Il-Papa jiftakar fil-vittmi tal-kunflitti, u qal li l-gwerra hija ġenn
Nhar l-Erbgħa, waqt li kien qed jindirizza lill-pellegrini fi tmiem il-katekeżi tiegħu tal-ewwel Udjenza Ġenerali għal din is-sena, l-Papa Franġisku talab għall-paċi fid-dinja u għal għajnuna għall-vittmi tal-gwerra, filwaqt li fakkar li “l-gwerra hija ġenn” u dejjem “telfa” għall-umanità. L-Qdusija Tiegħu talab għat-traġedja li qed issir fil-Palestina u f’Iżrael u l-gwerra fl-Ukrajna, li issa kważi daħlet fit-tielet sena tagħha. Fl-istess ħin, qal li rridu niftakru fil-vittmi tal-gwerra f’tant partijiet oħra tad-dinja, u talab b’mod partikolari li ma ninsewx lil ħutna Rohingya li qed isofru persekuzzjoni.
Meta kien qed jindirizza lill-pellegrini mill-Polonja, l-Papa stieden lill-fidili biex jiftakru fin-nies li qed iħallu arthom minħabba l-gwerra u l-faqar, u talab biex l-Mulej “jagħtina qalb sensittiva għall-bżonnijiet tal-foqra, tar-refuġjati u l-vittmi tal-gwerra”. “Bl-interċessjoni ta’ Marija, Omm Alla,” żied jgħid, “nitolbu lill-Mulej id-don tal-paċi, u nberikkom minn qalbi!”
Wara li sellem lil pellegrini tal-lingwa Ingliża, l-Papa offra talb għall-vittmi u għas-salvataġġ ta’ dawk milquta mit-terremot fil-Ġappun, filwaqt li ftakar ukoll fil-ħaddiema tal-ekwipaġġ ta’ salvataġġ li tilfu ħajjithom f’ħabta ma’ ajruplan tal-passiġġieri f’Tokjo.
In-numru ta’ mwiet fit-terremot li laqgħat il-Ġapun fl-Ewwel tas-Sena tela’ għal 64, iżda s-sitwazzjoni hija instabbli ħafna. L-aġenzija meteoroloġika tal-Ġappun wissiet dwar il-possibilità ta’ theżiżiet perikolużi. It-terremot laħaq qawwa stmata ta’ 7.6 u laqat il-peniżola ta’ Noto, fejn ikkawża qerda sinifikanti.
Nhar it-Tlieta, ajruplan tal-passiġġieri tal-Japan Airlines ħabat ma’ ajruplan tal-Gwardja tal-Kosta mgħobbi b’oġġetti ta’ emerġenza għaż-żoni milquta mit-terremoti, fejn tilfu ħajjithom erbgħa minn ħamsa mill-ekwipaġġ tal-Gwardja tal-Kosta li kienu abbord. It-379 passiġġier u l-ekwipaġġ tal-Japan Airlines kollha baqgħu ħajjin, u ħarbu malajr permezz ta’ slides ta’ evakwazzjoni qabel mal-ajruplan ħa nar.
L-Arċisqof Tarcisius Isao Kikuchi ta’ Tokyo assigura l-appoġġ tal-Knisja lokali għal dawk milquta mit-terremot. Il-Knisja attivat tim ta’ appoġġ ta’ rispons ta’ emerġenza li jaħdem flimkien mal-Caritas Japan.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2024-01/pope-remembers-victims-of-conflicts-saying-war-is-madness.html