Stqarrija għall-Istampa mid-Djoċesi ta’ Għawdex

IL-GVERN U L-ISTITUZZJONIJIET TIEGĦU OBBLIGATI JAĠIXXU DEJJEM FAVUR IL-ĠID KOMUNI

Il-Knisja f’Għawdex tħoss li numru ta’ deċiżjonijiet ta’ żvilupp li ttieħdu riċentement f’Għawdex, fosthom dik fl-inħawi tat-Tempji tal-Ġgantija, huma ta’ tħassib serju ħafna, kemm fihom infushom, imma forsi iktar u iktar fil-messaġġ li jwasslu. Lil hinn mit-teknikalitajiet u l-legaliżmi, min hu fdat bit-tmexxija tal-pajjiż għandu d-dmir inaljenabbli li jħares lill-persuni l-iktar dgħajfa u l-ġid komuni fuq l-interessi individwali, u li jiżgura li l-ġustizzja fit-tqassim tal-ġid tkun applikata kemm maċ-ċittadini tal-lum u kemm mal-ġenerazzjonijiet futuri. Hekk biss nistgħu nkunu soċjetà ġusta.

Il-Gvern għandu l-obbligu jiżgura li dawk li qed jafda bl-amministrazzjoni tad-diversi setturi fil-pajjiż qed jagħmlu dan skont il-liġi u r-regolamenti li huma stess imsejħa japplikaw. Mhux aċċettabbli li xi wħud minn dawn jieħdu deċiżjonijiet u jżommu argumenti li jkunu fattwalment skorretti. Mhux biżżejjed li min imexxi u jiddeċiedi ma jkunx qed jikser il-liġi; hemm ħafna ċirkustanzi u għemejjel li għalkemm jistgħu ma jkunux qed jiksru l-liġi, xorta jafu jkunu etikament u moralment skorretti u inġusti.

Huwa essenzjali li waqt smigħ pubbliku dwar deċiżjonijiet pubbliċi, il-partijiet kollha tingħatalhom l-opportunità li jesprimu ruħhom liberament u adegwatament. Il-Gvern għandu jikkunsidra li jissospendi l-proċedura, adottata fiż-żmien tal-Covid-19, tas-smigħ tal-applikazzjonijiet tal-ippjanar online, u jaċċerta li jekk xi partijiet qed jiġu ċċensurati, il-bordijiet jerġgħu lura għall-prassi ta’ qabel il-Covid, jiġifieri tas-smigħ fiżiku, sakemm dan ir-riskju ma jiġix indirizzat għas-sodisfazzjon ta’ kulħadd.

Il-pubbliku kulma jmur qed jitlef il-fiduċja f’dawk li huma obbligati jħarsu l-patrimonju u l-ġid komuni. Inħeġġu lill-awtoritajiet kollha – mhux biss l-Awtorità tal-Ippjanar – biex jaqdu l-għan li għalih huma mwaqqfa u lil dawk li huma obbligati jipproteġu, speċjalment dawk l-iktar dgħajfa u bla vuċi. Inħeġġu lill-impjegati u l-uffiċjali ta’ kull entità fl-awtorità biex ma jagħmlu xejn li jista’ jitqies jew jiġi mifhum bħala pressjoni biex isir gwadann mill-pożizzjoni li wieħed jokkupa.

Hu perikoluż li kollox jidher qisu għandu prezz fi flus u li fis-soċjetà tagħna ntilef is-sens ta’ valur tal-beni komuni li jmur lil hinn mill-flus u s-suq. Meta kien fostna, il-Papa Franġisku fakkarna li l-ambjent “għandu jkun imħares mir-regħba bla xabgħa, mill-kilba għall-flus u mill-ispekulazzjoni tal-bini, li jikkompromettu mhux biss il-pajsaġġ, iżda l-ġejjieni” (Diskors fil-Palazz tal-President,2 ta’ April 2022). Inwissu dwar l-impatt li dak li qed jiġri għandu fuq l-iżvilupp tal-karattru taż-żgħażagħ u t-tfal tagħna, li kontinwament qed josservaw u jiġu msawra mill-eżempji li jaraw madwarhom.

Hawn ħafna persuni fostna li jgħożżu u jaħdmu b’mod volontarju u diżinteressat favur il-patrimonju storiku u naturali ta’ pajjiżna. Mhux ġust li flok jiġi vvalorizzat, ħinhom jinħela f’attiviżmu biex id-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet li jsiru jkunu favur il-ġid komuni.

L-isfida li għandha l-gżira tagħna sabiex tkompli tkun id-dar ta’ popolazzjoni li qed tikber titlob ħarsa li tpoġġi lill-bniedem u mhux lill-flus fiċ-ċentru tal-attenzjoni. Ma nistgħux inkomplu narmu l-ġid komuni tal-lum u tal-futur, biex naqilgħu kull ewro possibbli llum, bi prezz għall-ekonomija u s-soċjetà ta’ Għawdex tal-futur. L-ambjent naturali, storiku u kulturali huwa wirt u responsabbiltà ta’ kulħadd. Il-ġid ta’ Għawdex illum u fil-futur, u l-imħabba tagħna kollha għal din il-gżira, jitolbu minna li nkunu iktar għaqlin fl-għażliet tagħna. Il-mistoqsija tal-Papa Franġisku lis-setgħanin tapplika għalina kollha: “Għaliex illum il-ġurnata għad hemm min irid jibqa’ mkaħħal ma’ poter li sa jibqa’ mfakkar għal kemm ma kienx kapaċi jindaħal meta kien tant urġenti u meħtieġ li jagħmel dan?” (Laudate Deum, 60).

Communications Office | Diocese of Gozo
The Bishop’s Curia, Republic Street, P.O. Box 1, Victoria VCT 1013, Gozo (Malta) 
Tel +356 21556661

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading