Min Joe Galea
Ngħiduha bil-qalb it-talba ta’ Santu Wistin, wara li ninżlu mit-Tqarbin fejn ngħidu f’kor wieħed: “Lilek biss inħobb, Mulej, warajk biss irrid nimxi; lilek biss irrid infittex; ikkmandani dak li trid, irrid naqdik bil-ferħ kollu ta’ qalbi.” U ngħidu wkoll ma’ Charles de Foucauld: “Missier, f’idejk nintelaq jiena, agħmel minni dak li jogħġbok; jien lest għal kollox, nilqa’ kollox.”
Imma nistħajlu lil San Ġorġ Preca jgħidilna: “Għandna paroli!” Għax faċli ngħidu l-kliem sabiħ, imma mhux faċli li nqiegħdu fil-prattika dak li nitolbu. Waqt li ntennu dan il-kliem, nammettu li għadna ma wasalniex f’dak il-grad ta’ offerta tagħna nfusna kif hemm f’dawn it-talbiet. Baqgħalna x’nimxu biex dan il-kliem ikun jaqbel mal-ħajja tagħna, imma għandna nkomplu ngħiduhom għax juru x-xewqa li Alla jkun importanti fil-ħajja tagħna.
Ittra pastorali dwar Santa Tereża ta’ Lisieux
Fil-15 t’Ottubru tal-2014 l-Papa Franġisku ta lill-Knisja eżortazzjoni dwar Santa Tereża ta’ Lisieux (1873-1897), qaddisa li Alla kien kollox għaliha. Ħajjitha, kif ukoll tal-qaddisin l-oħra, kif semmejna lil-San Ġorġ Preca, kienet eżempju ta’ ħajja tajba, u jista’ jkun ta’ kuraġġ għalina llum. Għalihom, tassew li Alla kien kollox. Kienu jitkellem ħafna dwar ’Alla u Alla biss’, u dwar ‘Alla u xejn iżjed’. Dan jiftħilna għajnejna biex ma nimlewx ħajjitna b’dak li jnessina lil Alla, u b’hekk nitilfu l-kuntatt ma’ Dak Ii għandu jkun fil-qalba ta’ ħajjitna. Għax jiġrilna li naljenaw rasna minn Alla. Ma nkunux qrib iċ-ċentru ta’ ħajjitna, li hu Alla, u meta ma jkollniex lil Alla f’qalbna, normalment ma jkollniex f’qalbna lill-bnedmin ħutna.
Il-volontà t’Alla
Inħarsu lejn Kristu, li ħabb lill-bnedmin sa ħalla ħajtu għalihom. Fl-ittra lil-Lhud insibu li meta Ġesù kien ġej fostna, qal lill-Missieru: “Sagrifiċċju u offerta Int le ma ridthom; vittmi tal-ħruq vittmi tal-ħtija le ma jogħġbuk; imma sawwartli ġisem. Imbgħad għedt: Hawn jien gej biex nagħmel ir-rieda tiegħek” (Lhud 10, 5-6).
Il-ħajja ta’ Kristu ma kenitx ħaġa oħra ħlief offerta bla heda tiegħu innifsu. Ġesù nesa lilu nnifsu kompletament u bla riservi u offra lilu nnifsu bħala rigal lil Missieru: ix-xogħol, il-mistrieħ, iż-żmien, il-predikazzjoni, il-missjoni pubblika, is-sagrifiċċju ta’ ħajtu, sa ma seta’ jgħid fuq is-salib: “Kollox mitmum” (Ġw 19, 30), u “Missier, f’idejk nerħi ruħi” (Lq 23:46). F’kelma waħda Ġesù ta lilu nnifsu f’abbandun totali bħala vittma ta’ mħabba.
Veru li l-missjoni ta’ Kristu kienet unika, imma kull min hu msejjaħ biex jimxi warajh għandu, fuq il-passi ta’ Ġesù, joffri ħajtu lil Alla, ukoll jekk din tfisser sagrifiċċji żgħar u sempliċi. Jew sagrifiċċji żgħar, spiss u moħbija. Ġesù jridna bħal trabi li ma jaħsbux fi ħwejjeġ kbar iżda jifirħu biż-żgħar, u jfakkarna li: “Min ma jilqax is-saltna ta’ Alla bħal tfajjel ma jidħolx fiha” (Lq 18, 17). Dan kien li għamlet u li stqarret Marija fl-ispirtu: “Issebbaħ ruħi l-Mulej… għax ħares lejn iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu”. Kien għalhekk li kompliet tgħid: “Ara, minn issa mbierka jgħiduli l-ġenerazzjonijiet kollha” (Lq 1, 46-48).
It-triq ta’ Tereża
It-triq li għażlet Tereża ta’ Lisieux kienet, kif ħalliet miktub, li xtaqet taqdi lil Alla “mhux b’opri kbar iżda permezz ta’ abbandun rikonoxxenti ta’ tarbija f’dirgħajn ommha”. L-ewwel pass għall-qdusija hi determinazzjoni, att sħiħ tar-rieda, ripetut ta’ sikwit, li tassew irridu nsiru qaddisin. Din mhix ħlief il-vokazzjoni ta’ kull Nisrani. San Tumas lil oħtu li talbitu x’għandha tagħmel biex issir qaddisa, staqsieha: “Int trid issir qaddisa?” Meta weġbitu li iva, qalilha: “Ladarba trid, mela ssir tassew”. It-tfajjel Domenico Savio wkoll kellu d-determinazzjoni li jsir qaddis, kif talab lil Don Bosco: “Nixtieq li tagħmilni qaddis!”
Tereża kellha x-xewqa li tixbah lil Jeanne d’Arc, u din il-forza fir-ruħ tagħha kienet xi ħaga li mmarkat il-personalità tagħha. “Irrid inħobb bħal tifel żgħir, irrid nikkumbatti bħal gwerrier li qed jgħasses attent,” kitbet f’waħda mill-poeżiji tagħha.
Aħna rridu jkollna intimità ma’ Alla ‘tagħna’, inkunu familjari miegħu; inkella ma nidħlux f’intensita’ miegħu u ma jkollniex il-kunfidenza li nintelqu fih. Imma l-idea tagħna ta’ min hu Alla għalina personalment trid tkun sana. Għax ħafna jikkuntentaw li jkunu jafu min hu Ġesù. Jaqraw l-Evangelju, iħobbu jisimgħu ħafna fuqu, jattendu korsijiet sħaħ ta’ tagħlim, imma jibqgħu lura milli jsiru jafu lilu personalment u ma jaslux jidħlu f’relazzjoni intima miegħu. Jekk irridu nagħtu lilna nfusna lil Ġesù mhux biżżejed inkunu nafu naqraw tajjeb is-Salm 23 “Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi”. Jeħtiġilna nsiru nafu mill-qrib lir-Raghaj innifsu.
Tereża hi eżempju qawwi ta’ ħajja f’abbandun totali f’Alla. Hi stess sejħet din il-ħajja it-Tfulija Spiritwali u t-Triq Ċkejkna. Kienet tqis lilha nnifisha bħala “ballun (f’idejn Ġesù) li tifel illum jilgħab bih u għal żmien jinsieh għalkollox. Irrid inkun l-imħabba fil-qalb tal-Knisja”. Din it-triq qasira lejn Alla hi sfida għal kull wieħed minna; la hi ħafifa u lanqas sempliċi, imma possibbli għal min jixtieqha bis-serjetà.
Fi kliem San Ġorġ Preca, din it-triq jagħżilha biss il-bniedem tal-fidi, kif kien jgħid: “Uliedi, il-fidi kollox!” Jikteb li: “wieħed jagħżel dejjem li jgħix kif għex Kristu, jew li jagħżel dejjem dak li għażel Kristu, u fuq kollox l-ubbidjenza li kienet is-sikkina li għamiltu vittma tal-mewt” (L-Abbandun Totali, p. 9). Dan ifisser rassenjazzjoni mar-rieda ta’ Alla; rassenjazzjoni attiva b’kuntrarju għal dik passiva li mhix ħlief aċċettazzjoni għax ma tistax tagħmel mod ieħor. Din ir-rassenjazzjoni attiva hi bżonjuża waqt kull kuntrarju, imma l-aktar waqt il-mard, kemm tagħna stess kif ukoll ta’ dawk li nħobbu.
Inkomplu t-tbatijiet ta’ Kristu
San Pawl għaraf jgħaqqad it-tbatijiet tiegħu ma’ dawk li bħal jidhru neqsin mit-tbatijiet ta’ Ġesù għall-ġisem tiegħu li hi l-Knisja. Dan fehmitu Tereża meta, nhar il-festa ta’ Santa Marija Maddalena, kitbet: “Niċħad u ngħakkes lili nnifsi b’mogħdrija għall-midinbin”; u kienet titlob bla heda u toffri sagrifiċċji bħala għajnuna lill-missjunarji. Hi stess xtaqet tkun missjunarja u, permezz tal-korrispondenza, kienet tagħmilha ta’ direttur spiritwali għal diversi missjunarji bla ma taf min kienu u bla ma qatt iltaqgħet magħhom. Mhux ta’ b’xejn li l-Knisja għażlitha bħala padruna tal-missjonijiet.
Il-qdusija ta’ Tereża kienet ukoll il-frott tal-edukazzjoni fil-fidi li rċeviet fi ħdan il-familja. Kienet bint ġenituri qaddisa huma wkoll, l-aktar missierha Louis Martin li kien isejjaħ lil bintu ż-żgħira: “Ir-regina ż-żgħira tiegħi” u hi ssejjaħlu; “Ir-re tiegħi”. Louis bierek b’qalbu kollha lil uliedu waħda, waħda meta dawn għażlu t-triq tal-perfezzjoni bħala reliġjużi, u meta nhar Pentekoste fuq il-bank tal-ġnien tad-dar Tereża tarrfitlu li hi wkoll xtaqet tidħol fil-Karmelu, b’qalbu maqsuma u b’għajnejh mimlija dmugħ, bħala ġest ta’ aċċettazzjoni, qata’ warda bajda u tahielha. Qalilha li Alla kien ħa kura ta’ dik il-warda sa dak il-jum bħalma kien ħa kura tagħha. Tereża żammet dik il-warda bħala tifkira.
Lil Alla narawh fid-dlam
Veru li lil Tereża nafuha tqassam il-ward, imma l-ħajja mhix dejjem ward. Minkejja li f’moħħna jkollna assigurazzjoni bħal li Alla hu dak is-sinjur li jagħti paga sħiħa lil min jaħdem siegħa f’ġurnata, li jieħu ħsieb il-ġilji fl-għelieqi, li jlibbes l-għasafar isbaħ milli kien jilbes Salamun u li huwa r-Ragħaj li jibqa’ jfittex imqar nagħġa waħda.
Jiġuna mistoqsijiet naturali: ”Imma għaliex ġara hekk? Għaliex Alla ħalla li jsir hekk? U fejn hu Alla? Paul Gauthard, kittieb u teologu, jgħidilna li “lil Alla nsibuh fid-dlam”. “Kieku m’hemmxĠesù Kristu, jgħid Michel Quoist fil-ktieb tiegħu Christ is Alive, jiena kont nirribella għal din li tidher inġustizzja.”
Biex nafdaw f’Alla rridu nemmnu li qiegħed qrib
Alla hu preżenza, hu l-ħajja tal-ħajja tagħna. Hu l-qalb tal-qalb tagħna. X’jimporta jekk ma nħossux il-preżenza tiegħu xħin nitolbu, weħidna jew m’oħrajn? L-aqwa li ‘nkunu’ fil-preżenza tiegħu. Bħalissa Alla hu preżenti fina, ukoll jekk aħna m’aħniex fil-preżenza Tiegħu. Dan hu rigal li aħna nirċievu meta nitolbu. Alla jagħti r-rigal tat-talb lil min jitlob. Meta ma nħossux lil Alla, tiġi l-mistoqsija ta’ dejjem: “Fejn hu Alla tiegħek?” (Salm 42,4).
Ħafna drabi Alla hu injorat, qisu qatt m’eżista. Irridu ngħixu fil-preżenza t’Alla f‘dinja mingħajr Alla, kif kiteb Dietrich Bonhoefer
li “Alla ħalla lilu nnifsu jitwarrab, anzi jitwaħħal mas-Salib. Hu bla saħħa u dgħajjef fid-dinja, u madankollu jinsab magħna u jgħinna.“ Alla Huwa moħbi mis-sensi tagħna, imma mhux mix-xewqat tagħna. Dan il-ħsieb jippurifika l-fehmiet tagħna u jwellidna mill-ġdid għal fidi iktar profonda. San Ġwann tas-Salib ifakkarna li “hu billejl li aħna nfittxu lil Alla.“
Tereża trid togħġob lil Ġesù
Min tassew iħobb lil Alla, jagħtih ħajtu u jipprova jogħġbu, bl-iktar ħwejjeġ żgħar, bħal Tereża ta’ Lisieux. Fil-waqt li Alla jħobbna b’imħabba assolutament gratwita u mimlija ħniena, Hu jagħtina l-possibbiltà li min-naħa tagħna nroddulu lura din l-imħabba. Huwa jistenna b’mod reċiproku l-imħabba tagħna. Hekk dejjem kien Ġesù għal Tereża ta’ Lisieux: iċ-Ċkejken Tallab Divin tal-Milied, kif kitbet fil-Milied ta’ l-1895. Kienet tistagħġeb b’din il-verità. Li tkun iben Alla, għaliha kien ukoll li timmoltiplika l-għemil ta’ delikatezza biex hu juri l-imħabba tiegħu għall-ġid tal-bnedmin.
Qatt ma kienet tippreżenta ruħha quddiem Alla b’idejha vojta. F’ċerti mumenti kienet tippreżenta ruħha b’idejha mimlja bil-fjuri tal-imħabba tiegħu. “Bil-għan waħdieni li nagħtih gost u biex miegħu nsalva l-erwieħ. “Meta fl-1896 skopriet aħjar li l-post tagħha fil-Knisja kien li tkun il-qalb li tħobb, ma nsietx li din l-imħabba trid tkun fl-atti moltiplikati tal-ħajja ta’ kuljum. Tgħid: “Maħbub tiegħi, jien m’għandi l-ebda mod ieħor biex nurik l-imħabba tiegħi milli nitfa’ l-fjuri, jiġifieri li ma nħallix jaħarbuli l-ebda sagrifiċċju żgħir, l-ebda ħarsa, l-ebda kelma biex napprofitta mill-affarijiet żgħar kollha u li nagħmilhom bl-imħabba.”
It-tama li kellha Tereża biex tagħmel ħafna tajjeb wara mewtha kienet mill-konvinzjoni li Alla jirrikompensa dejjem, skont il-qies tiegħu dak li nkunu tajna hawn isfel. “Jien dejjem ma tajtux ħlief l-imħabba tiegħi; allura jagħtini lura ħafna iktar.”
Ma’ San Ġwann tas-Salib Tereża kienet tistagħġeb għall-ħsieb li l-għarusa tal-Kantiku tista’ togħġob lil Alla b’għajnejha u anke b’xagħra waħda minn tagħha, jiġifieri, kienet tikkummenta, “bl-ikbar affarijiet u bl-inqas affarijiet; x’misteru dan! Hu Ġesu biss li jista’ jagħti daqshekk prezz għall-għamil tagħna.” Li tgħix bħal tifel quddiem Alla, dan mhux biss li kollox tistenna minnu; hu li jkollok l-awdaċità li tikkonsidra lilek innifsek bħal prinċipessa li kapaċi togħġbu anke b’att wieħed ta’ mħabba. Mela hu evidenti li t-triq ċkejkna ta’ Tereża mhix spirtwalità tal-fjuri. Il-fjuri li hi tixtieq jintefgħu fid-dinja wara mewtha, akkwistathom b’ħafna sagrifiċċji u ċaħdiet.
Tereża ma nsiet qatt il-fraġilità tagħha. Hi ruħ ċkejkna li kulħadd irid jimita. Qalitu ċar: “Ġesu’, kemm nixtieq ngħid lill-erwieħ ċkejkna bl-imħabba tiegħek. Inħoss li, jekk inhu possibbli, inti ssib ruħ iktar fabbli, iktar ċkejkna minni, u jogħġbok timlieha bil-favuri aktar kbar, jekk hi tintelaq bil-fiduċja kollha fil-ħniena infinita tiegħek”.
Edith Stein u Dietrich Bonhoeffer
Allura nibdew naraw il-ħajja differenti minn kif irriduha aħna. Il-proġetti tagħna jsiru l-proġetti ta’ Alla għalina. Fl-1935, meta t-theddida għall-gwerra saret iktar serja, Edith Stein stqarret hekk: “Dak li qatt ma kien il-proġetti tiegħi jinsab fil-proġetti ta’ Alla. U aktar ma jgħaddu minn quddiem għajnejja dawn il-ġrajjiet, aktar issir ħajja fija l-konvizjoni tal-fidi li xejn ma jsir addoċċ – meta nħarsu mill-perspettiva ta’ Alla, li ħajti kollha, ukoll fid-dettalji tagħha, digà hi prevista fil-pjan tal-Providenza ta’ Alla u li hi quddiem għajnejn Alla, li jara kollox; fiha koerenza li għandna naċċettaw.”
Bħal eku ta’ dan, Dietrich Bonhoeffer, fil-ħabs f’April 1943, jafda hekk mal-għarusa tiegħu: ”Iebsa biex tifhem, u dan iqiegħed il-ġejjieni tagħna f’inċertezza li biss l-mħabba tagħna lejn xulxin, il-fedeltà u s-sabar tagħna, mis-sottomissjoni għall-volontà u għall-Providenza ta’ Alla jistgħu jirbħu. Minflok sottomissjoni, nippreferi ngħid kunfidenza, fiduċja, imma dan hu probabbilment tfixkil li l-kelma l-oħra minnufih tiġi fil-pinna tiegħi, għax it-triq li tieħu mis-sottomissjoni għall-fiduċja hi dejjem diffiċli. Kif Alla jxejjen dejjem il-proġetti tagħna! Imma dan jagħmlu għalina biex iqiegħed oħrajn aħjar. Jirnexxilek temmen dan? Ejja nemmnu!”


