Ġwanni Pawlu II f’Niepokalanów

PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FIL-POLONIA
(16-23 TA’ ĠUNJU 1983)
KONĊELEBRAZZJONI SOLENNI FIL-«BELT TAL-IMMAKULATA»
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Niepokalanów
18 ta’ Ġunju 1983

1. Sinjuri Kardinali, Arċisqfijiet, Isqfijiet, Saċerdoti, Reliġjużi irġiel u nisa, speċjalment intom, ulied irġiel u nisa ta’ San Franġisk, u intom ilkoll ħuti għeżież konnazzjonali!

Nhar l-10 ta’ Ottubru tas-sena li għaddiet ingħatali li ngħolli għall-unuri tasl-altari tal-Knisja universali, il-qaddis Massimilianu Maria Kolbe, iben l-art Pollakka. Inġabru wkoll xi Pollakki, mill-Polonja u mill-emigrazzjoni, f’numru pjuttost rilevanti. Imma kienu jikkostitwixxu biss il-minoranza ta’ dik il-folla ta’ pellegrini, li f’dak il-Ħadd imliet Pjazza San Pietru. Dawn bla dubju kienu ġew minn Ruma u mill-Italja kollha, imma wkoll f’numru notevoli mill-Ġermanja minn Pajjiżi oħra tal-Ewropa, kif ukoll minn Kontinenti oħra, b’mod speċjali mill-Ġappun, li ntrabat b’mod permanenti mal-Kavallier tal-Immakulata. Kien jidher ċar li l-proklamazzjoni bħala qaddis, min-naħa tal-Knisja, ta’ Patri Massimiljanu kienet laħqet  punt nevralġiku   tas-sensibiltà tal-bniedem ta’ żminijietna. Għalhekk komuni kienet l-istennija ta’ tali kanonizzazzjoni, u l-parteċipazzjoni wettqet l-istennija stess.

Meta dak li jkun jirrifletti dwar il-mottivi,  jistà  jiddikjara li Massimiljanu Kolbe, permezz ta’ mewtu fil-kamp tal-konċentrament, fil-“Bunker tal-ġuħ”, iddikjara b’mod partikolarment elokwenti d-dramm tal-umanità tas-seklu XX. Bdanakollu l-mottiv l-iktar profond u l-iktar addattat donnu li hu l-fatt li f’dan is-saċerdot-martri saret partikolarment trasparenti l-verità ċentrali tal-Vanġelu: il-verità dwar il-qawwa tal-imħabba.

2. “Ħadd ma għandu mħabba ikbar minn din: tagħti ħajtek għal ħbiebek” (Ġw 15, 13): hekk qal Ġesù, qabel ma nfired mill-Appostli fiċ-ċenaklu, qabel ma mar lejn il-passjoni u l-mewt. “Aħna għaddejna mill-mewt għall-ħajja, għaliex inħobbu lil ħutna” jirrepeti, wara l-Imgħallem tiegħu l-Appostlu Ġwanni fl-ewwel Ittra tiegħu (1 Ġw 3, 14). U jikkonkludi: “Minn dan għarafna l-imħabba: huwa ta ħajtu għalina; mela aħna wkoll għandna nagħtu ħajjitna għal ħutna (1 Ġw 3, 16).

Propju din il- verità tal-Vanġelu saret partikolarment trasparenti, permezz tal-att imwettaq f’ Oswiecim ta’ Patri Massimiljanu Kolbe. Wieħed jistà jgħid li l-mudell l-iktar perfett imħolli lilna mir-Redentur tad-dinja kien meħud f’dak l-att b’eroiżmu assolut u fl-istess ħin b’sempliċità enormi. Il-Patri Massimiljanu joħroġ mill-filliera, biex ikun aċċettat bħala kandidat għall-“bunker tal-ġuħ”, minflok Franciszek Gajowniczek: huwa jieħu d-deċiżjoni, li fiha juri fl-istess ħin l-maturità ta’ mħabbtu u l-qawwa tal-Ispirtu Santu, u jwettaq din id-deċiżjoni evanġelika sal-aħħar: jagħti ħajtu għal wieħed minn ħutu.

Dan iseħħ fil-kamp tal-mewt, f’post fejn ġarrbu l-mewt iktar minn erbà miljun persuna ta’ nazzjonijiet, lingwi, reliġjonijiet u razez  differenti. Massimiljanu Kolbe wkoll ġarrab il-mewt: fl-aħħar, ġie mogħti d-daqqa tal-mewt b’injezzjoni mortali. Bdanakollu, b’dik il-mewt dehret fl-istess ħin ir-rebħa spiritwali fuq il-mewt, simili għal dik li seħħet fuq il-Kalvarju. U mela hu “ma ġarrabx” il-mewt, imma “ta l-ħajja” lil wieħed minn ħutu. F’dan hemm ir-rebħa morali fuq il-mewt. “Tagħti ħajtek għal wieħed minn ħutek” ifisser issir, b’xi mod, ministru tal-mewt tiegħek.

3. Massimiliano Kolbe kien ministru: kien infatti, saċerdot bin San Franġisk. Kuljum kien jiċċelebra b’mod sagramentali l-misteru tal-mewt redentriċi ta’ Kristu fuq is-Salib. Ta’ spiss kien itenni l-kliem tas-Salm, imfakkar mil-liturġija tallum: “X’se nrodd lill-Mulej / għal dak kollu li tani? / Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni / u nsejjaħ isem il-Mulej” (Sal 116, 12-13).

Hekk hu. Kuljum hu kien jgħolli l-kalċi tal-patt il-ġdid u etern, li fih, taħt l-ispeċi tal-imbid, id-Demm tar-Redentur jiġi sagramentalment “imxerred” għall-maħfra tad-dnubiet. Flimkien mal-misteru tal-Kalċi ewkaristiku kinet timmatura fih dik is-siegħa tad-deċiżjoni ta’ Oswiecim: “M’għandix forsi nixrob il-kalċi li Missieri tani?” (Ġw 18, 11). Xorob, xorob sal-aħħar dan il-kalċi, biex jixhed quddiem id-dinja li l-imħabba hija iktar b’saħħitha mill-mewt. Id-dinja għandha bżonn din ix-xhieda biex tinħall mill-irbit ta’ dik iċ-ċiviltà tal-mewt li, speċjalment f’xi waqtiet tal-epoka tallum, turi wiċċha heddidi.

4. Fil-ġrajja ta’ Oswiecim hemm minqux dak id-djalogu fundamentali, li jippermetti lill-bniedem li jegħleb l-orrur taċ-ċiviltà tal-mewt, u kuljum tippermettilu li jegħleb il-piżijiet differenti tat-temporanjetà. U dan huwa d-djalogu tal-bniedem ma’ Alla: “X’se nrodd lill-Mulej?. . . / Jien  jiena bin il-qaddejja tiegħek il-qaddej tiegħek, (Sal 116, 12. 16).

Hekk jgħid il-bniedem, ministru tal-Ewkaristija ta’ kuljum, il-bniedem ministru tal-mewt propja fil-kamp ta’ Oswiecim. Hekk jgħid il-bniedem. Din hija kelma li tiġbor fil-qosor ħajtu kollha.

U Alla jwieġeb bil-kliem tal-Ktieb tal-Għerf. Hawn hu l-kliem li jiġbor fih it-tweġiba ta’ Alla: “L-erwieħ tal-ġusti, iżda huma f’idejn Alla, l-ebda tbatija ma tmisshom . . . Alla ppruvhom u sabhom denji tiegħu; huwa ġarrabhom bħad-deheb fin-nar u laqagħhom bħal vittmi maħruqa kollha għalih” (Għerf 3, 1. 5-6).

Huwa tassew hekk? Tassew “”it-tbatija ma messitx” lill-Patri Massimilianu? Il-bniedem li nqimu bħala martri? Ir-realtà tal-mewt bil-martirju hija dejjem tbatija; imma, is-sigriet ta’ dik il-mewt huwa l-fatt li Alla huwa ikbar mit-tbatija. Kbira hija l-prova tat-tbatija, dak “it-tindif bħad-deheb fin-nar”; iżda ferm aqwa hija l-prova tal-imħabba, jiġifieri ferm aqwa hija l-grazzja: L-imħabba ta’ Alla giet imsawba fi qlubna permezz tal-Ispirtu Santu, li ingħatalna” (Rm 5, 5).

