutna rġiel u nisa li llum spissi ħossuhom skomdi fil-Knisja? Mhux se tkun xi ħaga drammatika, bħal li nneħħu l-Liġi. Lanqas mhi se tkun bidla fundamentali fl-identita’ tagħna bħal dik tad-dħul tal-pagani fil-bidu tal-Knisja.
Aħna, iżda, imsejħa biex inħaddnu sens iktar profond ta’ dak li aħna, bħala l-ħbieb improbabbli tal-Mulej, li l-ħbiberija skandaluża tiegħu tilħaq kull fruntiera. Radcliffe jgħid li “Ħafna minna bkew meta smajna b’dik il-mara żagħżugħa li neħħiet ħajjitha għax kienet bi-sesswali u li ma kinitx tħossha milqugħa.” Jittama li: “li din bidlitna.” Ifakkar fi kliem il-Papa li “aħna lkoll milqugħa”.
Patri Radcliffe ikkonkluda r-riflessjoni tiegħu billi qal li darba kien hemm raġel li ntilef fl-Irlanda. Staqsa lil wieħed bidwi: “Kif immur Dublin?” Il-bidwi wieġbu: ‘Kieku ridt immur Dublin, ma kontx nibda minn hawn.” Mela aħjar nibdew minn kulfejn hemm in-nies, li hu minfejn jibda l-vjaġġ għad-dar, id-dar tal-Knisja u d-dar tas-Saltna t’Alla.
Joe Galea