Il-Patrijiet Franġiskani tal-Knisja ta’ Santa Marija tal-Anġli, Baħar iċ-Ċagħaq
STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
20 ta’ Frar, 2024
Il-Patrijiet Franġiskani tal-Knisja ta’ Santa Marija tal-Anġli f’Baħar iċ-Ċagħaq jistiednu lil kulħadd għal Katekeżi, mifruxa fuq erba’ laqgħat, immexxijin minn Prof. Paul Pace.

F’din il-Katekeżi għal matul ir-Randan, sa nesploraw il-Liżar ta’ Turin li jinsab fil-Katidral ta’ San Ġwann Battista, u li tiegħu ġiet esposta replika fil-knisja ta’ Baħar iċ-Ċagħaq. Hu liżar tal-għażel li juri x-xbieha ta’ raġel li sofra trawma fiżika konsistenti mat-tislib. Huma ħafna dawk li jsostnu li dan hu l-liżar li fih kien mkeffen fih il-ġisem mejjet ta’ Ġesù Kristu.
Il-katekeżi tibda b’eżami tal-oriġini u s-sinifikat tal-Liżar matul is-snin. Sa nesploraw ukoll l-istudji u l-analiżi xjentifiċi rigorużi li saru fuqu li jitfgħu dawl fuq kif iffurmat ix-xbieha li tidher fih. Fl-aħħarnett, l-eżamijiet forensiċi metikolużi li saru fuqu sa jgħinuna nifhmu aktar fil-fond il-passjoni ta’ Ġesù Kristu.
Kull Katekeżi se ssir nhar ta’ Ġimgħa fis-18.30 ta’ filgħaxija – bejn it-23 ta’ Frar u l-15 ta’ Marzu. Kull min hu interessat jista’ jattendi.