Il-Ħamis tard wara nofsinhar, il-Papa Franġisku u Mahmoud Abbas tkellmu bit-telefon, qal lill-ġurnalisti Matteo Bruni, d-Direttur tal-Uffiċċju Stampa tas-Santa Sede. Skont l-aġenzija tal-aħbarijiet Palestinjana Wafa, l-President Palestinjan esprima l-apprezzament tiegħu għall-isforzi tal-Papa Franġisku biex jappoġġja l-bini tal-paċi fir-reġjun.
Il-President Abbas imbagħad saħaq fuq l-importanza vitali li l-Vatikan ikompli bl-isforzi tiegħu biex jiżgura waqfien mill-ġlied immedjat, u saħaq fuq il-ħtieġa liċ-ċivili jiġu meħlusa mill-kruhat tal-gwerra.
Skont rapporti mill-Wafa, Mahmoud Abbas indika l-urġenza li jiġu stabbiliti kurituri umanitarji permanenti għall-kunsinna ta’ provvisti mediċi u tal-ikel u l-provvista ta’ ilma u elettriku f’Gaża.
Sa mill-bidu tal-gwerra, fis-7 ta’ Ottubru, l-Papa Franġisku tenna s-sejħiet tiegħu għall-paċi f’diversi okkażjonijiet. Huwa afferma l-ħtieġa li jiġi stabbilit waqfien mill-ġlied immedjat, li jinħelsu l-ostaġġi maqbuda mill-Ħamas, u li titħalla tidħol għajnuna umanitarja lill-poplu ta’ Gaża.
Il-Papa jinsab f’kuntatt ta’ kuljum mal-Parroċċa tas-Sagra Familja f’Gaża, permezz tal-assistent Kappillan, Patri Youssef Asaad, Suor Nabila Saleh, tas-Sorijiet tar-Rużarju f’Ġerusalemm, kif ukoll permezz tal-kappillan innifsu, Patri Gabriel Romanelli, li jinsab f’Betlem, u ma jistax jmur fil-parroċċa.
Fl-aħħar jiem, fit-22 u s-26 ta’ Ottubru, huwa kellu wkoll konversazzjonijiet bit-telefon mal-President Amerikan Joe Biden, u mal-President Tork Recep Tayyip Erdoğan, li matulhom indika l-ħtieġa li jinstabu toroq għall-paċi u ddiskuta t-tama tiegħu li tinkiseb soluzzjoni ta’ żewġ stati ma’ status speċjali għal Ġerusalemm.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-11/pope-francis-palestinian-president-mahmoud-abbas-peace.html