Il-Papa: Itolbu għall-COP28 u grazzi għal Pjattaforma ta’ Azzjoni Laudato Si’

Print Friendly, PDF & Email

Waqt li sellem il-folol miġbura għall-Angelus tal-Ħadd, il-Papa Franġisku fakkar fit-tnedija tal-Pjattaforma ta’ Azzjoni Laudato Si’, li saret sentejn ilu, u li toffri għodod utli għall-ħarsien tal-ambjent, id-dar komuni tagħna. Inizjattiva tad-Dikasteru għas-Servizz tal-Iżvilupp Integrali Uman, il-Pjattaforma toffri spazju kondiviż li jgħin lill-Knisja tiżviluppa risponsi konkreti għall-kriżi ekoloġika, kif deskritt mill-Papa Franġisku fl-enċiklika tiegħu Laudato Si’ u b’mod aktar speċifiku fid-dokument reċenti tiegħu Laudate Deum.

Il-Pjattaforma ta’ Azzjoni Laudato Si’ tipprovdi gwida, tissuġġerixxi azzjonijiet u tagħti appoġġ lill-familji, parroċċi, djoċesijiet, istituzzjonijiet edukattivi, faċilitajiet tas-saħħa, organizzazzjonijiet, ħaddiema, negozji u anke komunitajiet reliġjużi fi sforzi biex jieħdu ħsieb id-dar komuni tagħna.

Il-Papa mbagħad segwa billi talab lill-fidili biex “jitolbu għall-Konferenza dwar it-Tibdil fil-Klima ta’ Dubai, COP28, li issa tinsab fil-qrib”. Il-Konferenza dwar it-Tibdil fil-Klima, COP28 se tlaqqa’ flimkien mexxejja dinjija f’Dubaj, l-Emirati Għarab Magħquda mit-30 ta’ Novembru sat-12 ta’ Diċembru biex isibu qbil dwar politiki mmirati biex jillimitaw iż-żieda fit-temperatura globali u jittrattaw l-impatti assoċjati mat-tibdil fil-klima.

Għall-konferenza se jattendi wkoll il-Papa Franġisku nnifsu, li fit-2 ta’ Diċembru se jagħmel diskors. Il-Papa se jivvjaġġa lejn l-Emirati Għarab Magħquda bejn l-1 sat 3 ta’ Diċembru. Minbarra li jattendi għal-COP28, se jkollu laqgħat bilaterali privati u jinawgura “l-Padiljun tal-Fidi” f’Expo City, imfassal biex jispira azzjoni aktar konkreta biex jitrażżan it-tibdil fil-klima.       

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-11/pope-pray-for-cop28-and-thanks-to-laudato-si-action-platform.html

%d