Ġwanni Pawlu II fil-Grotta ta’ Lourdes

PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU F’LOURDES
QUDDIESA FIL-GROTTA TAD-DEHRIET F’LOURDES
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Solennità tal-Assunzjoni tal-Beata Verġni Marija
Lourdes (Franza), 15 ta’ Awissu 1983

1. “U deher sinjal kbir fis-sema: Mara liebsa x-xemx” (Ap 12, 1).

Illum aħna ġejna pellegrinaġġ ħdejn dan is-Sinjal. Hija s-sollennità tat-Tlugħ fis-sema ta’ Marija: Hekk hu li s-sinjal jilħaq il-milja tiegħu. Mara li bħala lbies għandha x-xemx tad-Divinità infinita. Ix-xemx tat-Trinità impenetrabbli. “Mimlija bil-grazzja”: Hija mfawra bil-Missier, bl-Iben u bl-Ispirtu Santu meta jingħataw lilha bħala Alla uniku, l-Alla tal-ħolqien u tar-rivelazzjoni, l-Alla tal-Patt u tar-Redenzjoni, l-Alla tal-bidu u tat-tmiem, l-Alfa u l-Omega. L-Alla verità. L-Alla-grazzja. L-Alla-Qdusija.

Mara li għandha x-xemx bħala lbies. Ejjew illum nagħmlu dan il-pellegrinaġġ għal dan is-Sinjal. Dan huwa s-Sinjal tat-Tlugħ is-Sema, li jitwettaq ‘il fuq mill-art u fl-istess ħin jittella billi jitlaq mill-art. Minn din l-art li fiha hemm inserit il-misteru tal-Immakulata Konċezzjoni. Illum jiltaqgħu dawn iż-żewġ misteri: it-Tlugħ fis-sema u l-Immakulata Konċezzjoni. Illum hija evidenti l-komplementarjetà tagħhom.

Illum, għall-festa tal-Assunzjoni fis-sema, qegħdin niġu f’pellegrinaġġ f’Lourdes, fejn Marija qalet lil Bernardetta: “Jiena l-Immakulata Konċezzjoni” (Que soy era Immaculada Councepciou).

2. Ġejna hawn minħabba l-Ġublew straordinarju li jikkaratterizza s-Sena tar-Redenzjoni. Irridu ngħixu dan il-Ġublew qrib Marija. Lourdes huwa l-post addattat għal tali viċinanza.

Hawn, żmien ilu, s-“Sinjura Sabiħa” kienet tkellmet ma’ adoloxxenti sempliċi minn Lourdes, Bernardetta Soubirous, kienet qalet magħha r-Rużarju, kienet għabbietha bir-responsabiltà ta’ diversi messaġġi. Billi ġejna f’pellegrinaġġ f’Lourdes, nixtiequ nidħlu mill-ġdid fil-kwadru ta’ din il-viċinanza straordinarja li hawn ma qatgħet qatt, anzi kkonsolidat lilha nfisha. Il-viċinanza ta’ Marija hija bħar-ruħ ta’ dan is-santwarju.

Aħna ġejna f’pellegrinaġġ f’Lourdes biex inkunu qrib Marija. Ġejna f’pellegrinaġġ Lourdes biex noqorbu lejn il-misteru tar-Redenzjoni. Ħadd iktar minn Marija ma għodos fl-intimu tal-misteru tar-Redenzjoni. U ħadd iktar minnha ma jistà jqarrab lejna mill-ġdid dan il-misteru. Aħna nixtiequ li tul is-sena tal-Ġublew straordinarju tħabbat fina b’iktar qawwa l-qalb stess tal-misteru tar-Redenzjoni.

Huwa għalhekk li aħna ninsabu hawn! Ninsabu Lourdes fis-sollennità tal-Assunzjoni ta’ Marija fis sema, meta l-Knisja tipproklama l-glorja ta’ twelidha definittiv fis-sema.

Irridu nieħdu sehem f’din il-glorja, b’mod speċjali permezz tal-liturġija. U permezz tal-glorja ta’ twelidha fis-sema, irridu fl-istess ħin inqimu il-waqt feliċoi ta’ twelidha fuq l-art. Is-Sena tar-Redenzjoni torjenta ħsibijietna u qlubna lejn dan il-waqt.

3. L-ewwelnett it-twelid fis-sema, It-Tlugħ fis-sema. Wieħed jistà jgħid li l-liturġija tiddeskrivilna l-Assunzjoni ta’ Marija fis-sema taħt tliet aspetti.

L-ewwel aspett huwa l-Viżitazzoni fid-dar ta’ Żakkarija. Eliħabetta tgħid: “Imbierka inti fost in-nisa u mbierek il-frott ta’ ġufek , , , Imbierka dik li emmnet li jseħħ dak kollu li bagħat jgħidilha l-Mulej” (Lq 1, 42-45). Marija emmnet il-kliem li lilha ntqalu min-naħa tal-Mulej, u Marija laqgħet il-Verb li fiha ħa l-ġisem u li huwa l-frott ta’ ġufha.

Ir-redenzjoni tad-dinja kienet imsejsa fuq il-fidi ta’ Marija, kienet marbuta mal-“fiat” tagħha fil-waqt tal-Annunzjazzjoni. Imma din bdiet isseħħ minħabba l-fatt li “il-Verb sar bniedem u ġie jgħammar fostna” (Ġw 1, 14).

Tul il-Viżitazzjoni, Marija fuq l-għatba tad-dar ospitali ta’ Żakkarija u Eliżabetta, ippronunzjat sentenza li kellha x’taqsam mal-bidu tal-misteru tar-Redenzjoni. Hija tgħid: “Ħwejjeġ kbar wettaq fija l-Omnipotenti: qaddis huwa ismu!” (Lq 1, 49). Din is-sentenza, meħudha mill-kuntest tal-Viżitazzjoni, tinserixxi ruħha, permezz tal-liturġija tallum, fil-kuntest tal-Annunzjazzjoni. Il-Magnificat kollu, ippronunzjat wara l-Viżitazzjoni, jsir fil-liturġija tallum l-innu tal-Assunzjoni ta’ Marija fis-sema.

Il-Verġni ta’ Nazzaret ippronunzjat dan il-kliem meta, permezz tagħha, l-Iben ta’ Alla kellu jitwieled fid-dinja. B’liema qawwa ma kellhiex mill-ġdid tippronunzjahom meta hi stess, bl-opra ta’ Binha, titwieled fis-sema!

4. Il-liturġija ta’ din il-Festa sollenni turina t-tieni aspett tal-assunzjoni bil-kliem ta’ San Pawl fl-Ittra lill-Korintin. L-Assunzjoni ta’ Omm Kristu fis-sema tagħmel parti mir-rebħa fuq il-mewt, ta’ dik ir-rebħa li l-bidu tagħha jinsab fil-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu: “Imma Kristu kien imqajjem tassew mill-mewt, l-ewwel frott fost dawk li raqdu. (1 Kor 15, 20). Il-mewt hija l-wirt tal-bniedem wara d-dnub tan-nisel: “Il-bnedmin kollha jmutu f’Adam” (1 Kor 15, 22).

Ir-Redenzjoni mwettqa minn Kristu għenet biex jintrebaħ dan il-wirt: “Kulħadd jirċievi l-ħajja fi Kristu. Imma kulħadd skont kif imissu: jibda l-ewwel front li hu Kristu: wara dawk li huma ta’ Kristu. . .” (1 Kor 15, 22-23).

U min iktar minn Ommu, jappartieni lil Kristu? Min iktar minn Marija kienet mifdija minnu? Min ikkopera fir-Redenzjoni b’mod iktar intimu minn kif għamlet hi stess bil-“fiat” tal-Annunzjazzjoni u bil-“fiat” f’riġlejn is-Salib?

Hekk mela hija fil-qalb infisha tar-Redenzjoni mwettqa bis-Salib fuq il-Kalvarju, u fl-istess qawwa tar-Redenzjoni rivelata bil-Qawmien mill-imwiet, li ssib s-sors tagħha f’dik ir-rebħa fuq il-mewt sperimentata minn Omm ir-Redentur, u jiġifieri l-Assunzjoni tagħha fis-sema. Dan huwa t-tieni aspett tal-Assunzjoni li ġġegħlna nifhmu l-liturġija tallum.

5. It-tielet aspett huwa espress mill-kliem tas-salm responsorjali; huwa l-lingwaġġ poetiku tas-salm li jesprimih: it-tifla tas-sultan, imlibbsa bi drappijiet prezzjużi, tidħol biex tokkupa postha maġemb is-sultan: “It-tron tiegħek, Alla, jibqà għal dejjem!

Huwa xettru ġust ix-xettru ta’ saltnatek!” (Sal 45, 7).

Fir-Redenzjoni tiġġedded is-saltna ta’ Alla, mibdija bl-istess ħolqien, u mbagħad meqruda mid-dnub fil-qalb tal-bniedem.

Marija, Omm ir-Redentur, hija l-ewwel li ħadet sehem f’din is-saltna ta’ glorja u ta’ komunjoni ma’ Alla fl-eternità. It-twelid tagħha fis-sema huwa l-bidu definittiv tal-glorja li wlied l-art għandhom jilħqu f’Alla nnifsu, bis-saħħa tar-Redenzjoni mwettqa minn Kristu.

Infatti, ir-Redenzjoni hija s-sies tat-traformazzjoni tal-istorja tal-kożmu fis-Saltna ta’ Alla. Marija hija l-ewwel fost il-mifdija, Fiha hija wkoll diġa mibdija t-traformazzjoni tal-istorja tal-kożmu tas-Saltna ta’ Alla. Dan jesprimi l-misteru tal-Assunzjoni tagħha fis-sema, bir-ruħ u bil-ġisem  .

6. Bl-Assunzjoni ta’ Omm Alla fis-sema – it-twelid tagħha fis-sema – nixtiequ wkoll nonoraw il-waqt feliċi tat-twelid tagħha fuq l-art.

Bosta jistaqsu: meta twieldet Marija? Meta ġiet fid-dinja? Dan l-interrogattiv bosta jagħmluh b’mod speċjali issa li qiegħed joqrob it-tieni millennju tat-twelid ta’ Kristu. It-twelid tal-Omm għandu jkun b’mod evidenti qabel iż-żmien tat-twelid tal-Iben. Ma jkunx għalhekk opportun li niċċelebraw qabel il-bidu tat-tieni millennju t-twelid ta’ Marija?

Il-Knisja, meta tiċċelebra l-anniversarji u l-ġublewijiet, tagħmel riferenza għall-istorja u għad-dati storiċi, biex tirrispetta l-preċiżjonijiet li x-xjenza tissuġġerixxi. Madankollu, ir-ritmu eżatt tal-anniversaji u tal-ġublewijiet huma determinati mill-istorja tas-salvazzjoni. Fuq kollox lilna jinteressana li nirreferu ruħna għaż-żmien tal-ġrajjiet li wasslu għas-salvazzjoni u mhux biss li nenfasizzaw il-waqt ta’ tali ġrajjiet bi preċiżjoni storika.

F’dan il-każ, aħna naċċettaw li l-Ġublew tar-Redenzjoni ta’ din is-sena jirreferi – wara  1950 sena – għall-ġrajja tal-Kalvarju, u jiġifieri għall-mewt u l-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu. Imma l-attenzjoni tal-Knisja hija totalment ikkonċentrata qabel kollox fuq il-ġrajja feddejja (iktar milli fuq il-konsiderazzjoni taż-żmien) u mhux fuq id-data storika biss.

Fl-istess ħin, dejjem nenfasizzaw li l-Ġublew straordinarju ta’ din is-sena iħejji l-Knisja għall-Ġublew il-kbir tat-tieni millennju (is-sena elfejn). Taħt tali aspett, din is-Sena tar-Redenzjoni tilbes ukoll il-karattru ta’ Avvent: infatti tintroduċina għall-istennija tal-Ġublew tal-miġja tal-Mulej .

Imma l-Avvent huwa b’mod għal kollox partikolari ż-żmien ta’ Marija. Hija biss fiha li l-istennija tal-ġeneru uman kollu, għal dak li jirrigwarda l-miġja ta’ Kristu, tilħaq il-quċċata tagħha. Marija twassal din l-istennija għall-milja tagħha: il-milja tal-Avvent.

Bil-Ġublew tar-Redenzjoni ta’ din is-sena nixtiequ nidħlu f’tali Avvent. Nixtiequ nieħdu sehem fl-istennija ta’ Marija, il-Verġni ta’ Nazzaret. Irridu li fil-Ġublew ta’ din il-ġrajja feddejja, li għandha karattru ta’ Avvent, tkun preżenti wkoll il-miġja tagħha, it-twelid tagħha fuq din l-art. Iva: il-miġja ta Marija fid-dinja huwa l-bidu tal-Avvent feddej.

Għal dan qegħdin inwettqu l-pellegriaġġ f’Lourdes: mhux biss biex nonoraw bis-sollennità tal-Assunzjoni it-twelid ta’ Marija fis-sema, imma wkoll biex nonoraw il-waqt feliċi tat-twelid tagħha fuq l-art, Ninsabu f’pellegrinaġġ f’Lourdes, fejn Marija – is-“Sinjura Sabiħa” – qalet  lil Bernardetta: “Jiena l-Immakulata Konċezzjoni” (Que soy era Immaculada Councepciou).

B’dawn il-kelmiet hija esprimiet il-misteru ta’ twelidha fuq l-art bħala ġrajja feddejja magħquda b’mod li ma jinħallx mar-Redenzjoni u marbuta mal-Avvent.

7. Sinjura Sabiħa! O Mara liebsa x-xemx! Ilqà l-pellegrinaġġ tagħna f’din is-sena ta’ Avvent tal-Ġublew tar-Redenzjoni. Għinna, bid-dawl ta’ dan il-Ġublew, biex nippenetraw il-misteru tiegħek:

– il-misteru tal-Verġni Omm;

– il-misteru tas-Sultana Qaddejja;

– il-misteru ta’ Dik li tistà kollox u li tagħmel lilha nfisha tallaba.

Għinna biex niskopru dejjem iktar b’mod profond f’dan il-misteru lil Kristu, Redentur tad-dinja, Redentur tal-bniedem.

Int imlibbsa bix-xemx, ix-xemx tad-Divinità impenetrabbli, ix-xemx tat-Trinità impenetrabbli. “Mimlija bil-grazzja” sal-quċċata tal-Assunzjoni fis-sema! U fl-istess ħin . . . għalina li ngħixu fuq din l-art, għlina, imsejkna ulied Eva fl-eżilju, int imlibbsa bix-xemx ta’ Kristu wara Betlem u Nazzaret, wara Ġerusalem u l-Kalvarju. Int imlibbsa bix-xemx tar-Redenzjoni tal-bniedem u tad-dinja, imwettqa bis-Salib u l-Qawmien mill-Imwiet ta’ Ibnek.

Agħmel li x-xemx tiddi bla waqfien għalina fuq l-art! Agħmel li qatt ma tiddallam fir-ruħ tal-bnedmin! Agħmel li tillumina l-mixjiet terreni tal-Knisja, li tagħha inti l-ewwel figura! U li l-Knisja, waqt li tiffissa ħarsitha fik, Omm ir-Redentur, titgħallem tkun dejjem omm!

Ħares! Hawn hu dak li jgħid il-ktieb tal-Apokalissi: “Id-dragun mar qagħad quddiem il-mara li kienet se tiled, biex kif tiled lil binha jibilgħu” (Ap 12, 4).

O Omm, li fl-Assunzjoni fis-sema, sperimentajt il-milja tar-rebħa fuq il-mewt tar-ruħ u tal-ġisem, iddefendi lil uliedek maskili u femminili ta’ din l-art kontra l-mewt tar-ruħ! O Omm il-Knisja!

Quddiem l-umanità, li donnha dejjem affaxxinata minn dak li huwa temporali – u meta “id-dominazzjoni dinjija” taħbi l-prospettiva tad-destin etern tal-biedem f’Alla, kun int stess xhud ta’ Alla! Int, Ommu! Min jiflaħ jirreżisti għax-xhieda ta’ omm?  

Int li twelidt għat-taħbit ta’ din l-art: ikkonċepita b’mod immakulat!

Int li twelidt għall-Glorja tas-sema! Imtellà fis-sema!

Int li int imlibbsa bix-xemx tad-Divinità bla qies, bix-xemx tat-Trinità impenetrabbli, mimlija bil-Missier, bl-Iben u bl-Ispirtu Santu!

Int, li lilha t-Trinità tagħti ruħha bħala Alla uniku, l-Alla tal-ħolqien u tar-Rivelazzjoni! L-Alla tal-patt u tar-Redenzjoni. L-Alla tal-bidu u tat-tmiem. L-Alfa u l-Omega. -Alla Verità, l-Alla Mħabba, l-Alla-Grazzja. L-Alla-Qdusija. L-Alla li jegħleb kollox u li kollox iħaddan. L-Alla li huwa “kollox f’kulħadd”.

Int, li int liebsa bix-xemx! Ommna! Kun ix-xhud ta’ Alla! . . . quddiem id-dinja tal-millennju li se jingħalaq, quddiemna, ulied Eva fl-eżilju, kun ix-xhud ta’ Alla! Amen!

Miġjuba għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading