“Din mhix gwerra; dan huwa terroriżmu”. B’dan il-kliem, il-Papa Franġisku ddeskriva l-gwerra bejn Iżrael u l-Ħamas li qed teqred l-Art Imqaddsa. Waqt li indirizza lill-fidili miġbura fi Pjazza San Pietru għall-Udjenza Ġenerali ta’ nhar ta’ Erbgħa, l-Papa dawwar ħsibijietu fuq dawk li qed ibatu fil-Palestina u f’Iżrael. Fl-appell tiegħu, huwa talab għal kull min qed ibati minħabba diversi gwerer, speċjalment fl-Ukrajna, f’Iżrael u fil-Palestina.
Il-Qdusija Tiegħu fakkar fil-laqgħa li kellu aktar kmieni fl-istess jum, fit-22 ta’ Novembru, meta ltaqa’ maż-żewġ delegazzjonijiet: waħda Iżraeljana li għandhom qraba miżmuma ostaġġi f’Gaża, u oħra ta’ familji Palestinjani li qed ibatu f’Gaża. Fis-7.30am, il-Papa ltaqa’ l-ewwel mat-12-il membru tad-delegazzjoni Iżraeljana fir-residenza tiegħu f’Casa Santa Marta. Imbagħad iltaqa’ mad-delegazzjoni Palestinjana għall-ħabta tat-8.00am f’kamra fis-Sala Pawlu VI. Id-delegazzjoni Palestinjana kienet komposta minn 10 persuni bi qraba f’Gaża, u kienet tinkludi Kristjani u Musulmani. Huma kienu akkumpanjati minn Fr. Gabriel Romanelli, l-kappillan tal-Knisja Kattolika tal-Familja Mqaddsa f’Gaża, u saċerdot Grieg Ortodoss.
Fiż-żewġ laqgħat, il-Papa Franġisku esprima d-dieqa tiegħu u l-qrubija tiegħu għall-uġigħ tagħhom. “Tant qed ibatu. U smajt kif it-tnejn qegħdin ibatu”, qal il-Papa wara fl-Udjenza Ġenerali, u żied li “hekk jagħmlu l-gwerer”. “Imma hawn morna lil hinn mill-gwerer”, saħaq il-Papa. “Din mhix gwerra; dan huwa terroriżmu”.
Il-Papa stieden lil kulħadd biex “itolbu għall-paċi; itolbu dejjem għall-paċi”. Il-Papa mbagħad talab biex il-Mulej “jgħinna nsolvu l-problemi u ma nkunux immexxija mill-passjonijiet li jispiċċaw joqtlu lil kulħadd”. “Ejja nitolbu għall-poplu Palestinjan; ejja nitolbu għall-poplu Iżraeljan, biex iseħħ il-paċi”, temm jgħid il-Papa.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-11/pope-francis-audience-palestine-israel-hostages-meeting.html