Titwila lejn ir-raba’ u l-aħħar ġimgħa tas-Sinodu tal-Isqfijiet.

Jekk mhux mill-bieb nidħlu mit-tieqa. Minn Dun Frans Bonnici.

Waqt li s-Sinodu tal-Isqfijiet dwar is-Sinodalità wasal fit-tmiem tal-ewwel parti, 2023, se jkompli l-mixja tiegħu fis-sena 2023-2024.

It-Tnejn, 23 ta’ Ottubru 2023, il-ġimgħa bdiet bil-quddiesa li ppresidiha il-Kardinal Charles Maung Bo, l-Arċisqof ta’ Yangon fil-Myanmar. Dakinhar bdiet is-sittax il-Kongregazzjoni Ġenerali. Kienu preżenti 350 parteċipant bejn Isqfijiet, lajċi u saċerdoti flimkien mal-Papa Franġisku.

Dakinhar il-Kardinal Mario Grech, is-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet, ippreżenta abbozz tal-Ittra li s-Sinodu irid jibgħat lill-Poplu ta’ Alla. Il-Kardinal talab lill-parteċipanti jagħmlu suġġerimenti żgħar u żidiet qabel il-pubblikazzjoni tagħha. 

Il-Kardinal Schönborn qal,”Is-sinodalità hija l-aħjar triq.” Ara tal-Kardinal Schönborn ritratt mal-abbatini Maltin is-sajf tal-2023.

L-Erbgħa, 25 ta’ Ottubru, il-Papa għamel intervent u ddeskriva l-Knisja bħala,”l-poplu li jemmen f’Alla, infallibbli fit-twemmin.” Il-Papa qal,” Meta trid taf x’temmen Ommna l-Knisja Mqaddsa, mur għall-Maġisteru, għax dan għandu responsabilità li jgħallimhulek; imma meta trid taf kif temmen il-Knisja, mur għand il-Poplu ta’ Alla: l-imgħammdin, li jidfnu l-mejtin tagħhom u li l-membri tal-Ġerarkija jiġu minnu.”

Il-Papa dar fuq nota iebsa meta f’dan id-diskors tiegħu lill-Assemblea tas-Sinodu qal,”Il-ministri tal-Knisja ġieli jesaġeraw fis-servizz tagħhom u jaħkmu iktar milli jmexxu lill-Poplu t’Alla.”

Il-Ġimgħa, 27 ta’ Ottubru 2023 kien jum ta’ sawm u talb għall-paċi fost gwerer li għaddejjin bħalissa bejn il-Palestinjani u l-Israel, l-Ukraina u r-Russja u ġlied bejn diversi pajjiżi fid-dinja. Il-Kardinal Grech qal,”Ma ngħejjewx nitolbu bla waqfien għall-paċi.”

Is-Sibt 28 ta’ Ottubru 2023, is-Sinodu tal-Isqfijiet fuq is-Sinodalità wasal għar-rapport li fih jinġabar kull ma intqal matul dan ix-xahar li ilu għaddej. Dan ir-rapport inqara u wkoll deher fuq l-iskrin. Kull paragrafu kellu numru. Hu u jinqara ir-rapport, l-parteċipanti tas-Sinodu bid-dritt għall-vot, minn posthom, ivvutaw iva jew le għal kull paragrafu. Il-paragrafi li ġabu maġġoranza ta’ żewġ terzi baqgħu fir-rapport.

Dan ir-rapport il-Papa Franġisku jagħmlu tiegħu u jippublikah għalina l-lkoll, il-Poplu ta’ Alla.

F’quddiesa solenni li saret fil-Bażilika ta’ San Pietru, fil-Vatikan, għalaq is-Sinodu. Imma s-Sinodu baqa’ miexi u se jibqa’ miexi għax is-sinodalità trid tkun l-esperjenz tal-Knisja fid-dinja tal-lum u tal-ġejjini.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading