Ġwanni Pawlu II mal-miżżewġin

QUDDIESA GĦALL-MIŻŻEWĠIN FIL-BAŻILIKA TA’ SAN PIETRU
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħadd, 9 ta’ Ottubru 1983

1. “Ejjew nagħmlu l-bniedem xbiha tagħna, xebħ tagħna . . . Alla ħalaq il-bniedem xbiha tiegħu; xbiha ta’ Alla ħalqu; raġel u mara ħalaqhom” (Ġen 1, 26-27).

Għeżież ħuti! Ministri tas-Sagrament, li permezz tiegħu ssiru llum għarajjes ta’ Ġesù Kristu! Nagħtikom merħba kordjali, u nsellmilkom bħala Pellegrini tal-Ġublew Imqaddes tas-sena tar-Redenzjoni.

Flimkien magħkom, ejjew niffissaw ħarsitna fuq l-opra eterna tal-Ħallieq, li għadha għaddejja fid-dinja maħluqa minn ġenerazzjoni għal oħra. Din l-opra hija kull bniedem: raġel u mara maħluqa xbiha ta’ Alla. Kull wieħed u waħda minnkom intom espressjoni tal-imħabba eterna. Mela ġustament – wara li smajna l-qari tal-ktieb tal-Ġenesi – kantajna r-responsorju: “Alla tagħna huwa kbir fl-imħabba”.

Liimħabba ta’ Alla turi ruħha f’dak li hu l-bniedem fl-opra tal-ħolqien: raġel u mara. Alla ħallieq “jara” l-ewwel wieħed li “dak li għamel kienet ħaġa tajba ħafna” (Ġen 1, 31).

2. Illum ejjew niffissaw għajnejna fuq il-pjan etern ta’ Alla, li fl-opra tal-ħolqien tal-bniedem – tar-raġel u tal-mara – irreġistra s-sagrament etern. Dan is-sagrament, iż-Żwieġ, li llum isir l-irwol tagħkom, il-parti tagħkom. Illum intom twettqu l-kelma tal-Ħallieq: “Ir-raġel jitlaq lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u t-tnejn ikunu ġisem wieħed” (Ġen 2, 24). Illum issiru quddiem Alla u quddiem il-bnedmin “ġisem wieħed”, u tali għaqda għandha s-sors tagħha fl-imħabba.

Alla li huwa “kbir fl-imħabba”, jilqagħakom kif laqà lil dawk l-ewwel – raġel u mara – li huwa kien ħalaq xbiha u xebħ tiegħu. Illum issiru, permezz tas-sagrament, koperaturi tl-Ħallirq u koamministraturi fl-opra tal-ħolqien. Intom imsejħa biex timlew l-art u taħkmuha (cf. Ġen 1, 28).

Kbira hi l-vokazzjoni tagħkom u r-responsabiltà tagħkom. Il-Ħallirq isejħilkom bħala miżżewġin għall-prokrejazzjoni: għall-prokrejazzjoni responsabbli.  Tassumu fiż-żwieġ d-dmir tal-paternità responsabbli, ifisser tikkoperaw koxjentement mal-azzjoni tal-Ħallieq. Ifisser titratta l-misteru tal-ħajja bl-ikbar qima. Tipprofessa f’“opri u verità” l-qdusija u l-invjolabilità tal-ħajja umana, li tagħha ssiru f’dan is-sagrament amministraturi. Dan ifisser ukoll li tiddistingwu r-ritmi tal-fertilità umana u skont dawn ir-ritmi tiggwidaw il-paternità tagħkom. Dan kollu jappartieni lill-koperazzjoni koxjenti mal-Ħallieq.

3. Alla Ħallieq huwa, fl-istess ħin, Missier. Fih hemm inkluż il-prototip tal-vokazzjoni tagħkom. Infatti bħala miżżewġin hemm bżonn li ssiru ġenituri: missier u omm.

Alla-Ħallieq bħala Missier illum jilqagħkom f’Ġesù Kristu. Iż-Żwieġ – sagrament tal-ħolqien – isir f’Ġesù Kristu sagrament tal-Patt il-Ġdid.

Il-Missier jilqagħkom illum wlied maskili u femminili fl-Iben eternament maħbub, u jagħmel li tieħdu sehem f’dik l-imħabba li biha Kristu ħabb lill-Knisja: “ħabbha . . . u ta lilu nnifsu għaliha” (Ef 5, 25). Għal din l-imħabba jagħmel riferenza l-Awtur tal-Ittra lill-Efesin meta jikteb: “intom l-irġiel, ħobbu n-nisa tagħkom kif Kristu ħabb lill-Knisja . . .”(Ef 5, 25).

Intom mela msejħa għall-imħabba. Tistgħu ssiru “ġisem wieħed” biss jekk fikom topera l-imħabba, li hija d-don tal-Ispirtu. Tistgħu ssiru, “ġisem wieħed”, għaliex amministraturi tas-sagrament tal-ħolqien, biss jekk intom lesti li tirrepetu bil-kelma, bil-qalb u bl-opra: Alla huwa mħabba, ejjew inħobbu lil xulxin, kif Alla ħabb lilna.

4. Għeżież ħuti! Intom stess tħossu li din l-allejanza sagramentali tal-erwieħ u tal-iġsma, li llum tħaddnu, tistà tkun imqawwija biss fl-imħabba. F’dik l-imħabba. F’dik l-imħabba li tiġi minn Alla . . . Din hija mnaqqxa fil-qalb umana, u fl-istess ħin “hija ikbar” minn din il-qalb. Hemm bżonn li tkun ikbar, sabiex tkun tistà ddum ukoll meta l-qalb umana tiddiżappunta.

Hekk hu: il-Missier etern jislet l-allejanza mis-sagrament tal-miżżewġin mhux biss mill-opra tal-ħolqien, imma wkoll minn dik l-imħabba li biha Kristu ħabb lil kull wieħed u waħda minnkom, meta “ta lilu nnifsu” (Ef 5, 25).

Dan l-istess Kristu jinsab illum quddiemkom, għeżież miżżewġim, “ministri tas-sagrament il-kbir”, u jgħid: “Kif il-Missier ħabb lili, hekk jiena wkoll ħabbejt lilkom. Ibqgħu fl-imħabba tiegħi” (Ġw 15, 9).

Dan jgħidu Kristu. U dak huwa fl-istess ħin l-ikbar awgurju li tistà tagħmlilkom il-Knisja f’dan il-jum sollenni:

Ibqgħu f’imħabbtu!

Imħabbitkom ma taqtà qatt tieħu minn dik l-imħabba li biha huwa ħabb. Allura mħabbitkom ma tintem qatt. Huwa ma jiddisappuntakom qatt. Jiġu żvelati quddiemkom dik il-profondità u l-maturità li jikkorrispondu mal-vokazzjoni ta’ miżżewġin u ta’ ġenituri: ministri responsabbli tal-opra tal-ħolqien, kollaboraturi tal-Ħallieq u tal-Missier.

“Għidtilkom dan – iżid Kristu – sabiex il-ferħ tiegħi jkun fikom u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ” (Ġw 15, 11).

Il-Knisja llum tawguralkom dan il-ferħ.

5. Ejjew nieħdu sehem fil-Ġublew Qaddis tas-Sena tar-Redenzjoni permezz tas-sagramenti tal-Knisja. Illum – f’dan il-post meqjum, tal-Bażilika ta’ San Pietru – intom, għeżież miżżewġin, li ġejjin mill-Italja u minn diversi Pajjiżi. Qegħdin tirċievu s-sagrament taż-żwieġ bħala frott tar-Redenzjoni ta’ Kristu, li kontinwament  jibqà fil-Knisja. U fl-istess ħin intom ministri ta’ dan is-sagrament, billi tamministrawh lil xulxin: ir-raġel lil martu u l-mara lil żewġha.

Espressjoni ta’ dan huwa l-kliem tal-wegħda matrimonjali, li t-tnejn li intom tagħmlu.

Is-sagrament iġib fih il-Grazzja li ssaħħaħ il-ħajja umana tagħna f’Alla u tindirizzaha lil Alla. Fuq is-sies spiritwali u soprannaturali tal-grazzja divina hemm imqegħda t-triq tar-redenzjoni tagħkom, li tgħaddi mill-bini tal-komunità matrimonjali u familjari. U għalhekk, fit-tieni qari, San Pawl ikellimna bl-espressjonijiet li ġejjin tal-Ittra lir-Rumani: “Nitlobkom ħuti, għall-ħniena ta’ Alla, offru ġisimkom b’sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob lil Alla, jiġifieri l-qima spiritwali tagħkom . . .biex iseħħilkom tagħrfu x’inhi r-rieda ta’ Alla, x’inhu tajjeb li jogħġbu, x’inhu perfett” (Rm 12, 1-2).

U wara l-Appostlu jagħti bosta ndikazzjonijiet li għandhom importanza rilevanti għall-bini tal-komunità matrimonjali u familjari: “Qisu li l-imħabba tagħkom ma tkunx wiċċ b’ieħor . . . Ħobbu lil xulxin bħal aħwa, fittxu li tistmaw lil xulxin . . . Ifirħu bit-tama, stabru fil-hemm, itolbu bla waqfien . . . Ilqgħu f’darkom lill-barranin . . . Aħsbu f’xulxin l-istess . . . Fittxu li tagħmlu t-tajjeb quddiem il-bnedmin kollha” (Rm 12, 9-17)

Ħuti! Il-grazzja tas-sagrament taż-żwieġ tiġi mogħtija llum lilkom mill-abbundanza tar-Redenzjoni ta’ Kristu, sabiex tikkollaboraw magħha.

Permezz tal-koperazzjoni tinbena l-komunjoni matrimonjali u familjari, Fuqha tistrieħ l-għaqda li ma tinħallx li llum wegħdtu b’mod reċiproku.

Irrikorru bla ma taqtgħu lejn din il-grazzja sagramentali fit-talb u fl-imġieba. Irrikorru b’mod partikolari għaliha, meta fi triqtkom tiltaqgħu mad-diffikultajiet u l-provi.

Kristu jixtieq li jkun magħkom, dejjem!

6. F’dan il-perijodu qiegħed isir is-Sinodu tal-Isqfijiet dwar it-tema: “Rikonċiljazzjoni u penitenza fil-missjoni tal-Knisja”. Tliet snin ilu – fis-sena 1980 – is-Sinodu tal-Isqfijiet ħadem fuq il-problema “taż-żwieġ u tal-familja fil-missjoni tal-Knisja”.

7. Il-frott ta’ dan ix-xogħol kien l-eżortazzjoni apostolika Familiaris Consortio, li nixtieq nagħti lil kull koppja ta’ miżżewġin fl-okkażjoni tallum.

Waqt li nestendi l-ħsieb ta’ mħabba u nesprimi l-awguri tiegħi lil dawk preżenti li qegħdin ifakkru il-25° jew il-50° anniversarju taż-żwieġ, nixtieq nirreċita t-talba li tliet snin ilu – tul il-korsa tas-Sinodu – irripetejna diversi drabi:

Alla, li Minnu tiġi kull paternità fis-sema u fl-art, Missier, li int Imħabba u Ħajja, agħmel li kull familja umana fuq l-art issir – permezz ta’ Ibnek, Ġesù Kristu, “imwieled minn Mara”, u permezz tal-Ispirtu Santu – sors ta’ karità divina, santwarju tassew tal-ħajja u tal-imħabba għall-ġenerazzjonijiet li dejjem jiġġeddu.

Agħmel li l-grazzja tiegħek tiggwida l-ħsibijiet u l-opri tal-miżżewġin lejn il-ġid tal-familji tagħhom u tal-familji kollha tad-dinja.

Agħmel li l-ġenerazzjonijiet żgħażagħ isibu fil-familja sosten qawwi għall-umanità tagħhom u t-trobbija tagħhom fil-verità u fl-imħabba.

Agħmel li l-imħabba, imsaħħa mill-grazzja tas-sagrament taż-żwieġ, turi ruħħha iktar qawwija minn kull dgħufija u minn kull kriżi, li minnhom, kull tant, jgħaddu l-familji tagħna.

Agħmel fl-aħħarnett, nitolbuhulek bl-interċessjoni tas-Sagra Familja ta’ Nażżaret, li l-Knisja f’nofs dawn in-Nazzjonijiet kollha tad-dinja, tkun tistà twettaq b’mod fruttuż il-missjoni tagħha, fil-familja u permezz tal-familja.

Bi Kristu Sidna, li huwa t-triq, il-verità u l-ħajja, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading