PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FIL-POLONIA
(16-23 ta’ ĠUNJU 1983)
KONĊELEBRAZZJONI SOLENNI AD UNUR TAL-MADONNA TAL-GRAZZJA
FL-ISTADJU «X ANNO»D
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Varsavia (Polonia)
17 ta’ Ġunju 1983
Ikun imfaħħar Ġesù Kristu!
1. B’din it-tislima jiena ndur lejn l-abitanti kollha ta’ Varsavia, il-kapitali tal-Polonja, miġburin f’din l-assembleja liturġika, u lejn il-viżitaturi kollha, li ġew minn barra Varsavia, u b’mod partikolari, insellem lill-Kardinal Primat tal-Polonja fil-kwalità tiegħu ta’ Metropolita ta’ Varsavia, il-Kardinali mistiedna, l-Arċisqfijiet u Isqfijiet, b’mod partikolari dawk li miegħi qegħdin jikkonċelebraw f’din il-Quddiesa.
Insellem lill-Kapitlu metropolitan u lill-kleru kollu ta’ Varsavia u tal-arċidijoċesijiet, il-ġirien u l-viżitaturi li ġew mill-partijiet l-oħra tal-Polonja. Insellem lill-Ordnijiet reliġjużi maskili u femminili, lis-Seminarji ekkleżjastiċi u l-Universitajiet kattoliċi rappreżentati hawn .
Insellem lilkom kollha, ħuti rġiel u nisa! Kumpatrijoti tiegħi!
2. Faħħart lil Ġesù Kristu bit-tislima Pollakka antika, u intom ilkoll weġibtuni “għal dejjem ta’ dejjem”, Kristu huwa nfatti “l-istess ilbieraħ, illum u dejjem” (Lh 13, 8). Kristu huwa “l-Mulej tas-seklu futur”, kif jistqarr l-ewwel qari tal-liturġija tallum meħud mill-Ktieb tal-Aspokalissi. Huwa hu, Kristu msallab u rxuxtat, dak li ta bidu lill-“ħajja eterna” diġa fl-istorja tal-kożmu u fl-istorja tal-umanità. Huwa hu, bħala Redentur tad-dinja, li issa jħejji “sema ġdida u art ġdida” (Ap 21, 1). Huwa bl-opra tiegħu li Ġwanni, l-Awtur tal-Apokalissi, jara “l-belt qaddisa, Ġerusalem il-ġdida, tinżel mis-sema, lesta bħal għarusa . . . għall-għarus tagħha” (Ap 21, 2). Huwa bl-opra tiegħu, ta’ Kristu, li Ġwanni, l-awtur tal-Apokalissi, jismà leħen qawwi li jgħid: “Hawn hi l-għamara ta’ Alla mal-bnedmin! Huwa jgħammar f’nofshom u huma jkunu l-poplu tiegħu, u huwa jkun l-“Alla-magħhom” Hu jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom; ma jkunx hemm iktar il-mewt, linqas vistu, linqas biki u linqas għajjat ta’ tbatija . . . (Ap 21, 3-4).
Huwa hu, Kristu msallab u rxuxtat, li jagħmel iva meta l-ewwel ħwejjeġ jgħaddu (cf. Ap 21, 3-4) jitwettaq fl-istess ħin l-kliem tal-Ktieb: “Hekk hu, jiena nagħmel ġodda l-ħwejjeġ kollha” (Ap 21, 5).
Meta faħħart l-isem ta’ Ġesù Kristu intom weġibtu “għal dejjem ta’ dejjem” waqt li b’din it-tweġiba intom ilħaqtu mhux biss il-futur kollu,li għad hemm quddiemna, il-futur tad-dinja temporali li tgħaddi, imma wkoll dik id-dimensjoni kollha tas-“seklu futur” li għalih Alla stess, bl-opra ta’ Kristu, imexxi fl-Ispirtu Santu d-Dinja u l-Umanità.
3. Kristu, “Missier is-seklu futur”, huwa fl-istess ħin “ilbieraħ u llum”. Meta kont fil-Polonja fl-ewwel sena tas-servizz tiegħi fis-Sedja Rumana ta’ San Pietru, kont għidt f’Varsavja, fi Pjazza tar-Rebħa, li huwa diffiċli tifhem l-istorja ta’ Art Twelidna, il-“bieraħ” storiku tagħna u wkoll l-“illum”, mingħajr Kristu.
Wara erbà Snin niġi mill-ġdid lura bħala pellegrin f’Jasna Gora, biex nieħu sehem fil-Ġublew nazzjonali ta’ din ix-Xbiha beata, li fiha għal sitt sekli Omm Kristu ilha tgħammar f’nofs il-poplu tagħna. Il-Vanġelu tal-liturġija tallum- l-istess wieħed li jinqara f’Jasna Gora – iqabbel dfin l-għamara ta’ Marija fostna mal-preżenza tagħha f’Kana tal-Galilea. Flimkien magħha marru Ġesù u d-dixxipli.
Jekk ngħidu li mhux possibbli nifhmu “ilbieraħ” storiku tagħna kif ukoll l-“illum” mingħajr Kristu, allura l-Ġublew ta’ Jasna Gora jenfasizza li din il-preżenza ta’ Kristu fl-istorja tagħna hija – bħal f’Kana tal-Galilea – magħquda b’mod tal-għaġeb mal-preżenza ta’ Ommu. Għal din il-preżenza, għażiża għalina, il-Knisja fil-Polonja tagħti propju xhieda permezz tal-Ġublew ta’ Jasna Gora, tas-sena li għaddiet, imtawwal għas-sena kurrenti. Għal din l-istess preżenza materna nixtieq ukoll nagħti xhieda flimkien magħkom, u għal dan niġi f’Art Twelidi, waqt li nizzi ħajr lill-komponenti kollha tas-soċjetà għall-istedina.
Flimkien magħkom, għeżġeż ħuti, nixtieq nipproklama, fil-bidu ta’ dan il-pellegrinasġġ tiegħi, li, grazzi għal din il-preżenza partikolari ta’ Marija fl-istorja tan-Nazzjon tagħna, Kristu stess, fid-divinità tiegħu u fl-istess ħin fl-umanità tiegħu, jinsab maġġorment qrib tagħna. Ejjew infittxu li nifhmu is-Salib u l-Qawmien mill-Imwiet, ejjew infittxu li nifhmu l-misteru tar-Redenzjoni, permezz tal-qalb ta’ Ommu. Ejjew infittxu l-aċċess għal Kristu, bħal dawk in-nies ta’ Kana tal-Galilea, għal Marija. Il-karatteristika Kristuċentrika tal-kristjaneżmu tagħna ingħaqdet b’mod profond, mal-karatteristika marjana, materna. Dan qiegħed ngħidu ġo Varsavja, il-kapitali tal-Polonja, li l-Patruna tagħha hija, minn żmien twil ilu, il-Madonna tal-Grazzja.
4. U qiegħed ngħidu fl-istess ħin f’mument storiku preċiż. Fis-sena 1983, fl-isfond wiesà tal-millenju Pollakk tagħna u fl-istess ħin tas- 600° ta’ Jasna Gora, tispikka b’rifless imdawwal id-data storika ta’ tliet mitt sena ilu: il-għajnuna lil Vienna, ir-rebħa Vjenniża! Dan huwa l-anniversarju li jgħaqqad lilna lkoll, Pollakki, u wkoll lill-ġirien tagħna tan-Nofsinhar u tal-Punent, l-eqreb u l-ibgħad. Bħalma tliet mitt sena ilu għaqqditna t-theddida komuni, hekk, wara tliet mitt sena, jgħaqqadna l-anniversarju tat-taqbida u tar-rebħa.
Din it-taqbida u din ir-rebħa ma ħaffrux foss bejn in-Nazzjon Pollakk u dak Tork. Bil-maqlub, dawn ħolqu rispett u apprezzament. Nafu li, meta l-Polonja, fi tmiem is-seklu XVIII, għebet mill-mappa politika tal-Ewropa, il-gvern Tork ma għaraf qatt il-fatt tas-sepsarazzjoni. Għall-qorti Ottomana –, kif tgħid it-tradizzjoni – waqt ir-riċevimenti sollenni tar-rappreżentanti tal-Istati l-oħrajn, kien ġie mitlub bi nsistenza: “Huwa preżenti l-mibgħut ta’ Lechistan?” It-tweġiba : “Għad mhux”,, ingħatat għal żmien twil, sakemm waslet is-sena 1918 u r-rappreżentant tal-Polonja indipendenti mar mill-ġdid fil-kapitali tat-Turkija. Jien kelli l-possibiltà” li dan nosservah waqt il-qagħda tiegħi fil-kapitali tat-Turkija, fejn żort lill-Patrijarka ta’ Kostantinopli.
Kien hemm bżonn li nfakkar din il-karatteristika partikolari biex napprezzaw b’mod sħiħ il-valur tal-għajnuna ta’ Vjenna fl-1683 u tar-rebħa tas-sultan Ġovanni III Sobieski.
5. Is-Sultan għarraf bir-rebħa lis-Sedja Apostolika bil-kliem sinifikattiv: “Venimus, vidimus, Deus vicit”: jien ġejt, rajt, Alla rebaħ. Dan il-kliem tas-sultan nisrani stampaw ruħhom b’mod profond kemm fil-millenju tal-Magħmudija tagħna, kif ukoll fil-Ġublew ta’ Jasna Gora ta’ din is-sena. Ġovanni III, tul il-kampanja tiegħu Vjenniża, għamel pellegrinaġġi f’Jasna Gora u fis-santwarji l-oħra marjani.
Il-kliem tas-sultan stampa fil-“lbieraħ” tagħna l-verità evanġelika dwar ir-rebħa, li dwarha jitkellem ukoll it-tieni qari tal-liturġija tallum. Il-bniedem huwa msejjaħ biex jikseb ir-rebħa f’Ġesù Kristu. Din hija r-rebħa fuq id-dnub, fuq “il-bniedem il-qadim”, li hemm radikat profondament f’kull wieħed u waħda minna. “. . . Għad-diżubbidjenza ta wieħed biss ilkoll konna magħmula midimbin . . . għall-ubbidjenza ta’ wieħed biss ilkoll sirna ġusti” (Rm 5, 19). San Pawl jitkellem dwar Adam u dwar Kristu.
“Deus vicit” (Alla rebaħ): bil-qawwa ta’ Alla, li bl-opra ta’ Ġesù Kristu jaġixxi fina permezz tal-Ispirtu Santu, il-bniedem huwa msejjaħ għar-rebħa fuqu nnifsu. Għar-rebħa fuq dak li jorbot il-libertà ħielsa tiegħu u jirrendih sottomess għall-ħażin. Tali rebħa tfisser jgħix fil-verità, tfisser ir-rettitudni tal-kuxjenza, l-imħabba tal-proxxmu, il-ħila li taħfer, l-iżvilupp spiritwali tal-umanità tagħna.
Irċivejt f’dawn l-aħħar xhur bosta ittri mingħand persuni differenti, fost l-oħrajn mingħand l-internati. Dawn l-ittri spiss kienu għalija xhieda edifikanti propju ta’ tali rebħiet interni, li dwarhom wieħed jistà jgħid: “Deus vicit”, Alla rebaħ fil-bniedem. Infatti, in-nisrani huwa msejjaħ f’Ġesù Kristu għar-rebħa. Tali rebħa hija nseparabbli mill-għejja, u saħansitra mit-tbatija, hekk bħalma l-Qawmien mill-Imwiet ta’ Kristu huwa nseparabbli mis-Salib.
“U diġa rebaħ illum, għalkemm jinsab mgħaffeġ fl-art, dak li jħobb u jaħfer – qal il-Kardinal Stefan Wyszyski – dak li, bħal Kristu, ta qalbu u saħansitra ħajtu għal ħutu” (Kard. Stefan Wyszynski, Omelia, 24 ta’ Ġunju 1966).
6. In-Nazzjon tul il-korsa tal-istorja tiegħu jikseb rebħiet li bihom jifraħ, kif jifraħ din is-sena bir-rebħa Vjenniża, iżda jġarrab ukoll telfiet li jqanqlulu niket. Dawn it-telfiet kienu numru fl-ark tal-aħħar sekli. Ma nkunux għidna l-verità kollha jekk insostnu li dawn kienu biss telfiet politiċi, sat-telfa tal-indipendenza. Dawn kienu wkoll telfiet morali: id-dekadenza tal-moralità fiż-żminijiet tas-Sassoni, it-telfa tas-sensibiltà għall-ġid komuni sad-delitti ta’ min jistmerrhom kontra Art Twelidna. Iżda diġa t-tieni nofs tas-seklu XVIII iġib tentattivi deċiżi lejn tiġdid soċjali, kulturali u politiku. Biżżejjed niftakru l-Kummissjoni ta’ edukazzjoni u fuq kollox il-kostituzzjoni tat-3 ta’ Mejju. Fuq l-isfond ta’ dawn it-tentattivi, id-daqqa ta’ ħarta mogħtija lill-Ewwel Repubblika min-naħa tal-Istati li attwaw it-taqsim tal-Polonja, kienet inġustizzja terribbli tal-istorja, il-vjolazzjoni tad-drittijiet tan-Nazzjon u tal-ordni internazzjonali.
Bħalma bniedem iħoss id-dmir li jikseb rebħa morali jekk ħajtu għandha jkollha s-sens propju, hekk ukoll Nazzjon, li huwa komunità ta’ bnedmin. Għalhekk tul is-seklu XIX kien hemm tentattivi nstankabbli, li kienu mmirati għar-rikostruzzjoni morali u biex tkun miksuba lura l-indipendenza politika, dak li seħħ wara l-ewwel gwerra dinjija. Qiegħed nitkellem dwar dan kollu għaliex l-istorja tan-Nazzjon hija miktuba fil-Ġublew patrijottiku, ta’ sitt sekli tal-preżenza ta’ Marija, Sultana tal-Polonja, f’Jasna Gora. Hemm ukoll isibu l-eku tagħhom ir-rebħiet u t-telfiet. Minn hemm jasal b’mod kostanti l-appell biex ma nċedux għat-telfa, imma nfittxu t-toroq għar-rebħa. Kristu huwa “il-Missier tas-seklu futur, u s-Saltna ta’ Alla tmur ‘il hemm mid-dimensjoni tal-kwistjonijiet temporali. Fl-istess ħin iżda Kristu huwa “ilbieraħ u llum” u hawn jiltaqà mal-bniedem ta’ kull ġenerazzjoni, hawn jiltaqà wkoll man-Nazzjon, li huwa komunità ta’ bnedmin. Minn din il-laqgħa tiġi dik is-sejħa għar-rebħa fil-verità, fil-libertà, fil-ġustizzja u fl-imħabba, li dwarha Ġwanni XXIII tkellem fl-enċiklika Pacem in Terris.
7. Din l-enċiklika kienet ippubblikata għoxrin sena ilu. U fiha kien hemm ir-rifless profond ta’ dawk l-isforzi, immirati għall-manteniment tal-paċi fid-dinja kontemporanja wara l-esperjenzi terribbli tat-tieni gwerra dinjija. Il-Knisja tieħu sehem f’dawn l-isforzi tal-familja umana, tqis dan dmir tal-missjoni evanġelika tagħha.
Bħala suċċessur ta’ Ġwanni XXIII u ta’ Pawlu VI fuq is-Sedja Rumana, kelli bosta drabi okkażjoni li nippronunzja ruħi dwar dan is-suġġett. Ftit wara r-ritorn tiegħi mill-Polonja fl-1979, dan għamiltu quddiem l-forum tal-Organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda, fi New York. Jibqà ndimentikabbli għalija wkoll il-messaġġ-talba, illanċjat minn Horoshima fi Frar tal-1981.
Ma nistax illum ma nerġax lura fuq dan is-suġġett, waqt li ninsab ġewwa Varsavja, il-kapitali tal-Polonja li kienet ridotta f’rovini mill-invażuri fis-sena 1944. Minn hawn mela inġedded il-messaġġ tiegħi ta’ paċi, li min-naħa tas-Sedja Apostolika jasal kostantament lin-Nazzjonijiet kollha u lill-Istati kollha, b’mod speċjali dawk li fuqhom taqà l-ikbar responsabiltà għall-kawża tal-paċi fid-dinja kontemporanja.
Ukoll minn din il-belt, kapitali tan-Nazzjon u tal-Istat li bi prezz tal-ikbar sagrifiċċji issieltet għall-kawża t-tajba matul l-aħħar gwerra dinjija, irrid infakkar lil kulħadd li d-dritt tal-Polonja għal-libertà u wkoll għall-iżvilupp korrett fil-qasam kulturali u f’dak soċju-ekonomiku jappella għall-kuxjenza ta’ ħafna bnedmin u ta’ ħafma soċjetajiet fid-dinja. Il-Polonja żammet sal-aħħar, anzi b’mod abbundanti l-impenji ta’ allejata, li assumiet fl-esperjenzi terribbli tas-snin 1939-1945. Ix-xorti tal-Polonja fis-sena 1983 ma tistax tkun indifferenti għan-Nazzjonijiet tad-dinja, b’mod speċjali tal-Ewropa u tal-Amerka.
Għeżież Konnazzjonali tiegħi! Ħuti! Fis-sena 1944 l-kapitali tal-Polonja ġiet mibdula f’munzell ta’ rovini. Wara l-gwerra, l-istess Varsavja ġiet minbija mill-ġdid, kif narawha llum b’mod speċjali minn hawn, minn dan il-post: antika u moderna fl-istess ħin. M’għadhiex din rebħa morali tan-Nazzjon? U tant bliet oħra u ċentri kienu mibnija mill-ġdid fuq it-territorji Pollakki, speċjalment dawk tat-Tramuntana u tal-Punent, fejn ingħatali li nistà nżur fl-isfera ta’ dan il-pellegrinaġġ attwali: jiġifieri Wroclaw u Gora Swietej Anny.
8. “Venimus, vidimus, Deus vicit”: lil-kliem tas-sultan wara r-rebħa Vjenniża huma ttimbrati fil-kontenut tal-millenju tagħna, huma ttimbrati wkoll fil-kontenut tal-Ġublew ta’ Jasna Gora, li permezz tagħhom nesprimu r-ringrazzjament tagħna għas-sitt sekli tal-preżenza partikolari tal-Ġenitriċi ta’ Alla fl-istorja tagħna.
Ix-xewqa tar-rebħa, ta’ rebħa nobbli, ta’ rebħa mifdija mill-għejja u mis-Salib, ta’ rebħa miksuba saħansitra permezz tat-telfiet, tagħmel parti mill-program nisrani tal-ħajja tal-bniedem. Ukoll mill-ħajja tan- Nazzjon .
Iż-żjara preżenti tiegħi f’art twelidi qiegħda sseħħ fi żmien diffiċli għas-soċjetà kollha Kemm huma kbar dawn id-diffikultajiet! Kemm huma kbar dawn id-diffikultajiet, intom stess, għeżież konnazzjonali, tafu aħjar minni, ukoll jekk jien ukoll ngħix b’mod profond l-esperjenza kollha tal-aħħar snin sa minn Awissu tal-1980. Din hija wara kollox importanti għal bosta soċjetajiet tal-Ewropa u tad-dinja; kullimkien ma jonqsux bnedmin li jirrejalizzaw dan. Ma jonqsux linqas dawk li speċjalment minn Diċembru tal-1981, iwasslu għajnuna lin-Nazzjon tiegħi; ta’ dan jiena wkoll grat lejn kulħadd.
Madankollu, in-Nazzjon għandu jgħix speċjalment bil-forzi tiegħu u jiżviluppa bil-forzi tiegħu. Waħdu għandu jikseb din ir-rebħa, li l-Providenzxa Divina tagħtih bħala dmir f’dan l-istadju tal-istorja. Kulħadd jirrejalizza li din mhix rebħa militari, bħal tliet mitt sena ilu, imma rebħa ta’ natura morali. Propju din tikkostitwixxi s-sustanza ta’ tiġdid ipproklamat iżjed minn darba. Dan huwa l-ordni matur tal-ħajja nazzjonali u ta’ dak tal-Istat li fih ikunu rispettati d-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Rebħa morali biss tistà twassal lis-soċjetà barra mill-qsim u tirrestitwixxi l-għaqda. Tali ordni jistà kontemporanjament ikun rebħa tal-iggvernati u tal-gvernanti. Hemm bżonn li naslu għal dan permezz tat-triq tad-djalogu reċiproku u tal-qbil, l-unika triq li tippermetti lin-Nazzjon li jkun jistà jgawdi għal kollox id-drittijiet ċiviċi u l-istrutturi soċjali li jwieġbu l-esiġenzi ġusti tagħhom, kapaċli li jiżviluppaw il-kunsens, li tiegħu l-Istat għandu bżonn biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu u li permezz tagħhom in-Nazzjon jesprimi s-sovranità konkreta tiegħu.
Se nikkwota hawn il-kliem tal-Ittra pastorali tal-Episkopat Pollakk għall-jum tad-29 ta’ Awissu 1982: In-Nazzjon Pollakk jinħtieġ tiġdid morali u soċjali ġdid, sabiex ikun jistà jsib mill-ġdid il-fidi fiha nfisha. Fil-futur tiegħu, il-fiduċia fil-forzi tiegħu; iqajjem l-enerġiji morali u l-ġenerożità soċjali biex ikun jistà jiffaċċja l-għejja kbira tax-xogħol u ċ-ċaħdiet meħtieġa li jinsabu quddiem kulħadd. Ħtieġa urġenti hija r-rikostruzzjoni tal-fiduċja bejn s-soċjetà u l-poter biex jibnu fi sforz komuni l-aħjar ġejjieni ta’ Art Twelidna, u jassiguraw l-interessi tan-Nazzjon u tal-Istat”.
9. Għeżież ħuti! Parteċipanti f’din il-liturġija tal-Papa pellegrin, konnazzjonali tagħkom, fil-kapitali tal-Polonja! Minn hawn, minn Varsavja, se nitlaq lejn Jasna Gora, li l-mibki Primat tal-Polonja, il-Kardinal Stefan Wyszybski, kien soltu jsejjaħ “Jasna Gora tar-rebħa” (“Muntanja ċara tar-rebħa”).
Nixtieq nieħu hemm dan ir-rigal speċjali, li fis-sena tal-Ġublew ta’ Jasna Gora kienet l-elevazzjoni fuq l-altari tal-martri Pollakk ta’ Oswiecim, San Massimiliano Maria. Jiena grat lill-Providenza Divina li ngħatali li nwettaq din il-kanonizzazzjoni, nhar l-10 ta’ Ottubru tas-sena 1982.
Waqt li nitlaq minn Varsavja, ninserixxi ruħi spiritwalment fil-kortejo ta’ pellegrini, li sa mill-1711, mela minn 272 sena, jimxu kull sena mill-kapitali tal-Polonja lejn il-kapitali tas-Sultana tal-Polonja: il-pellegrinaġġ ta’ Varsavja.
Nixtieq nippreżenta ruħi quddiem il-Ġenetriċi ta’ Alla u quddiem Binha Divin, Ġesù Kristu, li huwa “il-Missier tas-seklu futur” u fl-istess ħin huw“ilbieraħ u “illum”. B’mod partikolari: huwa “il-bieraħ u llum” tal-ġenerazzjonijiet li għaddew u li jgħaddu permezz ta’ Art Twelidna. Nixtieq nieħu t-tbatijiet kollha tan-Nazzjon tagħna, u magħhom dik ir-rieda ta’ rebħa, li qatt ma niċħdu minkejja t-telfiet u l-esperjenzi kollha tal-istorja.
U rrid ngħid: “Ħu taħt il-protezzjoni tiegħek in-Nazzjon kollu, li jgħix għall-glorja tiegħek. Agħmel li jiżviluppa b’mod splendidu. O Marija!”
Wara li ntemmet iċ-ċelebrazzjoni, huwa baqà jitkellem mal-fidili billi qalilhom:
Qabel il-barka finali, nitlob lill-komunitajiet kollha li qegħdin jieħdu sehem f’dan is-Sagrifiċċju Ewkaristiku biex jilqgħu it-tislima partikolari tiegħi. Hija ħaġa ovvja li hawn preżenti l-belt ta’ Varsavja u l-arċidjoċesi ta’ Varsavja, imma hawn ukoll xi pellegrini. Din l-Ewkaristija tagħna, iċċelebrata mill-Papa pellegrin, kienet effettwata bis-sehem tal-pellegrini ta’ dijoċesijiet differenti. Nixtieq insellmilhom kollha f’din il-komunità u nitlob li jwasslu l-barka tal-Papa lid-dijoċesijiet, il-parroċċi u l-familji tagħhom. Hawn xi pellegrini mill-asrċidijoċesi fi Bialystok, mid-dijoċesi ta’ Drihiczy, fuq Bug, hawn xi pellegrini tad-dijoċesi ta’ Danzica (kwalunkwè ħaġa li nixtieq inżid ma’ din ir-referenza tkun inutli, quddiem di r-rejazzjoni ta’ dawk miġbura hawn, li għadna kemm smajna). Tislim u barka lid-dijoċesi ta’ Danzica (ftehmna f’din il-ħaġa, jiġifieri dwar min għandu d-dritt jitkellem). Hawn pellegrini mid-dijoċesi ta’ Lublino, mid-dijoċesi ta’ Lomza, mid-dijoċesi ta’ Plock, pellegrini tad-dijoċesi ta’ Sandomierz-Radom, fl-aħħarnett mid-dijoċesi ta’ Siedlce jiġifieri ta’ Fodlasie. Mingħand dawn id-dijoċesijiet kollha, waqt l-offertorju rċivejt rigal partikolari, rigal spiritwali u simboliku. Nixtieq nirreċiproka dan ir-rigal, offrut f’isem il-komunitajiet dijoċesani, bit-tislima u l-barka tal-Papa, sabiex twassluhom, għeżież pellegrini, magħkom, hemm minn fejn ġejtu. Dan huwa l-ewwel ċirku: imma hemm bżonn li nwessgħuh iktar, ladarba għas-ragrifiċċju Ewkaristiku ċċelebrat hawn, f’dan il-post imponenti, fuq l-isfond tal-panorama kollha ta’ Varsavja, post qalb il-ħdura, wieħed jistà jgħid fost l-isport u l-liturġija (għaliex hekk għandha tissejjaħ din il-Quddiesa ‘il hemm mill-grawnd), hemm diversi mistiedna, li ġew minn barra: il-Kardinali u l-Isqfijiet. Kull wieħed minnhom jirrapreżenta n-nazzjon li fih din il-Knisja tgħix.
Qabel ma ntemmu l-Quddiesa, irrid f’isimna lkoll li ħadna sehem f’din il-liturġija ewkaristika, nibgħat it-tislijiet u l-barkiet lil dawk il-Knejjes, li r-rgħajja tagħhom ġew għandna. Għalhekk se nelenkom. Kemm hu qrib tagħna l-isem tal-Arċisqof ta’ Filadelfja fl-Istati Uniti, il-Kardinal Krol, u maġembu l-Arċisqof ta’ Detroit, l-Arċisqof Edmund Szoka (nibgħat it-tislijiet u l-barka lill-Komunità Pollakka barra mill-pajjiż u lill-komunità kollha tal-Knisja fl-Istai Uniti, u wkoll lis-soċjetà kollha). Huwa preżenti fostna l-Kardinal ta’ Magonza fil-Ġermanja tal-Punent: għalhekk, tislim u barka lil ħutna fil-fidi, li ġew mill-Punent tal-Polonja. Huwa wkoll preżenti fostna l-Kardinal Isqof ta’ Berlin: u nibagħtu f’dik id-direzzjoni t-tislijiet tagħna u l-kliem tal-għaqda nisranija. Imma għandna fost il-mistednin tagħna wkoll il-President tal-Konferenza tal-Episkopat ta’ Spanja; biex nibqgħu fil-lingwa Spanjola nżid li għandna wkoll fostna rappreżentant tal-Episkopat tal-Messiku. Nitolbuhom iwasslu t-tislima tagħna u l-kliem tal-għaqda fil-fidi, il-fidi li tgħaqqad fi Kristu u fil-Knisja. Navviċinaw imbagħad lill-ġirien tagħna. Huwa preżenti l-Kardinal Arċisqof ta’ Żagabrija, fil-Jugożlavja. Nitolbuh iwassal lil ħutna Slavi it-tislima u l-kliem tal-għaqda fil-fidi, fil-Knisja u fi Kristu; tal-imħabba diffiċli lejn il-Madonna Santissma. Hawn fl-aħħarnett il-Kardinal Primat tal-Ungerija, l-Arċisqof ta’ Esztergom. Jalla din il-komunità ta’ fidi u ta’ Ewkaristija, li llum għaqqditna hawn f’Varsavja, tinfirex bil-kbir ‘il hemm mit-truf tal-popli u saħansitra tal-kontinenti; u li tgħaqqadna f’din l-għaqda li nikkostitwixxu fi Kristu, permezz ta’ ħutna distinti fl-Episkopat, fid-dinjità kardinalizja, fil-vokazzjoni pastorali.
Irrid inżid li flimkien miegħi ġie miegħi minn Ruma il-Kardinal Segretarju tal-Istat, barra tliet Isqfijiet, li qed jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjoni tagħna tallum, kif ukoll fil-pellegrinaġġ kollu. Nawgura li jsibu ruħhom fil-Polonja tant tajjeb bħal fil-Vatikan u bħal f’darhom; ladarba l-Papa għandu jħossu sewwa fil-Vatikan.
Fl-aħħarnett . . . “pro domo sua”: fost il-Kardinali huwa ovvjament preżenti il-metropolita ta’ Krakovja, is-suċċessur tiegħi fis-sedja ta’ San Stanislaw; il-Kardinal Wladyslaw Rubin da Roma, il-kompatrijott tagħna. Inkompli nżid lill-Isqof Alfred Abramowicz ta’ Chicago, il-president tal-Lega kattolika Polakka ta’ Chicago.
Hekk, għeżież ħuti, rajna fl-aħħar ta’ din l-għaqda kbira ewkaristika, f’ċirku ferm ikbar minn dak li nħaddnu hawn b’għajnejna, b’widnejna u b’qalbna. Rajna lilna nfusna bħal inseriti fiċ-ċirku tal-komunità tal-Knisja tal-art Pollakka kollha u talinqas f’parti rilevanti tagħha; kif ukoll tal-komunità tal-Knisja universali, fil-Pajjiżi differenti u fuq kontinenti differenti.
Issa mill-ġdid l-aħħar kelma lilkom, li ħadtu sehem b’mod hekk kostruttiv f’dan is-Santissmu Sagrament tal-altar. Ilbieraħ, waqt it-tislima tiegħi fl-ajruport, għidt li l-bewsa fuq l-art Pollakka għandha sinifikat simboliku ta’ bewsa tal-paċi. Illum nerġà lura għal dan il-ħsieb, irrid nawgura l-paċi lill-parteċipanti kollha ta’ din il-laqgħa ewkaristika kbira: nixtieq, għeżież ħuti, li il-jum tallum ukoll u l-jiem kollha taż-żjara tiegħi, tal-pellegrinaġġ tiegħi, f’Art Twelidi, ikunu jiem ta’ paċi, ta’ skiet, ta’ trankwillità interna: jiem li ngħixu maġemb Alla, quddiem il-Madonna ta’ Jasna Gora, jiem li ma’ tulhom infittxu t-toroq tal-futur, li kultant jidhrilna tant mudlam. Dan nawgurah minn qalbi u nitlobulkom: nitlobkom il-paċi għal tul iż-żjara tal-Papa pellegrin f’kull post: Fl-aħħarnett, nawspika li l-fatt li se terġgħu lura ġewwa djarkom; li se tbusu lil uliedkom, li ma setgħux ikunu preżenti hawn; li se tavviċinaw lill-morda tagħkom li ma setgħux ikunu hawn; li se tgħidu kelma sabiħa lill-ġirien, billi twasslulhom it-tislim u l-barka tal-Papa,, dan iqanqal l-espressjoni ta’ din il-paċi u ta’ din l-imħabba, li timbuttana lejn l-għaqda, u li tgħaqqadna fuq kollox fl-Ewkaristija. Ħuti għeżież! Jalla din l-Ewkaridstija tinfirex, jalla Varsavja tgħix biha, jalla l-Polonja tgħix biha, tikseb minnha l-paċi, l-imħabba u s-salvazzjoni!
Fl-aħħarnett insellem lid-dinja kollha ħaddiema u universitarja, u nsellmilha għaliex talbitni. Dan ma jfissirx li mingħajr din it-talba tagħhom ma kontx se nsellmilhom; imma ladarba talbuni, jiena nilqà t-talba tagħhom! U issa, għeżież ħuti, parteċipanti ta’ din il-laqgħa ewkaristika-marjana kbira, ilqgħu l-barka tiegħi ta’ Papa bħala l-aħħar kelma tat-talba komuni tagħna u tas-sagrifiċċju komuni tagħna.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb