LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 9 ta’ Settembru 2026
Katekeżi. Id-Dokumenti tal-Konċilju Vatikan II. IV. Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes (GS 12-22). 2. Id-dinjità umana: don u responsabbiltà
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba!
Il-Kostituzzjoni konċiljari Gaudium et spes (GS), waqt li tiddedika l-ewwel kapitlu lid-dinjità tal-persuna umana, jisħaq li hija bażi u kundizzjoni ta’ dawk il-“valuri li llum huma miżmumin fi stima l-aktar kbira”, imma hemm bżonn li ma tintilifx ir-rabta “li għandhom ma’ Alla li hu l-għajn tagħhom”, biex jevitaw it-tagħwiġ li jaf iseħħ minħabba “t-taħsir ta’ qalb il-bniedem” (GS, 11).
Il-mixja li permezz tagħha stajna naraw il-karatteristiċi u d-drittijiet fundamentali tad-dinjità tal-persuna hi ċertament waħda mill-aktar paġni sinifikattivi tal-istorja umana. Madankollu, il-mixja li rridu nagħmlu ma ntemmitx u jeħtieġ taffronta l-kontradizzjonijiet, qodma u ġodda, li jżommu mit-twettiq sħiħ tagħha.
Irċievi l-Aħħar Aġġornamenti minn LAIKOS.org
Il-Knisja toffri b’mod ċar is-sehem tagħha, u tfakkar li d-dinjità umana ħierġa mill-istess essri tal-persuna. Dan kelli l-opportunità nagħfas fuqu anki fl-Enċiklika riċenti Magnifica humanitas: “Maħluqa biex tidħol f’relazzjoni, kull persuna hi maħsuba u mixtieqa minn Alla biex tidħol fi storja ta’ komunjoni miegħu, mal-oħrajn u mal-ħolqien. Id-dinjità tagħha ma tiddependix minn kemm tippossedi, mill-ġid li għandha jew mir-rwol li twettaq, mill-għażliet tajba jew żbaljati li tagħmel, imma hija don li jinsab hemm qabilha u jgħaddiha, imqiegħed minn Alla bħala espressjoni tal-imħabba tiegħu li qatt ma tonqos” (n. 50). Għalhekk, id-dinjità bla tarf tal-bniedem għandha għeruqha fil-identità tiegħu ta’ ħlejqa magħmula “‘sura u xbieha ta’ Alla’, kapaċi li jagħraf u jħobb lil Dak li ħalqu”, proġett u don ta’ mħabba li jmur lil hemm mir-realtajiet maħluqa l-oħra, li huma fdati fil-kura tiegħu “biex jaħkem fuqhom u jinqeda bihom għall-glorja ta’ Alla” (GS, 12).
Bil-fidi nistgħu nifhmu l-fundament aħħari tad-dinjità tal-persuna, ladarba l-Iben “meta juri l-misteru tal-Missier u tal-imħabba tiegħu, juri wkoll għalkollox il-bniedem lill-bniedem stess u jurih is-sejħa l-aktar għolja tiegħu” (n. 22).
Il-persuna tfisser dejjem relazzjoni, komunjoni, parteċipazzjoni lejn Alla u lejn l-oħrajn, jiġifieri relazzjoni ta’ wlied ma’ Alla l-Missier u relazzjoni ta’ aħwa ma’ Kristu u mal-bnedmin kollha. Teskludi kull għeluq awtoreferenzjali. Li tkun persuna jfisser li tifhem lilek innifsek bħala don li jinqasam, jikber u jimmatura fl-akkoljenza, fir-reċiproċità, fis-servizz.
Din id-dinjità hi fdata fir-responsabbiltà ta’ kulħadd: fl-istess waqt, tesiġi wkoll solidarjetà u għożża reċiproka, biex jingħelbu l-għadd ta’ falsifikazzjonijiet u manipulazzjonijiet li għadhom jisfiguraw il-perċezzjoni u jxekklu r-realizzazzjoni tagħha. Fil-fatt, minħabba l-għażliet kontra d-dinjità tiegħu li saru matul l-istorja, sal-lum il-bniedem “jinsab maqsum fih innifsu” u “l-ħajja kollha tal-bnedmin, sew wieħed wieħed sew ilkoll flimkien, turi ruħha bħala ġlieda – u waħda drammatika – bejn dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin, bejn id-dawl u d-dlam”. Imma din il-qagħda dgħajfa u limitata nistgħu nħarsu lejha bit-tama, għax “il-Mulej stess ġie biex jeħles il-bniedem u jqawwih billi jġeddu minn ġewwa u jkeċċi ’l barra ‘l-prinċep ta’ din id-dinja’ (Ġw 12:31) li kien iżommu lsir tad-dnub” (GS, 13).
Barra minn hekk, il-Kostituzzjoni Gaudium et spes tistqarr li d-dinjità umana tmiss il-persuna kollha kemm hi u, għalhekk, għandna nwarrbu l-viżjonijiet dwalistiċi: li tkun bniedem ifisser “essri wieħed iżda magħmul minn ruħ u ġisem”. Li nirriduċu l-ġisem għal “oġġett”, li nistgħu nagħmlu użu minnu kif irridu, dejjem hu ċaħda tad-dinjità tal-persuna: “ma jistax wieħed jiddisprezza l-ħajja tal-ġisem tal-bniedem”, u wieħed għandu “jqis lil ġismu bħala ħaġa tajba u li jistħoqqilha ġieħ sewwasew għax maħluq minn Alla u maħsub biex jirxoxta fl-aħħar jum” (GS, 14), ladarba lkoll kemm aħna midruba mid-dnub.
Fl-aħħar nett, tlieta huma l-espressjonijiet l-aktar sinifikattivi tad-dinjità tal-persuna li l-Gaudium et spes tfakkarna fihom: l-intelliġenza, li lill-bniedem tagħmlu fittiex bla heda tal-verità (n. 15); il-kuxjenza, li permezz tagħha hu jagħti għaqda u sens lil ħajtu (n. 16); il-libertà, li tagħmlu protagonista responsabbli għad-deċiżjonijiet tiegħu (n. 17). Huma dimensjonijiet strettament marbuta bejniethom: huwa fil-kuxjenza li l-verità tiġi magħrufa bħala tali u l-libertà tista’ tesperimentaha bħala l-fundamennt u l-possibbiltà tagħha. L-Ispirtu s-Santu, li jagħti l-ħajja fi Kristu, jagħmilna ħielsa u jiżgurana l-ħin kollu mid-dinjità tagħna ta’ wlied ta’ Alla, jeħlisna mill-biża’ u jmexxina lejn destinazzjoni aħħarija, dik il-ħajja fil-milja tagħha lil hemm mill-mewt li wegħidna Kristu: huwa biss fih li jsib dawl veru l-misteru tal-bniedem, minnu nirċievu dawl fuq il-misteru tat-tbatija u tal-mewt, u miegħu ngħaddu għall-qawmien.
Għeżież ħuti, maħluqin xbieha ta’ Alla, permezz ta’ Kristu u fid-dawl tiegħu, aħna rċivejna dinjità unika u dejjiema. Ejjew inħabirku biex nippromovuha u niddefenduha dejjem, bid-dawl u l-qawwa tal-Vanġelu.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard
