Is-sejħa għall-qdusija fid-dinja tal-lum

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa, 1 ta’ Novembru 2023: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fis-Solennità tal-Qaddisin Kollha u Għoti tal-Ministeru tal-Akkolitat. Katidral ta’ San Pawl, Mdina.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Fl-Eżortazzjoni Appostolika tiegħu Ifirħu u Thennew, il-Papa Franġisku jitkellem fuq il-qdusija, is-sejħa ta’ kulħadd għall-qdusija. U jgħid: nistgħu niddiskutu ħafna, u hemm ħafna teoriji fuq xi tfisser qdusija, u ħafna tifsir u distinzjonijiet, li huma siewja. Imma jgħid: ikun aħjar li morru fil-qalba tal-kliem ta’ Kristu fuq xi tfisser il-qdusija, u l-aħjar hu li naraw dak li jgħid Ġesù fil-Beatitudnijiet, li għadna kemm smajna fl-Evanġelju llum skont San Mattew. Hemmhekk għandna “bħal karta tal-identità tan-Nisrani u tan-Nisranija” (Gaudete et Exsultate, 63).  U għalhekk, jekk xi ħadd jistaqsik kif għandek tkun, kif għandek tgħix, bħala Nisrani jew Nisranija llum, il-Papa jgħid: mur fil-kliem ta’ Kristu li qal fil-Beatitudnijiet, u hemmhekk tara kif għandek tgħix.

Aħna llum qegħdin niċċelebraw il-festa tal-Qaddisin kollha, kemm dawk li jkollhom l-isem ta’ qaddis, imma ħafna oħrajn ukoll li qegħdin igawdu lil Alla. M’humiex iddikjarati qaddisin, imma qegħdin igawdu lil Alla, ħafna minnhom ukoll nies li għexu ħajja ordinarja, u wħud minnhom għall-bżonn nafuhom aħna fil-ħajja tagħna. Qegħdin niċċelebraw il-Qaddisin kollha, dawk kollha li qegħdin igawdu lil Alla fis-sema.

Is-sema pajjiżna

Meta qegħdin niċċelebraw din is-solennità, żgur li l-ewwel ħaġa f’moħħna jmur fis-sema pajjiżna. Dawn il-qaddisin ifakkruna li aħna lil hinn mexjin, hemm hi d-destinazzjoni tagħna. Hemm, fejn huma qegħdin igawdu lil Alla għaliex qegħdin igawdu mill-frott ta’ Ġesù, li qam mill-mewt, li rebaħ il-mewt, u li ta l-ħajja ta’ dejjem lil dawk li jimxu warajh.

L-ewwel messaġġ li tagħtina din il-festa, huwa messaġġ biex aħna qatt ma ninsew id-destinazzjoni tagħna fil-mixja tal-ħajja. Dejjem niftakru li għalhekk aħna msejħin: biex naslu fis-sema pajjiżna. Dawn il-qaddisin, meta aħna naraw il-ħajja tagħhom, anke ta’ nies li konna nafu u li għexu l-qdusija, u morru lura fiż-żmien, meta għexu hawnhekk, żgur li nirrealizzaw li kellhom ħajja varjata, ġejjin minn kull tip ta’ ħajja.

Kienu perfetti? Ma kinux perfetti. Imxew dejjem b’mod tajjeb? Mhux dejjem imxew b’mod tajjeb; imma ħallew lil Alla jibdilhom, u jagħmilhom tassew nies li jimxu warajh, bil-qawwa ta’ Alla. U skoprew fil-ħajja tagħhom li mhux int li tagħmel lilek innifsek qaddis, jew qaddisa, imma huwa Alla li jqaddisna. Huwa hu li jimliena bl-Ispirtu tiegħu. Iktar ma nħalluh jibdilna fid-dgħufija tagħna, fin-nuqqasijiet kollha tagħna, iktar il-ħajja tagħna ssib il-milja tagħha fl-imħabba tiegħu, u iktar inkunu tassew fit-triqtna lejn is-sema pajjiżna.

Kif ngħixu l-qdusija hawnhekk

Aħna u nħarsu fejn irridu naslu, imma wkoll lura, lejn il-ħajja ta’ tant qaddisin, żgur li jfakkruna li l-qdusija aħna rridu ngħixuha hawn, illum. U hawn is-sejħa tagħna biex ngħixu kif irid minna Alla fil-ħajja tagħna llum.

Jekk naraw dawn il-Beatitudnijiet li qal Ġesù, hemm ħafna. Anke jekk nimxu biċċa biċċa magħhom: jekk aħna naħdmu biex inkunu nies illi mhux mimlijin bina nfusna imma mimlijin bl-ispirtu ta’ Alla; nies li nġibu l-paċi, mhux inġibu diviżjoni u l-konflitt; nies ta’ qalb safja u mhux ta’ qerq; nies li lesti nbatu għall-ġustizzja, għal dak li huwa veru, għal dak li huwa sewwa. Dan kollu li qal Ġesù, huwa kif nistgħu ngħixu l-qdusija fil-ħajja tagħna llum.

Il-ferħ

Il-Papa Franġisku jsemmi żewġ aspetti wkoll f’mument minnhom, li xtaqt nenfasizza jien. Wieħed minnhom huwa l-ferħ. Ġesù, hawnhekk, kull darba jgħid: “Henjin” (Mt 5:3). U qed jgħid kemm aħna nkunu tassew mimlijin bil-ferħ tiegħu meta aħna ngħixu hekk fil-ħajja tagħna. Jgħid: il-ferħ mhux għax inti kuntent  għax kollox miexi tajjeb, jew xi emozzjoni li tħoss f’xi mument jew mumenti, u daqshekk. Il-ferħ veru huwa dak li jkun fil-qalb, anke meta ngħaddu minn diffikultajiet u tbatijiet bħalma għaddew tant qaddisin; imma jkollna l-ferħ tiegħu f’qalbna.

Kemm huwa importanti li fil-ħajja tagħna aħna noqogħdu attenti li ma nimtlewx bi swied il-qalb! Il-Papa jikkwota wieħed mill-missirijiet tal-Knisja li għex fis-seklu erbgħa, Evagrius Ponticus, li jgħid: is-swied il-qalb huwa bħal “dudu tal-qalb” li jherri l-ħajja. Jitkellem fuq swied il-qalb li jiġi għaliex aħna ma nħallux lilna nnfusna nimtlew bl-imħabba ta’ Alla, mhux minħabba ċirkustanizi iebsa u diffiċli li ngħaddu minnhom, li kultant iġibu dispjaċir fil-ħajja tagħna. Għalhekk, huwa importanti li aħna ngħixu tassew dan l-ispirtu ta’ paċi u ta’ ferħ f’qalbna li jrid Ġesù għax jimliena bl-imħabba tiegħu.

Il-profezija

Isemmi punt ieħor il-Papa, u jgħid: dak kollu li hemm fil-Beatitudnijiet huma kollha profezija – ħafna drabi kontra l-kurrent. Il-mentalità li kultant tisma’ fil-ħajja m’hijiex illi int timxi ma dak li qal Ġesù; anzi jgħidulek tkun ferħan kemm ikollok, u kemm tista’ takkwista, u kemm ikollok poter, u kemm inti tgħaddi tiegħek dejjem, u kemm tidher sabiħ. Huma affarijiet li hawnhekk Ġesù qed jgħid il-kontra tagħhom. Din hija l-profezija, u dan li qed jgħid Ġesù meta ngħixuh għandu qawwa fih ta’ bidla, ta’ rivoluzzjoni fil-fatt, li tagħti kontribut kbir lis-soċjetà, meta aħna nkunu qegħdin ngħixu dan l-ispirtu li jsemmi Ġesù.

L-Ewkaristija: l-għajn tal-qdusija

Illum, għandna din l-okkażjoni sabiħa tal-akkolitat ta’ Matthew Sammut. L-akkolitat huwa marbut ma’ dak li huwa l-għajn tal-qdusija, ma’ Ġesù Kristu, b’mod partikolari mal-Ewkaristija, li għandha tkun dik li lilna timliena bl-imħabba ta’ Ġesù, biex nistgħu ngħixu tassew fil-qdusija. Akkolitu jieħu ħsieb li jagħti servizz, ikun qaddej tal-Ewkaristija. Kemm dak li jiġri hawnhekk fuq l-artal waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Liturġija, kif ukoll li jqassam lil Ġesù Ewkaristija lin-nies, lill-morda, u anke waqt iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi. Marbut mal-ħajja ta’ min hu akkolitu hemm proprju dan is-sens ta’ mħabba kbira lejn Ġesù fl-Ewkaristija Hemmhekk, fl-Ewkaristija, aħna għandna l-għajn tal-qdusija, aħna għandna l-għajn li minnha għandna nixorbu biex nistgħu tassew nimtlew bl-imħabba ta’ Alla.

Għalhekk, fl-okkażjoni ta’ llum, nitolbu għal Matthew speċjalment, ħalli jgħix dan il-ministeru bil-ferħ, u anke bl-ispirtu tal-Beatitudnijiet li semma Ġesù. Nitolbu għalih biex l-Ewkaristija tkun dik li tmexxih fil-ħajja tiegħu, u jkun qaddej ta’ Ġesù fl-Ewkaristija. Nitolbu għalina lkoll, biex nagħrfu kif ngħixu l-ħajja tal-qdusija llum, b’mod li din twassalna mbagħad għall-milja flimkien mal-qaddisin li qed niċċelebraw illum, fis-sema pajjiżna.    

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

%d