PLAY GĦAL JUM L-OMM
Jieħdu sehem erbat itfal ta’ madwar tlettax-il sena; missier; avukat li jirrappreżenta lill-anġlu kustodju ta’ tifel u ieħor li jakkużah; San Mikiel u San Pietru.

Xena 1:
Xena ta’ ġnien. Hemm bank u prop ta’ siġra. Waqt mużika, jidħlu mexjin bil-mod, u jitħaddtu, Tony u Ġino.
Mużika
Tony: Kieku taf kemm ngħir għalik.
Ġino: Tgħir għalija,.. għaliex?
Tony: Inti tagħmel li trid.
Ġino: Nagħmel li rrid?
Tony: Ommok u missierek iħalluk tagħmel li trid.
Ġino: Mhux dejjem, Tony!
Tony: Iħalluk toħroġ,… u tista’ iddum fil-għaxija,… u anke tmur Paceville jew il-Belt fit-tard,…
Ġino: Imma mhux jiena biss. Anki sħabi jagħmlu hekk.
Tony: Għalhekk inħossni maħruq!… għax mhux inti biss tagħmel li trid.
Ġino: Trid tkun ġifa biex tibqa’ magħluq id-dar u ma toħrogx tiddeverti.
Tony: Imma jien le,… Lanqas biss nista’ niċċaqlaq.
Ġino: Tgħidx hekk. Ġieli ġejt magħna. U ġieli domna.
Tony: Imma Pacefille qatt ma ġejt magħkom.
Ġino: Meta trid, tista’ tiġi għalija.
Tony: Eh,… ma tafx kemm tgergir x’ħin nasal id-dar meta ndum xi ftit! Prietka twila mingħand ommi.
Ġino: U inti tagħtix każha, Tony.
Tony: Xorta tibqa’ tistennieni. Ma torqodx. U kif nasal,… tghidx kemm teqridli.
Ġino: Imma inti mhux tifel żgħir. Taf x’għandek tagħmel. Ibda’ mur id-dar ftit iktar tard mis-soltu. U dejjem żid,… ftit ftit. Imbagħad tara kif ommok tidra. Torqod, qisu qatt ma kien xejn.
Tony: Ikollha tidra, ta,… ħa ngħidlek. Għax jien mhux se nibqa’ sejjer hekk.
Ġino: Ħeq,… qed titlef l-aħjar ta’ ħajtek,…
Tony: Mingħajr ħbieb m’inti xejn, mhux vera?
Ġino: Mela xi jridu ommok u missierek?… Tagħmilha max-xjuh,… jew ma’ dawk moħħhom magħluq?
Tony: Iridu xi jridu nsomma. Jien mhux se nibqa’ sejjer hekk.
Ġino: Mela nhar is-Sibt niltaqgħu.
Tony: Fi x’ħin?
Ġino: Fid-disgħa, Tony.
Tony: Fid-disgħa?
Ġino: Mela! Fid-disgħa.
Tony: Fid-disgħa ommi diġa’ tkun tridni ġewwa.
Ġino: U ħalliha tgħid. Dawn mingħalihom qed ngħixu fi żmienhom. Insomma, aħna fid-disgħa noħorġu.
Tony: Eh,,… u sa’ x’ħin indumu?
Ġino: Ħeq, tajjeb,… mela mmorru d-disco, inħallsu biex nidħlu, u ftit wara, immorru lura d-dar!
Tony: U ejja, Ġino,… sa’ x’ħin?
Ġino: F’nofs il-lejl inkunu fl-aqwa tagħna.
Tony: Insibu biex nerġgħu lura dak il-ħin, għax tal-linja jkunu ilhom li waqfu?
Ġino: Mela! Ikun hemm tal-Bolt. U minibus jekk inkunu iktar. Ukoll jekk indumu sas-siegħa jew sas-sagħtejn,…
Tony: Ta’ filgħodu, trid tgħid?
Ġino: Jew, jekk trid,… ta’ bil-lejl,… għax ikun id-dlam dak il-ħin.
Tony: Lanqas noħlom li mmur ngħid lil ommi li dieħel id-dar wara d-disgħa, aħseb u ara fis-siegħa jew is-sagħtejn ta’ filgħodu.
Ġino: Ġa għidtlek. Għall-bidu dum sal-għaxra, imbagħad ibda żid bil-mod il-mod. U oqgħod żgur li ommok tinsiek.
Tony: Mela x’tagħmel.!.. U, ħaġa oħra, kemm għandi bżonn flus?
Ġino: Dejjem trid għaxra jew għoxrin Ewro. Inkella tkun qisek wieħed xħiħ. Lanqas ħaqq jidħqu bik.
Tony: Minn fejn tridni nġib daqshekk flus?
Ġino: Mill-pocket money. Ommok u missierek suppost li kull ġimgħa jagħtuk il-pocket money. Għoxrin Ewro, jew iktar.
Tony: Din isbaħ, ukoll! Se ngħidilha ttini għoxrin Ewro, biex inkun nista’ ndum iktar barra!
Ġino: Ħa ngħidlek, m’għandekx xi zija qalbha tajba? Jew xi radio m’għandekx bżonnu biex tbiegħu lil xi ħadd. Jew taħsel il-karrozza ta’ missierek u titolbu xi ftit Ewro talli teħodlu ħsiebha. Itolbu inqas minn tal-car wash.
Tony: Issa nara. Jekk tgħidli li nieħdu pjaċir, nagħmel minn kollox biex inkun magħkom.
Mużika
Xena 2:
Fuq stage tal-karrozza. Ikun hemm tliet itfal imfarfrin. Jasal Tony.
Ġino: Qed taraw kif ġie.
Frankie: Ton, kif għamilt?
Tony: Għidtilha li se ndumu l-Mużew.
Ġino: Ommok x’qalet?
Frank: Taħseb li ma ndunatx?
Tony: Tagħmel hi…. Jiena ġej magħkom.
Ġino: Ġibt flus?
Tony: Kont ġemmajt xi ħaġa żgħira.
Paul: L-aqwa li għall-lum għandek biżżejjed,… mhux hekk?
Ġino: Tlaqna!…
Ikunu se jimxu. Frankie jersaq lejn Tony u jġebbidlu fil-ġakketta li jkun liebes.
Frankie: Inti xi ħsibt,… li se nkunu barra t-triq?
Paul: Veru,… hemm xi lbist?
Frankie: Kif ġejt imgeżwer!
Ġino: U ħalluh,… Darba oħra ngħidlu jien x’jilbes.
Frankie: Imma se jidħqu bik, taf?…
Paul: Jgħadduk passata,… issa tara.
Toni: Min?
Frank: U,… min?… Inti min taħseb li se jkun hemm fid-disco?… Xi erba’ għajjenin?… Qabda mdejqa bħal dawk li jkunu l-knisja?
Paul: Issa tara kemm se tieħu gost, u tkun trid tiġi magħna kull meta mmorru.
Toni: U,… meta tmorru?
Ġino: Kull nhar ta’ Sibt żgur. U meta l-għada ma jkollniex skola, immorru wkoll.
Paul: Il-Ħadd nibqgħu reqdin, sa’ x’ħin irridu. Ma jkollniex għaġġla biex inqumu.
Mużika
Xena 3
Xena ta’ kamra minn ġewwa. Hemm Tony u missieru.
Missier: Ton,… għaliex qed tagħmel hekk,… għid?
Tony: X’qed nagħmel,… pa’?
Missier: Qed tħabbatna,… lili u lil ommok. U taf li l-inkwiet mhux tajjeb għaliha.
Tony: Ħallini,… trid?
Missier: Anki l-iskola ttraskurajt.
Tony: U,… iddejjaqt l-iskola. Xbajt, dejjem l-istess.
Missier: Qatt ma mort daqshekk ħazin fl-eżamijiet.
Tony: Xi trid tagħmel, issa?
Missier: Jiena l-marki ma jdejqunix, avolja mhux tajbin daqs ta’ qabel.
Tony: Allura?…
Missier: Dak li jinkwetani huma r-rapporti li qed jagħmlu fuqek it-teachers tiegħek. Dan l-aħħar qabduk tpejjep ukoll. U titkellem ħażin. Inti ma kontx hekk.
Tony: Pa’, jiena m’għadnix tifel. U rrid inkun bħal sħabi. Xejn inqas minnhom.
Missier: Imma tagħmel bħal sħabek, anke jekk hu ħażin?
Tony: F’kollox! U int ukoll, trid tistmani bħal ma jistmawni sħabi.
Missier: Ton, naħseb li jien iu ommok nistmawk ħafna iktar minnhom. Minnek ma rridu xejn ħlief li tkun bil-għaqal. Tkun kuntent.
Tony: Suppost tagħtuni xi għaxra jew għoxrin Ewro fil-ġimgħa,… pocket money, taf? B’hekk inkun kuntent żgur!
Missier: Nagħtihomlok, tibżax, avolja se nbati biex nasal. Imma dawn il-flus,… għalfejn?
Tony: Għax kull nhar ta’ Sbit irrid noħrog niddeverti ma’ sħabi.
Missier: Kemm,… għidtli?… Għaxar Ewro?
Tony: Kieku għoxrin,.. U iva, agħtini daqshekk għalissa!
Xena 4
Kamra fid-dar ta’ Tony. Tony waħdu, qiegħed fuq pultruna.
Mużika
Tony: Inħoss rasi se tinqasam. Nara kollox idur bija u lanqas niflaħ niċċaqlaq. Xrobna wisq. U issa ma baqagħlix ħlief nagħlaq għajnejja u nintefa’ hawn s’għada fil-għodu. X’nagħas għandi. Se norqod bil-ħwejjeġ b’kollox!
Tony jintelaq rieqed. Wara ftit jidħlu żewgt itfal lebsin abjad, li jirrappreżentaw żewġ anġli tajbin.
Anġlu Abjad 2: Illum x’għandna?
Anġlu Abjad 1: Għandna biċċa xogħol iebsa.
Anġlu Abjad 2: U iva,… mhux l-ewwel darba li kellna niddefendu każi iebsin.
Anġlu Abjad 1: Imma dan diffiċli.
Anġlu Abjad 2: Mela x’għamel?
Anġlu Abjad 1: Ma tantx kellu żmien jiżbalja. Għandu biss ebatax-il sena.
Anġlu Abjad 2: Imn’Alla. Mela m’għandniex inkwiet, ghax naħseb li mhux se jsibuh ħati. Għax il-kastig mhux ċajta.
Anġlu Abjad 1: L-ikbar żball tiegħu kien li ma tax każ kemm ġiegħel tibki lil ommu. Kienet marida sew, u l-imġieba tiegħu kompliet tmarradha.
Anġlu Abjad 2: Kieku minnek, indaħħalha fl-istorja lil ommu, forsi, ma tafx kif, tmissilhom qalbhom u jgħadduhielu.
Anġlu Abjad 1: Naħseb li sar il-ħin biex nibdew… Qed isejħulna. Inti aħjar tmur tkompli fuq il-kawża l-oħra. Imbagħad kellimni għada fil-għodu l-uffiċċju biex inħejju l-każ flimkien. Narak.
Jidħlu San Pietru, San Mikiel, anġlu liebes l-iswed. Dak li liebes l-abjad jersaq lejn Tony, iqajmu u jqiegħdu fuq siġġu.
Pietru: Illum għandna quddiemkom lil Tony. Ġej minn familja tajba,… missier ħabrieki, raġel tal-Knisja, u,… omm twajba, kwieta u qaddisa. U, ta’ min jgħid, marida wkoll. Tony għen biex ommu waslet fl-istat li qieghda fih. Ma tistax tixhed illum għax se tgħamel operazzjoni serja ħafna. Ġħandna magħna l-anġlu tiegħu li jista’ jitkellem f’isem il-familja.
Anġlu Abjad 1: Iva, mill-informazzjoni li għandi, Tony beda tajjeb, kien bil-għaqal fit-tfulija tiegħu, imma ltaqa mat-tfixkil. F’dan il-kaz kienu l-ħbieb li wassluh biex nikket lil dawk li ħabbewh. Nikket lil ommu, mara marida. Din, min-naħa tagħha, talbet ħafna għalih. U m’għandniex ninsew dan. Jidher li bkiet ħafna, talbet ħafna, imma xorta waħda ma rnexxiliex tirbħu.
Anġlu Iswed: M’għandi l-ebda dubju. M’għandkomx issibu lil Tony mhux ħati tal-kastig.
Pietru: Sa’ issa għadna ma nafux kollox. Qis sewwa qabel ma takkuża, għax taf x’inhuma l-konsegwenzi. M’aħniex il-qorti tal-Belt, fejn wieħed jintbagħat il-ħabs u joħroġ wara ċertu żmien li jagħtuh. Tinsiex li l-kastig t’hawn hu ħafna ikraħ għax hu għal dejjem.
Anġlu iswed: Staqsi lili. Jiena hekk ġrali. M’hemmx x’tagħmel.
Pietru: Jiddispjaċini, imma ma nista’ nagħmillek xejn. Il-każ tiegħek ilu li għadda. Inti kont wieħed li tkabbart iż-żejjed. U mal-Mulej mhemmx ċajt. U, wara kollox, jiena ma kontx hawn dak iż-żmien.
Anġlu iswed: Imma l-liġi qiegħda għal kulħadd, jgħaddi kemm jgħaddi żmien. U xogħli hu li nkaxkar miegħi lil min jiżbalja. U int m’għandek l-ebda dritt li ddaħħal għandkom lil min ma jixraqlux.
Pietru: M’inix nindaħallek f’xogħlok. Bħalissa jiena ma nista’ nżomm ma’ ħadd.
Anġlu Iswed: Li naf hu jien ili f’dal-kastig għal ħafna snin.
Pietru: Issa ħallik minn dan. Li nista’ ngħidlek hu, li la taf x’jiġifieri l-kastig li għaddej minnu għandek tkun ġust fl-akkuża tiegħek.
Anġlu Iswed: Issemmilix dal-kliem. Tistenniex is-sewwa minni, għax xogħli hu li neħodha kontra s-sewwa. Dak li baqagħli, ladarba jien ntfajt fuq in-naħa tad-dlam.
Pietru: Ibda. X’għandek xi tgħid?
Anġlu Iswed: Għandi ħafna xi ngħid, jekk tippermettili. Fil-ħajja qasira tiegħu, Tony għamel il-ħażin daqs ħafna li diġa rbaħnielkom.
Pietru: Għidilna x’għamel, mela.
Anġlu Iswed: Għandi djarju mimli, li fih ktibt noti dwar ħajtu. L-informazzjoni li ġbart hi korretta. Sa’ ftit snin ilu ma rnexxielix insib ħwejjeġ kbar kontrih. Xi gidba, jew xi ġlieda żgħira. Imma mbagħad, jibda t-taħwid,… taħwid kbir. |balji li jpattu għat-tfulija tiegħu. Gerfex ma’ ħbieb mill-agħar, bekka lil ommu, u lil missieru lanqas biss kien iqisu. Żbalja fuq li żbalja.
Pietru: Xi provi għandek?
Anġlu Iswed: Nista’ ntella ruxxmata xhieda. Paceville kollu, u, jekk tridu, lil sħabu tal-iskola, li jafu x’għamel dan l-aħħar,… jew,… lil dak li seraqlu l-isterjo, u,… u nista’ nsemmi oħrajn li batew minħabba fih. Xi tridu aktar?… Kieku stajt kont intella lil ommu wkoll, imma ma rnexxielix… Hi marida sew!
Pietru: U int x’għandek xi tgħid?
Anġlu Abjad 1: Lil Tony ilni nafu mindu twieled. Bħala anġlu kustodju tiegħu, niftakru jieħu l-Magħmudija, jitqarben għall-ewwel darba, u jieħu sehem mis-sagramenti. Safejn naf jien, kollox kien għaddej tajjeb. Imbagħad iltaqa’ ma’ Ġino u ħbiebu,… li fixkluh. Naf x’nagħmlu. Tajjeb għandu ħafna u nixtieq li nqiegħdu dan it-tajjeb fuq naħa waħda tal-miżien li għandu Mikiel, u b’hekk jiena għandi tama kbira li jkun itqal mill-ħażin li se jpoġġi l-anġlu l-ieħor fuq in-naħa tax-xellug.
Anġlu Iswed: Tajjeb wisq. Hekk nagħmlu. U jekk jegħleb in-naħa tiegħi, Tony jkun f’idejja għal dejjem. Meta tridu, nistgħu nibdew.
Mikiel: Ibda’.
L-anġlu liebes l-abjad jibda joħroġ karti u envelopes u jqiegħdhom fuq xulxin fuq il-miżien.
Anġlu Iswed: Dak kollu? Mela ħa nitfa’ tiegħi.
Jitfa’ karti iktar mill-ieħor.
Pietru: Jidher ċar li l-ħażin hu itqal. Ara kif niżlet in-naħa tax-xellug.
Anġlu Abjad 1: Stenna ftit… Jidher li nsejna xi ħaġa. Il-biki ta’ omm Tony; it-talb tagħha mħallat mad-dmugħ, … li żgur ma kienx għalxejn. Ejja mela nżidu mat-tajjeb id-dmugħ ta’ ommu, mara li rat ħafna nkwiet u li tinsab l-isptar għaddejja minn operazzjoni serja. Għadha tibkih sal-llum. Inpoġġu d-dmugħ tagħha mat-tajjeb ta’ Tony u naraw x’jiġri.
Anġlu Iswed: Imma aħna m’aħniex nakkużaw lil ommu. Il-każ hu biss ta’ Tony.
Anġlu Abjad 1: Dak mhux inti tgħidu. Huwa Pietru li jiddeċiedi. Imma jien inħoss li l-omm se tinfena jekk binha se jkun ħati. Għax l-omm dejjem omm. Għamel x’għamel binha, tajjeb jew ħażin.
Pietru: Sewwa qed tgħid. Mela iġbor id-dmugħ ta’ ommu, u qiegħdu fuq il-lemin.
L-anġlu joħroġ pakketti żgħar u jżidhom man-naħa tal-lemin.
Pietru: Ara ftit, Mikiel. Xi tgħid?
Mikiel: Għalxejn. Il-miżien tela’, imma mhux biżżejjed. Il-ħażin għadu jegħleb. Ix-xellug għadu itqal.
Pietru: Mela Tony f’idejk. Tista’ tieħdu miegħek. Morru.
L-anġlu l-iswed jersaq bit-tbissima lejn Tony. Imma l-anġlu l-ieħor iżommu.
Anġlu Abjad 1: Stenna ftit. Għax hemm id-dmugħ ta’ omm oħra, li min jaf kemm laqgħet talb minn omm Tony. Id-dmugħ ta’ Marija, li hi wkoll imnikkta għal dan binha. Omm Ġesu hi ommna lkoll. Tħalluni nżid id-dmugħ tagħha ma’ dak ta’ omm Tony?
Anġlu Iswed: Tgħid mhux hekk? Mela se nibqgħu sejrin hekk?
Pietru: Iskot! Huwa jien li ngħid x’jista’ u x’ma jistax isir hawnhekk. Tista’ titfa’ dmugħ ta’ Marija fuq il-miżien in-naħa tal-lemin.
L-anġlu jitfa’ ftit karti oħra fuq il-miżien, li bil-mod jibda tiela’.
Pietru: Kif qed taraw, id-dmugħ ta’ żewġ ommijiet rebaħ fuq il-ħażin.
Mużika
Tony jqum b’ħasda u waqt li jaħbi idu bejn idejh, jgħajjat:
Tony: Ma, aħfirli!
Ma’ dal-kliem, tidhol ftit muzika. L-Anġlu l-Iswed imur fil-ġenb, fil-waqt li l-oħrajn kollha jersqu lejn Tony. Imbagħad ma jiċċaqilqux waqt li ssir il-Mużika tal-egħluq.
Joe Galea