“Ilkoll inħossu l-uġigħ tal-gwerer”. B’dan il-kliem f’messaġġ bil-vidjo maħruġ nhar l-Erbgħa, l-Papa Franġisku rrikonoxxa l-proliferazzjoni tal-gwerra u l-effetti devastanti tagħha.
“Minn mindu ntemmet it-Tieni Gwerra Dinjija sal-lum, segwew diversi gwerer f’ħafna partijiet tad-dinja”, qal. “Meta jkunu ‘l bogħod minna, ma nħossuhomx daqshekk. Illum, hemm tnejn viċin ħafna li jġegħluna nirreaġixxu: l-Ukrajna u l-Art Imqaddsa”. L-Papa esprima s-sogħba tiegħu għat-tbatija kkawżata mill-gwerra. “Dak li qed jiġri fl-Art Imqaddsa huwa ta’ uġigħ kbir. Huwa ta’ uġigħ kbir”, qal.
Il-Papa Franġisku kompla jsostni li l-poplu Palestinjan u l-poplu ta’ Iżrael “għandhom d-dritt għall-paċi”. “Dawn iż-żewġ popli aħwa għandhom id-dritt li jgħixu fil-paċi”, żied jgħid. Imbagħad stieden lil kulħadd biex jitlob għall-paċi fl-Arti Imqaddsa u biex jirbaħ id-djalogu. “Ejjew nitolbu għall-paċi fl-Art Imqaddsa”, qal. “Ejjew nitolbu biex id-diffikultajiet isolvu lilhom infushom bi djalogu u negozjar u mhux b’muntanja ta’ mejtin fuq kull naħa”.
Il-messaġġ bil-vidjo tal-Papa kien akkumpanjat minn stqarrija għall-istampa mill-Worldwide Prayer Network tal-Papa, li tistieden lin-nies jieħdu sehem f’novena. In-novena ta’ “Dawk li jġibu l-Paċi” tfittex li tgħaqqad lill-Kristjani fit-talb għall-“paċi fid-dinja, u għall-Art Imqaddsa, l-Palestina u l-Iżrael”. Talb u materjal jinstabu fil-link u fuq l-app “Click to pray”, magħrufa bħala l-app uffiċjali tat-talb tal-Papa.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-11/pope-francis-video-message-war-holy-land-ukraine.html