Hekk hu, mela, jinsab quddiemna martri: Massimiliano Kolbe – ministru ta’ mewtu – qawwi fit-tbatija, ferm iktar qawwi f’imħabbtu, li lejha kien fidil, li fiha kiber tul il-korsa ta’ ħajtu kollha, li fiha mmatura fil-kamp ta’ Oswiecim. Massimiliano Kolbe: xhud singulari tar-rebħa ta Kristu fuq il-mewt. Xhud singulari tal-Qawmien mill-Imwiet.

5. “Jien il-qaddej tiegħek, Mulej; / Jien il-qaddej tiegħek / bin il-qaddejja tiegħek. . .”.

Dik il-maturazzjoni fl-imħabba, li mliet il-ħajja kollha ta’ Patri Massimiliano u li twettqet b’mod definittiv fl-art Pollakka permezz tal-att ta’ Oswiecim, dik il-maturazzjoni kienet magħquda b’mod speċjali mal-Immakolata Qaddejja tal-Mulej. Huwa kien, bħal ftit, iben spiritwali “tal-qaddejja tiegħek”. Huwa sperimenta sa minn l-ewwel żgħożitu l-maternità spiritwali tiegħu: jiġifieri l-maternità li stabbiliet ruħha fuq il-Kalvarju, taħt is-Salib ta’ Kristu, meta Marija aċċettat bħala binha l-ewwel dixxiplu ta’ Kristu.

Massimiliano Kolbe bħal ftit kien mimli mill-misteru tal-għażla divina ta’ Marija. Qalbu, ħsiebu kienu ikkonċentrati b’qies partikolari madwar dak il-“bidu ġdid”, li kien fl-istorja tal-umanità – bl-opra tar-Redentur – l-Immakulta Konċezzjoni ta’ Marija tal-Omm tal-inkarnazzjoni tiegħu fid-dinja. “X’inhija Omm – kien kiteb – nafu, imma Omm Alla, ma nistgħux nifhmuha bl-intellett, b’rasna limitata. Alla stess biss jifhem perfettament xi tfisser “Immakulata”. . . L-Immakulata Konċezzjoni hija mimlija misteri konsolanti (M. Kolbe, Lettera del 12 aprile 1933).

Massimiliano Kolbe ippenetra f’dan il b’mod partikolarment profond, partikolarment sintetiku: mhux astratt; imma permezz tal-kuntest ħaj ta’ Alla-Trinita, Alla li huwa l-Missier, l-Iben u l-Ispirtu Santu, u permezz tal-kuntest ħaj tal-pjanijiet salvifiċi ta’ Alla fir-rigward tad-dinja. Hawn hu, mill-ġdid, kliemu: “Ejjew infittxu dejjem iktar, kuljum iktar, li noqorbu lejn l-Immakulata; b’dan il-mod inqarrbu dejjem iktar lejn il-Qalb Santissma ta’ Ġesù, ta’ Alla Missier, tat-Trinità Qaddisa kollha, għaliex ebda krejatura ma hi hekk qrib ta’ Alla bħall-Immakulata. B’dan il-mod inqarrbu wkoll lill-ġirien kollha lejn qalb l-Immakulata u lejn Alla” (M. Kolbe, Lettera da Nagasaki, 6 ta’ April 1934).

L-inizjattivi apostoliċi kollha ta’ Patri Massimiliano Kolbe  jixhdu li l-misteru tal-Immakulata Konċizzjoni kien fiċ-ċentru tal-kuxjenza tiegħu. Ta dan jagħtu xhieda sew il-“Milizia dell’Immacolata”. Kif ukoll il-“Cavaliere dell’Immacolata”. Dan tiċċertifikah iċ-“Città dell’Immacolata” (Mugenzoi no Sono) Ġappuniż. Dan fl-aħħarnett. Tiċċertifikah in-“Niepokalanov” Pollakka tagħna.

6. Huwa sewwa li ninsabu miġbura propju hawn wara l-kanonizzazzjoni tal-Patri Massimiliano. Diġa, wara l-bejatifikazzjoni tiegħu, laqgħa kbira tagħna f’art twelidu saret ġo Oswiecim: kienet ċerimonja emozjonanti huwa, infatti, il-post li fih huwa “ta ħajtu għal wieħed minn ħutu”. Illum ninsabu hawn f’Niepokalanów, ikellimna dwar l-iskoperta tal-“bidu l-ġdid” tal-umanità ta’ Alla. Niepokalanów huwa l-post fejn, b’ubbidjenza kontinwa għall-Ispirtu ta’ Verità. Ir-raġel kien ifforma lili nnifsu jum wara jum, hekk li l-qaddis issupera l- bniedem mhux biss fil-formazzjoni tal-ħajja u tal-apostolat, imma wkoll fil-funzjoni ta’ mewt ta martri “għal ħuh”.

7. Naf li għal din l-assemblea tallum qegħdin jieħdu sehem rappreżentanti numerużi tal-kampanja, bdiewa Pollakki. Hawn preżenti – kif ġejt infurmat – il-membri tal-“komunità pastorali tal-bdiewa li jaħdmu għat-tiġdid tal-kampanja f’għaqda mal-Knisja”. Uħud fostkom żaruni, waqt il-marda tiegħi, fil-polikliniku “Ġemelli” f’Ruma; illum qegħdin niltaqgħu fit-talb f’din l-art ta’ Franġisku u ta’ Massimiljanu  .

Naf li janimakom il-ħsieb għat tiġdid tal-aħjar transizzjonijiet kulturali tal-kampanja, għal perfezzjoni permezz tat-talb komuni; naf li tiffurmaw ċirkoli biex tgħinu lil xulxin b’mod reċiproku; tieħdu sehem fl-eżerċizzi spiritwali; tkomplu l-istruzzjoni tagħkom; tistudjaw d-duttrina soċjali tal-Knisja. Tixtiequ b’dan il-mod tiskopru mill-ġdid il-missjoni partikolari tagħkom; għax-xogħol fir-rabà tridu tirkupraw d-dinjità li hija propja u fit-tbatijiet ta’ dan ix-xogħol issibu mill-ġdid il-ferħ.

Ippermettuli nindirizzalkom il-kliem ta’ statista kbir, rappreżentant tal-kampanja Pollakka, Vincenzo Witos: “Il-bidwi żamm l-art, ir-reliġjon, in-nazzjonalità fl-agħar waqtiet. Dawn it-tliet valuri taw il-bażi lill-ħolqien tal-Istat. Mingħajrhom ma stajniex ikollna lilu. Fejn il-bidwi medd siequ, hemm inżamm il-pedament tat-twelid mill-ġdid (Kungress f’Wierzchoslawice, 1928).

Ibqgħu fl-imħabba ta’ Alla! Kristu, li sejjaħ lilu nnifsu l-vera dielja, dwaru, dwar Missieru qal li li huwa sid l-għalqa tad-dwieli. Ibqgħu fi Kristu u tagħmlu ħafna frott, fih nistgħu nagħmlu kollox (cf. Ġw 15, 1-15). Kunu l-kultura ta’ Alla! U ibqgħu fl-imħabba ta’ artkom: ta’ din l-art omm u sostenitriċi tal-ħajja.

Il-Ħallieq afda, b’mod partikolari, lilkom kull ħaxixa li tipproduċi żerriegħa u li hi fuq l-art kollha, u kull siġra li fiha hemm il-frott, li tipproduċi żerriegħa, sabiex ikunu l-ikel għal kulħadd (cf. Ġen 1, 29). Din l-art tipproduċi “xewk u għollieq”, imma grazzi għax-xogħol tagħkom għandha tipproduċi l-ikel, iġġib il-ħobż għall-bniedem. Dan huwa sors partikolari tad-dinjità tax-xogħol tar-rabà, tad-dinjità tagħkom.

8. Din l-assemblea tagħna tallum ġewwa Niepokalanów tfakkarni fil-kategoriji storiċi. Darba, fis-dseklu XIII, fl-1253, il-Pollakki waslu għall-kanonizzazzjoni ta’ tal-ewwel iben ta’ arthom, li kien ukoll ragħaj ta’ Krakovja. Il-Kanonizzazzjoni ta’San Stanislaw svolġiet f’Assisi: iżda, il-konnazzjonali, b’mod partikolari l-Prinċpijiet tad-dinastija Piast, li dak iż-żmien kienu jiggvernaw il-Polonja, ħassew il-bżonn li jitaqgħu fi Krakovja biex jisperimentaw f’arthom il-ferħ paskwali tal-elevazzjoni ta’ konnazzjonali tagħhom għall-glorja tal-altari tal-Knisja universali: il-ferħ tat-twelid ta’ Qaddis għal art twelidhom. Raw fih sinjal tal-Providenza divina għal din l-art. Raw fih il-patrun u l-medjatur tagħhom quddiem Alla. Għaqqdu miegħu t-tamiet għal futur aħjar ta’ Arta twelidhom, li dak iż-żmien kienet f’sitwazzjoni diffiċli minħabb l-qsim f’dukati.Mil-leġġenda li kienet issostni li l-ġisem ta’ Stanislaw, żmembrat waqt il-qtil, kellu jingħaqad mill-ġdid, twieldet it-tama li l-Polonja tal-Piast kellha jum wieħed tissupera d-diviżjoni dinastika f’dukati u terġà lura għall-għaqda bħala stat.  Dak li seħħ fl-istorja, li jibda minn Ladislaw il-Breve, jikkonferma din it-tama.

9. Illum ġo Niepokalanów, fiċ-ċentru taċ-ċelebrazzjoni tagħna f’art twelidna – wara l-kanonizzazzjoni – hemm Massimiliano Maria Kolbe: l-ewwel qaddis tar-razza tal-Polakki fil-bidu tal-millennju. L-ewwel u t-tieni millenju tal-Polonja u tal-Kristjaneżmu fil-Polonja jiltaqgħu f’simbolu profond. Il-Patrun tal-Polonja ta’ dak iż-żmien huwa l-patrun . . . waħdu tal-Polonja? Mhuwiex pjuttost tas-seklu diffiċli tagħna kollu? Iva, imma meta wieħed iqis li hu bin din l-art, involut fil-provi tagħha, fit-tbatijiet tagħha u fit-tamiet tagħha; allura, sa ċertu punt, partikolari huwa l-patrun tal-Polonja.

Propju ta’ din il-Polonja, li minn tmiem is-seklu XVIII bdew il-kundanni għall-mewt: għad-diviżjonijiet, għad-deportazzjonijiet, għall-kampijiet tal-konċentrament, għall-bunker tal-ġuħ. U meta, wara 120 sena, kienet reġgħet lura għall-indipendenza, kien mistenni l-1939 biex għal darb’oħra terġà tirripeti din il-kundanna għall-mewt. Infatti, propju miċ-ċentru ta’ dawn it-taqtigħat bejn il-ħajja u l-mewt ta’ art twelidna tispunta l-opra ta’ San Massimiliano f’Oswiecim. “Mors et vita duello conflixere mirando” (“mewt u ħajja iffaċċjaw lil xulxin fi dwell tal-għaġeb” kif naqraw fis-Sekwenza paskwali. Bin l-art Pollakka, li waqà fuq il-kalvarju tiegħu, fil-bunker tal-mewt bil-ġuħ, “waqt li ta ħajtu għal wieħed minn ħutu”, jiġi lura għandna fil-glorja tal-qdusija. L-imħabba hija iktar qawwija mill-mewt.

10. Qamet darba, fil-medjuevu, il-leġġenda ta’ San Stanislaw. Iż-żminijiet tagħna, is-seklu tagħna, mhumiex se joħolqu l-leġġenda ta’ San Massimiljanu. Hija qawwija biżżejjed l-elokwenza tal-fatti weħedhom, jiġifieri x-xhieda tal-ħajja u tal-martirju. Hemm bżonn nassumu l-elokwenza ta’ dawn il-fatti kważi kontemporanji fil-ħajja Pollakka. Hemm bżonn nibnu minnhom il-ġejjieni tal-bniedem, tal-fasmilja, tan-nazzjon.

Xi rrid infisser bli li l-imħabba hija iktar qawwija mill-mewt? Irrid ngħid ukoll: “Tħallix li tintrebaħ mill-ħażin, imma irbaħ il-ħażin bit-tajjeb” skont il-kliem ta’ San Pawl (Rm 12,21). Dan il-kliem jittraduċi l-verità dwar l-att, imwettaq f’Oswiecim mill-Patri Massimiljanu, f’dimensjonijiet differenti: fid-dimensjoni tal-ħajja ta’ kuljum, imma wkoll fid-dimensjoni tal-epoka, fid-dimensjoni tal-mument storiku diffiċli, fid-dimensjoni tas-seklu XX, u jistà jkun ukoll f’dik taż-żminijiet li se jiġu.

11. Miġburin f’Niepokalanów għar-ringrazzjament kbir nazzjonali wara l-elevazzjoni għall-glorja tal-altari ta’ San Massimiljanu Marija – il-konnazzjonali tagħna, ix-xhud tas-seklu diffiċli tagħna, il-martri, l-ewwel qaddis tar-razza tal-Pollakki tat-tieni millennju – aħna nixtiequ narrikkixxu l-wirt nisrani Pollakk tal-elokwenza emozzjonanti tal-att minnu mwettaq f’Oswiecim: “Tħallix li tintrebaħ mill-ħażin, / imma irbaħ il-ħażin bit-tajjeb”.

Għeżież ħuti,

Dan hu program evanġeliku.

Program diffiċli imma possibbli.

Program indispensabbli.

Waqt li minn hawn immur pellegrinaġġ Jasna Gora, se nitlob lis-Sultana tal-Polonja u Omm il-Pollakki kollha, biex tiksbilna, fuq l-eżempju ta’ San Massimiljanu, il-qawwa tal-ispirtu meħtieġa biex nidħlu għal dan il-program. Sabiex inkunu nistgħu nintegraw fil-wirt spiritwali Pollakk l-elokwenza tal-ħajja u tal-mewt tal-Kavallier tal-Immakulata. Hekk ikun.


Qabel il-Quddiesa l-Papa wieġeb għat-tislima ta’ Patri Sliwinski, b’diskors improviżat, billi qal.

Għeżġeż ħuti. Fit-triq tal-pellegrinaġġ tiegħi għall-Ġublew ta’ Jasna Gora, nasal illum f’Niepokalanów. Matul il-vjaġġ preċedenti, erbà snin ilu, mort fil-post fejn miet martri San Massimiljanu Marija Kolbe, f’Oswiecim. Illum, sena wara l-kanonizzazzjoni tiegħu, ninsabu fil-post ta’ ħajtu erojka, ta’ xogħlu ta’ kuljum. Huwa sejjaħ lil dan il-post Niepokalanów. Il-Belt tal-Immakulata!

Il-Kunvent tal-Immakulata. Il-post tal-Immakulata. U hawn, f’Niepokalanów, se nizzu ħajr lit-Trinità Qaddisa talli għolliet għall-glorja tal-altari lill-ewwel qaddis, bin l-art Pollakka, tat-tieni millennju. Imma qabel ma nibdew l-liturġija sollenni ta’ ringrazzjament nixtieq nieqaf għal mument f’din il-Bażilika, flimkien magħkom, flimkien magħkom li tirrapreżentaw il-familji tal-Ordnijiet reliġjużi maskili u femminili. Il-qaddisin jingħatawlna minn Alla sabiex jixhdu, bil-glorja ċelesti tagħhom, l-eroiżmu tal-eżistenza terrena, l-eroiżmu tal-ħajja ta’ kuljum hawn f’Niepokalanów.

San Massimiljanu Marija Kolbe, fil-Knisja ta’ żminna u b’mod iktar ġenerali, fl-umanità kontemporanja, għandu missjoni profetika, missjoni multipla. Hawn, f’din il-laqgħa magħkom, nixtieq nieqaf biss fuq wieħed mill-aspetti ta’ tali missjoni: qrib għal dak li l-Isqfijiet  miġburin f’Sinodu fl-1971, f’Ruma, esprimew fil-jum tal-beatifikazzjoni, u l-għada tagħha. San Massimiljanu – allura beatu – kien saċerdot. Is-Sinodu tal-1971 kien ittratta t-tema tas-saċerdozju. Il-beatu l-ġdid kien l-inkarnazzjoni ħajja ta’ dak li hu s-saċerdot, tal-missjoni li għaliha huwa msejjaħ is-saċerdot kattoliku. Hekk, infatti, huwa wieġeb f’Oswiecim, għall-mistoqsija “Min int?”: “Saċerdot kattoliku”.

Naħseb li llum, hawn f’Niepokalanów, hemm bżonn nenfasizzaw aspett ieħor. Iben San Franġisk, reliġjuż, wieħed mit-tant membri tal-Familja kbira franġiskana, ingħatalna fi żminna, mhux biss għall-Polonja, imma għall-Knisja kollha, ingħatalna sabiex ebda Ordni regolari – maskili jew femminili –, ebda reliġjuż u ebda reliġjuża fid-dinja, jkollhom dubju dwar is-sinifikat tal-identità tagħhom u fiex tikkonsisti l-essenza vera tal-vokazzjoni. Fil-perijodu post konċiljari, fid-dinja, qamu diversi dubji, imma Alla, qabel il-Konċilju, ħejja iben l-art Pollakka, iben ta’ San Franġisk, sabiex ikun t-tweġiba ħajja li ninsabu hawn, illum f’Niepokalanów. Bħala qaddej tal-Knisja universali naħseb dwar din ċ-ċelebrazzjoni tagħna tallum bil-qalb ta’ Pollakk, u fl-istess ħin, ta’ Papa u irrid li hi – marbuta mal-kanonizzazzjoni li diġa seħħet – tasal  mhux biss fil-Polonja ta’ jiemna, imma fid-dinja kollha kattolika, lill-Knisja kollha, biex tixhed dak li xehed San Massimiljanu, iben San Fraġisk, f’art Pollakka.

F’dan is-seklu tagħna, fil-prospettiva tal-avviċinament tat-tielet millennju, ejjew nitolbu ħafna, biex ix-xhieda ta’ din iċ-ċelebrazzjoni sollenni tagħna tkun milqugħa mill-Knisja kollha. U fuq kollox – naturalment – minna stess, bħala parti speċjali, parti magħżula tal-Knisja Pollakka, kostitwita mill-familji tal-Ordnijiet reliġjużi maskili u femminili.  

Fi tniem iċ-ċelebrazzjoni l-Papa sellem lill-parteċipanti fil-Quddiesa

Insellem lis-saċerdoti ex-priġunieri tal-kampijiet tal-konċentrament – speċjalment dawk f’Dachau – fosthom l-Isqfijiet Ignacy Jez u Kazimierz Majdanski. Insellem lis-superjuri kollha tal-Ordnijiet reliġjużi li ġew mill-Polonja kollha, u permezz tagħhom lir-reliġjużi kollha ta’ Art Twelidna, meritorji tal-ħajja tal-Knisja. Fl-istess ħin insellem ukoll lill-Ordnijiet reliġjużi femminili kollha, hawnhekk irrapreżentati mill-president tal-Kummissjoni episkopali għall-affarijiet tal-Ordnijiet reliġjużi, l-Arċisqof Bronislaw Dabrowski, Segretariju meritorju tal-Episkopat Pollakk. Insellem b’mod partikolari lill-Familja Franġiskana, il-Franġiskani konventwali bil-Patri superjur ta’ Ruma, Patri o Blazej Kruszylowicz. Insellem lill-missjunarji Pollakki -1100, imferrxa fil-kontinenti kollha – u fl-istess ħin nindirizza talba ardenti lill-Knisja tal-Polonja, lill-kleru regolari, dijoċeżan, lil-lajċi, għaliex l-ulied subien u bniet ta’ din l-art li bdew il-mixja fil-mergħat kbar ta’ Alla, sabiex imorru hemm fejn Kristu jsejħilhom. Il-bżonnijiet huma enormi, il-mergħa hija abbundanti  .

Insellem imbagħad liż-żewġ dijoċesijiet, marbutin mal-ħajja ta; San Massimiljanu: dik ta’ Wloclawek, immexxija mill-Isqof Jan Zareba, li fiha twieled il-Qaddis; u d-dijoċesi ta’ Lodz, immexxija mill-Isqof  Jozef Rozwadowski, ili fiha huwa kien iffurmat. Insellem fl-aħħarnett lil dawk li lilhom hija afdata l-kura pastorali tal-familji, bil-president tal-Kummissjoni episkopali, l-Isqof Marian Przykucki, ordinarju ta’ Chelm.

Mill-ġdid tislima speċjali lid-devoti tal-Immakulata tal-Polonja kollha, li ħadu sehem fil-funzjoni tallum. Insellem fl-aħħarnett – qabel il-barka – lill-parteċipanti kollha tal-assemblea ewkaristika, għall-offerta qaddisa, waqt li nitlobhom iwasslu l-barka tal-Papa fil-familji tagħhom, fl-ambjenti tagħhom, fil-parroċċi u d-dijoċesijiet tagħhom, fil-Polonja kollha.

Jalla l-Immakulata – issaltan fil-qalb ta’ Art twelidna.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading