Ġwanni Pawlu II f’quddiesa għall-Morda

QUDDIESA GĦALL-MORDA U L-GRIŻMA TAL-MORDA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Bażilika Vatikana
Il-Ħadd, 5 ta’ Ġunju 1983

1. Il-Mulej hu d-dawl tiegħi u s-salvazzjoni tiegħi, min xiex għandi nibżà?

B’dan il-kliemtal-versett responsorjali, li jirrifletti s-sentimenti ta’ fiduċja fil-Mulej li janima lill-parteċipanti f’din iċ-ċelebrazzjoni ġubilari, nindirizza l-awgurju ta’ mħabba tiegħi lilkom ilkoll, għeżież ħuti morda, u lilkom ilkoll li amorevolment qegħdin tieħdu sehem. Din hija tislima li fiha tidwi kommozzjoni profonda u gratitudni sinċiera lejkom, li ġejtu hawn hekk numerużi biex tieħdu sehem attiv bil-preżenza tagħkom, bis-solidezza tal-fidi tagħkom, bl-offerta prezzjuża tat-talb tagħkom u, fuq kollox, bit-tbatijiet tagħkom fis-sagrifiċċju bla tixrid ta’ demm, bdanakollu veru u rejalissmu, ta’ Kristu Ġesù fuq l-altar.

Waqt li kont għaddej minn nofskom ħassejt preżenza speċjali ta’ Kristu, ta’ Kristu li bata u li fdiena bis-salib tiegħu. Hekk hu, din il-laqgħa tagħna hija tassew mimlija bil-misteru tal-Fidwa, ta’ dik il-ġrajja straordinarja imwettqa 1950 sena ilu li minnha irriżultat u tiddependi x-xorti tad-dinja. It-tbatija tagħkom tqegħdkom fil-qalba ta’ dan il-misteru, tqegħdkom, mela, fil- qalba tad-dinja, għaliex intom tinsabu ferm qrib ta’ Kristu msallab.

Waqt li nħares lejkom, għeżież morda hawn preżenti, ħsiebi jmur fuq dawk kollha li, bħalkom, qiegħda iżżurhom it-tbatija. Lilhom ukoll nixtieq nindirizza, biex ngħidilhom b’imħabbti u biex nesprimi r-rikonoxxenza tal-Knisja, li tara fihom porzjon għażiż tal-Poplu ta’ Alla miexi għal għonq it-toroq tal-istorja  lejn l-għamara beata tas-sema.

It-tbatija hija nfatti vokazzjoni: hija sejħa biex naċċettaw il-piż tad-dulur biex nibdluh f’sagrifiċċju ta’ purifikazzjoni u ta’ paċifikazzjoni offruta lill-Missier fi Kristu u ma’ Kristu, għas-salvazzjoni tagħna u tal-oħrajn.

2. Smajna flimkien il-kelma tal-Profeta Iżaija: “L-Ispirtu tal-Mulej bagħtni biex nikkonsla lil dawk imnikkta” ( 61, 2). Fis-sinagoga ta’ Nażżaret, dan intom tafuh, Kristu applika għalih tali tbassir: huwa, mibgħut mill-Ispirtu, huwa il-veru konsulatur. Huwa, il-Verb inkarnat, li ried ibati u jmut fuq is-salib, miġruħ, bil-għatx, żvinat, huwa jistà jifhem l-istat tar-ruħ tagħkom, ikunilkom qrib fil-waqtiet mudlama, jgħid lil qalbkom il-kelma li ddawwal u tikkonsla.

Flimkien ma’ Kristu, in-nisrani wkoll jistà jwassal is-sabar lil min ibati, jekk ikun imqanqal mill-Ispirtu. Tistà tkun forsi biżżejjed kelma sempliċement umana li terġà tkebbes id-dawl tat-tama f’qalb, li d-dlam tad-disperazzjoni jissogra li jiblagħha? Le, ħuti! Huwa biss l-Ispirtu tal-Mulej – kif fakkarna l-Profeta – li jibgħat lilna lkoll biex nikkunslaw lill-imnikkta. Il-kelma tagħna ta “bnedmin imsejkna” bla dubju tkun għal kollox insuffiċjenti u inadegwata jekk ma tkunx internament imsaħħa min-nifs tal-Ispirtu.

Milux iċċelebrajna s-sollennità ta’ Pentekoste, u għadna nġorru f’qalbna l-eku tal-invokazzjoni sabiħa – waħda fost tant, u kollha suġġestivi – li lejh iġġegħlna nduru bħala “l-aqwa Konsulatur”. Huwa l-Ispirtu, mela, l-Ispirtu tal-Mulej biss li jagħti konsistenza lil dak il-ftit li aħna l-bnedmin nistgħu nagħmlu bħala konsolazzjoni u sabar ta’ ħutna morda u mnikkta. Dan, infatti, aħna bla dubju nafu u fermament nemmnu fuq il-kelma tal-Mulej Ġesù li, fil-waqt li kien wasal biex jinfired minn tiegħu wara l-Aħħar Ċena, wiegħed il-miġja ta’ “Konsolatur ieħor” (cf. Ġw 14, 16. 26; 16, 7). U lilu aħna llum insejħu għalikom, għeżież morda!

3. Din il-konsolazzjoni, don tal-Ispirtu, tiżviluppa u tinbidel sakemm issir ferħ tal-qalb. Forsi din tidher donnha paradoss:  infatti, kif tistà tiffjorixxi t-tbissima jew il-ferħ min-niket jew mill-uġigħ ta’ ġisem imfarrak?

Il-fidi biss tagħti tweġiba, kif qalilna fit-tieni qari l-Appostlu San Pietru: Bir-Redenzjoni tiegħu Ġesù Kristu reġà irriġenerana għal tama ħajja u assikuralna wirt inalterabbli. Għalhekk aħna “mimlija ferħ, ukoll jekk issa rridu nkunu ftit ta’ żmien imnikkta”. Is-sofferenza hekk issir prova permessa minn Alla fid-dawl ta’ ġid ikbar, din hija sors ta’ mertu, u parentesi qasira, li tiftaħ fuq prospettiva tas-salvazzjoni definittiva, li ġġegħlna: “li timlina b’ferħ inespressibbli u glorjuż” (cf. 1 Pt 1, 3-9).

Il-marda, għal min jaf jaċċettaha b’fidi u jissaportiha b’imħabba, tgħaqqad infatti b’mod mistiku ma’ Kristu, “Il-Bniedem tan-Niket” u ssir strument prezzjuż ta’ redenzjoni għall-aħwa. Liema orizzont bla tarf jinfetaħ quddiem għajnejn min, fil-fidi u fl-imħabba, jaf jifhem, jaċċetta u joffri! Liema rwol ta’ mportanza deċiżiva fl-istorja tal-umanità huwa attribwit għal min ibati!

F’din il-prospettiva wieħed jifhem, mela, kif il-fidi jirnexxila tirrikonċilja u ġġiegħel jeżistu flimkien it-tbatija ta’ dulur versatili u l-konsolazzjoni ta’ ferħ intimu.

4. Fit-test evanġeliku, li smajna, hemm irrakkontat il-miraklu tal-fejqan tal-lebbruż (Mt 8, 1-4): “Mulej, jekk trid, tistà tfejjaqni”.

Kull wieħed u waħda minna għandna nagħmlu tagħna din l-invokazzjoni: bħalma dak l-imsejken imdejjaq, dak l-imwarrab tas-soċjetà, inxteħet quddiem il-Mulej, hekk kull wieħed u waħda minna għandna nduru lejh, tabib ċelesti, li huwa wkoll ir-“Redentur tal-bniedem” u għandu l-virtù li jfejjaq il-mard tagħna, varju u divers, imma f’kull każ reali u urġenti: mill-mard fiżiku sal-ħażin morali, li huma d-dnubiet.

Waqt li, għalhekk, nerġgħu ntennu l-invokazzjoni tal-lebbruż tal-Vanġelu, ejjew aħna lkoll nitolbuh:

– l-ewwelnett, għalikom, għeżież ħuti morda hawn preżenti, jew li, minħabba l-marda tagħkom, ma stajtux tħallu s-sodda tan-niket tagħkom, sabiex tikkunslaw ruħkom bid-don tal-Ispirtu tiegħu u tegħrqu fil-ferħ tiegħu;

– imbagħad, b’mod partikolari intom, ħuti li f’din iċ-ċelebrazzjoni ġubilari lesti biex tirċievu is-Sagrament tal-Griżma tal-Morda; il-grazzja li dan jipprovdi, tagħtikom tant dawl, qawwa u konsolazzjoni;

– barra min dan, nitolbuh għal dawk li, b’vokazzjoni u professjoni, jieħdu ħsieb l-assistenza sanitarja, sabiex jagħti lilhom il-qawwa ta’ kuljum għal servizz li huwa sagrifiċċju;

– fl-aħħarnett nitolbnuh għall-ulied kollha tal-Knisja, sabiex waqt li taslilhom l-aħbar ta’ din iċ-ċelebrazzjoni ġubilari, ikunu jridu jilqgħu il-“valur eżemplari”: u, allura, jiftakru dejjem d-dmir li jieħdu ħsieb ta’ dawk li qegħdin ibatu, fit-twettiq tal-mandat suprem tal-karità.

Mulej Ġesù, Tabib ċelesti tal-erwieħ u tal-iġsma, Redentur universali tal-bniedem, ilqà dawn l-invokazzjonijiet, u fil-ħniena tiegħek wettaqhom. Amen!  

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading