Il-Ġublew huwa żmien ta’ rikonċiljazzjoni speċjali

Il-Ġublew huwa sena speċjali ta’ grazzja, okkażjoni għalina lkoll biex nirrispondu għas-sejħa kontinwa li Alla nnifsu jagħmlilna sabiex nirrikonċiljaw lilna nfusna miegħu, ma’ ħutna u mal-ħolqien.

Jikteb il-Papa Franġisku fil-Bolla ta’ Indizzjoni

“Il-knejjes ġubilari, matul il-mixjiet u fil-Belt, jistgħu jkunu oasi ta’ spiritwalità fejn inġeddu l-mixja tal-fidi u nixorbu mill-għejun tat-tama, qabelxejn billi nersqu għas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, punt insostitwibbli ta’ tluq għal mixja vera ta’ konverżjoni. Fil-Knejjes partikulari ta’ min jieħu ħsieb b’mod speċjali tal-preparazzjoni tas-saċerdoti u tal-fidili għall-Qrar u l-aċċessibbiltà għas-sagrament fil-forma individwali.” (par. 5)

Qed jistenni biex ikun jisa’ jħaddanni miegħu

Din ir-rikonċiljazzjoni sagramentali mhijiex biss opportunità spiritwali sabiħa, imma tirrappreżenta pass deċiżiv, essenzjali u fundamentali għall-mixja tal-fidi ta’ kull wieħed u waħda. Ikompli jikteb il-Papa …

“Huwa hemm li nħallu lill-Mulej jeqred id-dnubiet tagħna, ifejqilna qalbna, jerfagħna mill-ġdid u jħaddanna miegħu, jurina l-wiċċ tiegħu ħelu u kollu mogħdrija. Fil-fatt ma hemmx mod aħjar biex insiru nafu lil Alla milli nħalluh iħabbibna miegħu mill-ġdid (ara 2 Kor 5:20), ħa nduqu l-maħfra tiegħu. Ejjew mela ma nibqgħux lura milli nersqu għall-Qrar, imma niskopru wkoll mill-ġdid il-ġmiel tas-sagrament tal-fejqan u tal-ferħ, il-ġmiel tal-maħfra tad-dnubiet!” (par. 23)

Fil-Ġublew Straordinarju li għadda, dak tas-sena 2015-2016, il-Papa Franġisku kien ħatar il-Missjunarji tal-Ħniena, li għadhom qed iwettqu missjoni importanti. Jistgħu anki matul il-Ġublew li ġej iħaddmu l-ministeru tagħhom, iroddu t-tama u jagħtu l-maħfra kull darba li midneb jersaq għandhom b’qalb miftuħa u ruħ sogħbiena.

“Ħa jkomplu jkunu strumenti ta’ rikonċiljazzjoni u jgħinu biex inħarsu lejn il-ġejjieni bit-tama tal-qalb li ġejja mill-ħniena tal-Missier. Nawgura li l-Isqfijiet jistgħu jinqdew bis-servizz prezzjuż tagħhom, speċjalment billi jibagħtuhom hemm fejn it-tama hi mġarrba qatigħ, bħal fil-ħabsijiet, fl-isptarijiet u fl-imkejjen li fihom id-dinjità tal-persuna hi mkasbra, fil-qagħdiet l-aktar foqra u fil-kuntesti l-aktar degradanti, biex ħadd ma jisfa mċaħħad mill-possibbiltà li jirċievi l-maħfra u l-faraġ ta’ Alla.” (par. 23)

Dan huwa wara kollox l-għan aħħari veru ta’ kull ġublew, li nfakkru b’mod speċjali l-ġrajja tal-Inkarnazzjoni tal-Iben t’ Alla li sar bniedem proprju biex iħabbibna mill-ġdid mal-Missier, biex jgħaqqdna bejnieta fil-maħfra ta’ xulxin, u biex saħansitra jifdi l-ħolqien kollu mill-jasar, konsegwenza diretta tad-dnub u l-isfruttament egoistiku tagħna.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading