Il-Papa Franġisku: L-ibliet midruba tagħna jeħtieġu l-balzmu ta’ fejqan tal-fraternità
Hekk kif il-Fraternità Missjunarja tal-ibliet kienu fuq pellegrinaġġ f’Ruma, l-Ħamis, il-Papa Franġisku għamel udjenza mal-organizzazzjoni Kattolika bbażata fi Franza. Il-missjunarji jaqdu lin-nies f’partijiet emarġinati u żvantaġġati tal-ibliet, u jfittxu li jġibu l-kura pastorali u l-messaġġ tal-Evanġelju lin-nies fil-periferiji tas-soċjetà. Fir-rimarki ppreparati tiegħu, l-Papa Franġisku stieden lill-membri tal-Fraternità biex jieħdu l-eżempji tal-Qaddisin Pietru u Pawlu biex jerġgħu jqajmu l-ħeġġa missjunarja tagħhom.
Il-Papa ħeġġiġhom josservaw ix-Xena tan-Natività, li qal turi “post fqir, periferija, subborg ta’ dak iż-żmien”. Ir-ragħajja, nnota, kienu grupp emarġinat b’reputazzjoni ħażina, iżda Alla għażel lilhom l-ewwel biex iħabbar l-Evanġelju tas-salvazzjoni. “Huma foqra imma għandhom qalb miftuħa”, qal, u żied li din hija l-esperjenza tal-Fraternità Missjunarja tal-Ibliet. “Ma għandkomx għalfejn tmorru ‘l bogħod, fis-servizz tagħkom fil-qalba tal-ibliet, hemm tiskopru l-periferiji eżistenzjali tas-soċjetajiet tagħna, li ħafna drabi jkunu jistgħu jintlaħqu, fil-viċinat tagħkom, fil-kantuniera tat-triq, fl-istess art”, hu qal.
Il-missjoni tagħkom, żied jgħid il-Papa Franġisku, hija li ġġibu lil dawk li jgħixu fl-ibliet l-istess tħabbira ferrieħa li tħabbret lir-ragħajja. Qal li ma għandniex nibżgħu li nħallu ċ-ċertezzi tagħna sabiex naqsmu l-ħajja ta’ kuljum ma’ ħaddieħor li hu emarġinat. “Fosthom ukoll, ħafna għandhom qalb miftuħa u jistennew, mingħajr ma jkunu jafu, t-tħabbira ferrieħa”, qal.
Il-Papa Franġisku kompla jistieden lill-missjunarji biex iqawwu l-fraternità u l-ftuħ fil-lokal fejn iservu. “L-fraternità hija l-ħmira tal-paċi li għandhom bżonn il-periferiji: li tippermettu li kull persuna tħossha milqugħha kif inhi, u fejn tkun”, qal. Il-Qdusija Tiegħu enfasizza l-preżenza ta’ Ġesù f’kull persuna, minkejja l-kundizzjonijiet soċjali tagħha. Huwa ħeġġeġ lill-missjunarji biex “juru l-preżenza ta’ Alla tal-mogħdrija, Alla li jrid jesprimi u jaġixxi permezz tal-ġesti tagħkom, ta’ kliemkom, tal-preżenza sempliċi tagħkom.” Huwa qal, li Alla huwa dejjem paċenzjuż, miexi bil-pass ta’ kull persuna, fil-ġrieħi, fir-rabja u r-ribelljonijiet kollha tagħna.
Bħala konklużjoni, l-Papa Franġisku nnota li ż-żoni urbani fejn jaħdmu l-missjunarji ħafna drabi huma feruti minn “vjolenza, indifferenza, u mibegħda”. Huwa qalilhom, “għandkom missjoni kuraġġuża u mportanti, li ġġib il-qrubija, l-kompassjoni, u t-tenerezza ta’ Alla lin-nies li spiss ikunu mċaħħda mid-dinjità u mill-imħabba”.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2024-01/pope-francis-france-missionary-fraternity-cities-audience.html
