Ittra Pastorali għar-Randan mill-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex

Is-Sibt, 17 ta’ Frar 2024: Din il-Pastorali se tinqara fi tmiem din il-ġimgħa fil-knejjes kollha f’Malta u Għawdex.

Għall-40 jum tar-Randan, fl-Ittra Pastorali tagħhom, l-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex qed jipproponu biex bħala pajjiż u bħala Nsara nirriflettu fuq il‑ħames doni mingħand il‑Mulej li l‑poeta nazzjonali Dun Karm Psaila jfakkarna fihom fl‑Innu Malti: id‑dehen, il‑ħniena, is‑saħħa, l‑għaqda u s‑sliem.

L-Isqfijiet jispjegaw kif dawn il-ħames barkiet jistgħu jkunu parti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum billi qabelxejn nagħtu prijorità lill-proxxmu. “Matul dan ir-Randan, li nieqfu ftit mill-għaġla ta’ kuljum u “nisimgħu, inkellmu u nakkumpanjaw lil xi ħadd li qed ibati tista’ tassew tkun l‑ikbar għotja ta’ karità”.

Il-ħames barkiet imsemmija minn Dun Karm, ikomplu jgħidu l-Isqfijiet, jistgħu jintużaw min-nazzjon sabiex jintlaħaq il-ġid komuni. Fosthom, isemmu, li hekk kif il-pajjiż bħalissa qed jipprepara għall‑elezzjonijiet tal‑kunsilli lokali u l‑Parlament Ewropew, “inħeġġu lil kull min hu involut fil‑ħajja pubblika u politika sabiex ma jibżax jagħżel it‑triq kuraġġuża tas‑smigħ umli u tad‑djalogu rispettuż”. Fakkru wkoll li aħna “msejħin inkunu bennejja tal‑paċi. Il‑paċi jew il‑vjolenza ta’ bejnietna jiddependu fuq id‑deċiżjonijiet—kbar u żgħar—li nieħdu ta’ kuljum. Il‑paċi hi frott deċiżjonijiet tajba u responsabbli. Meta ninjoraw il‑verità u l‑ġustizzja, meta rridu li dejjem ikollna raġun, u meta s‑suċċess u l‑flus isiru l‑idoli tagħna, inkunu qed niżirgħu ż‑żerriegħa tal‑vjolenza. Iżda meta nersqu lejn Kristu Msallab u Rxoxt u nidħlu fl‑iskola tal‑imħabba tal‑Mulej, inkunu qed ninfetħu għad‑don tal‑paċi tiegħu, biex flimkien miegħu nsiru bennejja tal‑paċi”.

L-Ittra Pastorali MT: youtu.be/r9OYV2bS6pw

L-Ittra Pastorali EN: youtu.be/H5iTwii0mSc

L-Ittra Pastorali bil-Lingwa tas-Sinjali Maltija: youtu.be/JkdMlCdQ78k

Download link bil-filmati tal-Ittra Pastorali: we.tl/t-vAL8g7WA2D

Mur: https://laikosblog.org/2024/02/17/hames-barkiet-ghal-pajjizna/

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading