Kitba ta’ Francesco Pio Attard
Għaxar snin ilu bħal-lum il-Papa Franġisku ffirma t-testment spiritwali tiegħu: l-Eżortazzjoni appostolika “Evangelii gaudium”. Kien nhar Kristu Re tal-ewwel sena tiegħu bħala Papa. Għalija tibqa’ l-isbaħ kitba li qatt tana… tesprimi b’mod ċar u elokwenti l-ħolma tiegħu għal Knisja awtentika ta’ “dixxipli missjunarji”. Mhix biss programm ta’ pontifikat, imma tal-ħajja Nisranija kollha.
Warajha kelli x-xorti li fl-aħħar għaxar snin nittraduċi mit-Taljan fuq 15-il dokument ieħor ewlieni tal-Papa Franġisku, imma nistqarr li dejjem bqajt milqut mill-profondità u l-ġmiel ta’ din l-Eżortazzjoni, u nqisha l-aqwa wieħed fil-Maġisteru ta’ dan il-Papa ta’ żmienna. Ma hemmx dubju li min irid jaf tassew lill-Papa Franġisku, ma jistax ma jaqrax “Il-Ferħ tal-Vanġelu”.
It-traduzzjoni fi lsienna, b’inizjattiva ta’ Laikos.org, kienet ġiet ippubblikata fi ktieb lussuż mill-Pubblikazzjonijiet Dumnikani ftit wara, waqt li jien stess imbagħad kont ħdimt biex toħroġ edizzjoni oħra f’daqs taskabbli li kienet tqassmet fid-Djoċesi ta’ Għawdex. Sar ukoll rikording impekkabbli tal-qari tagħha mill-mibki Alfred Mallia.
Inħeġġeġ biex kull entità fi ħdan il-Knisja taqbad sew f’idejha dan id-dokument attwalissmu u tixtarr kull sillaba tiegħu!
