Ġwanni Pawlu II fil-ftuħ tas-Sinodu tal-Isqfijiet

KONĊELEBRAZZJONI EWKARISTIKA SOLENNI GĦALL-
FTUĦ TAS-VI ASSEMBLEA ĠENERALI TAS-SINODU TAL-ISQFIJIET
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Bażilika Vatikana
Il-Ħamis, 29 ta’ Settembru 1983.

Meqjuma u għeżież ħuti!

1. Qegħdin niltaqgħu llum f’din il-Bażilika ta’ San Pietru biex ninawguraw, madwar il-mejda tal-Kelma ta’ Alla u tal-Ewkaristija, is-Sinodu tal-Isqfijiet. Din hija sessjoni ordinarja fuq it-tema: “Rikonċljazzjoni u penitenza fil-missjoni tal-Knisja”. Ejjew mela nixtiequ fuq kollox li ningħaqdu ma’ Dak li għal din il-missjoni tal-Knisja ta l-bidu. Huwa propju hu – Ġesù Kristu – li qal: “Iż-żmien għadda u s-Saltna ta’ Alla hi fil-qrib; indmu. . .” (agħmlu penitenza, ikkonvertu) u emmnu fl-Evanġelju” (cf. Mk 1, 15).

Iż-żmien intemm mal-miġja ta’ Kristu. U jintemm b’mod kostanti mill-ġdid dan iż-żmien, li fih il-Missier etern fetaħ Qalbu għar-rikonċiljazzjoni ma’ kull bniedem f’Ġesù Kristu. F’dan iż-żmien ngħixu ilkoll.

U għalhekk l-Isqfijiet tal-Knisja ipproponew b’mod opportun il-penitenza u r-rikonċiljazzjoni bħala tema tas-Sinodu attwali. Hemm bżonn inmorru lura għall-ewwel kliem ta’ Kristu. Hemm bżonn nivverifikaw b’liema eku dan jirbombja fil-Knisja u fid-dinja kontemporanja. Hemm bżonn nagħtuh lura l-eternità, il-qawwa evanġelika u apostolika tiegħu. Ikun tassew diffiċli nsibu tema iktar fundamentali għax-xogħol tas-Sinodu. Tema iktar evanġelika.  U iktar apostolika. U iktar urġenti.

Niżżikom ħajr, meqjumin ħuti, u niżżi ħajr lill-Isqfijiet tal-Knisja kollha talli riedu propju jippoponu appuntu l-problema tar-rikonċiljazzjoni u tal-penitenza bħala dmir tas-servizz sinodali fir-rigward tal-Poplu ta’ Alla fid-dinja kollha.

2. Il-Liturġija tal-festività tallum tippermettilna li nifhmu l-qawwa tal- “paenitemini” ta’ Kristu fid-dimensjonijiet li huma, fl-ekonomija ta’ Alla, ikbar u iktar antiki mill-bniedem. Fl-istess ħin, dawn jaslu għand il-bniedem; jiltaqgħu f’qalbu u fl-istorja tiegħu. Mhux ta’ b’xejn Ġesù, waqt li sejjaħ lil Natanael, qal dan il-kliem misterjuż: “Taraw is-sema miftuħ u l-anġli ta’ Alla telgħin u neżlin fuq Bin il-bniedem” (Ġw 1, 51).

Propju llum hija l-festività tal-Anġli ta’ Alla – u b’mod partikolari ta’ dawk li nafu mill-Iskrittura Mqaddsa taħt l-ismijiet ta’ Micael, Gabriel u Rafael.

3. L-ewwel qari mill-ktieb tal-Apokalissi jistedinna biex nieqfu fuq l-isem Mi-ca-el” (Mikiel). Dan l-isem ifisser “min bħal Alla”. Dan jaċċenna għal għarfien u għal għażla mfassla fuq kejl ta’ spirtu pur.

Is-Saltna ta’ Alla hija eternament iffurmata propju abbażi ta’ tali għarfien u ta’ tali għażla: “min bħal Alla”. F’dan il-kliem hemm miġbura l-qawwa kollha spiritwali ta’ kif wieħed jindirizza lil Alla,  ta’ kif ningħaqdu bl-għarfien u bir-rieda mal-milja li hija huwa stess. Milja tal-Esseri u tal-Qdusija. Milja tal-Verita, tat-Tajjeb u tas-Sabiħ.

Il-festività tallum tfakkarna li fil-bidu tal-ħolqien, mill-profondità spiritwali tal-esseri anġeliċi inħelset din l-ewlenija adorazzjoni, billi għodsot flimkien mal-esseri kollu tagħhom fir-realtà tal “min bħal Alla”: “Mikiel u l-anġli tiegħu” (Ap 12, 7).

Fl-istess ħin, l-istess qari tal-Apokalissi jirrendina konxji li għal din l-adorazzjoni, għal din l-istqarrija ewlenija tal-majjestà tal-Ħallieq, kien hemm ċaħda. Quddiem l-indirizz sħiħ mimli mħabba  lejn Alla (“min bħal Alla!”) splodiet milja ta’ mibegħda fir-rewwixta kontrih. Din ir-rewwixta fl-Iskrittura Mqaddsa ġġib l-isem “diablos” (kalunjatur) u “Satana”. Dan l-isem ifakkar li, fir-rewwixta kontra Alla, twettqet ukoll ċaħda min-naħa ta’ Alla: “Is-serp il-qadim . . . kien imwaddab għal fuq l-art, u miegħu kienu mwaddba l-anġli tiegħu (” (Ap 12, 9).

Fid-dimensjonijiet tad-“dinja inviżibbli” tiġi mela żvelata il-kontrappożizzjoni l-iktar profonda tat-tajjeb u l-ħażin. It-tajjeb għandu l-bidu tiegħu f’Alla u t-twettiq tiegħu fl-imħabba ta’ Alla. Il-ħażin huwa ċaħda tal-imħabba. Iċ-ċaħda ta’ dak it-Tajjeb suprem, li huwa Alla nnifsu, jġib fih il-ksur mal-verità fid-demonju li huwa “missier il-gidba” (Ġw 8, 44)] u l-qawwa distruttiva tal-mibegħda. L-Apokalissi jitkellem dwar gwerra. “Faqqgħet . . . gwerra fis-sema: Mikiel u l-anġli tiegħu jitqabdu mad-dragun” (Ap 12, 7).

4. Il-kontrapposizzjoni tat-tajjeb u tal-ħażin daħlet fl-istorja tal-bniedem, billi qerdet l-innoċenza oriġinali fil-qalb tar-raġel u tal-mara. Magħmul minn Alla fi stat ta’ qdusija, il-bniedem iżda, ittentat mill-malizzjus, sa mill-bidu tal-istorja abbuża mil-libertà tiegħu, billi qam kontra Alla u xxennaq  li jikseb l-għan tiegħu ‘il hemm minnAlla”. Minn dan il-waqt “il-ħajja umana kollha, kemm dik individwali kif ukoll dik kollettiva, tippreżenta l-karattri ta’ taqtigha drammatika bejn it-tajjeb u l-ħażin, bejn id-dawl u d-dlam . . . Id-dnub huwa, madankollu,  diminuzzjoni għall-bniedem innifsu, billi jimpedilu li jsegwi l-milja propja tiegħu” (Gaudium et Spes, 13).

Bdanakollu din il-kontrappożizzjoni hija differenti minn dik li jfakkarna l-ewwel qari tal-Liturġija tallum. Din hija fuq skala umana, Mhix fuq skala tal-ispirtu pur. Bdanakollu din hija impediment ewlieni u prinċipali fil-formazzjoni tas-Saltna ta’ Alla: saltna tal-verità u tal-imħabba fl-istorja tal-bniedem, fl-oqsma ndividwali tal-eżistenza umana. Kemm fil-ħajja tal-persuna, kif ukoll fil-ħajja tas-soċjetà.

U għalhekk – meta Krisu beda l-missjoni messjanika tiegħu, billi ħabbar il-viċinanza tal-Saltna ta’ Alla – jgħajjat fl-istess ħin: “meta-noeite!” (“indmu!”), jiġifieri: ibdlu l-ispirtu tagħkom:! Isejjaħ għall-konverżjoni u r-rikonċiljazzjoni ma’ Alla. Din is-sejħa tixhed li nduru mill-ħażin u nindirizzaw rwieħna lejn it-tajjeb – f’din il-milja tiegħu bħalma hu Alla – din hija ħaġa possibbli għall-bniedem. Ir-rieda umana tistà tilqà fiha il-kurrent salvifiku tal-Grazzja, li tibdel l-aspirazzjonijiet l-iktar profondi. F’din is-sejħa ta’ Kristu isib ruħu flimkien mal-ewwel dawl tal-Bxara t-Tajba. Fiha issa tinfetaħlu l-prospettiva tar-rebħa tat-tajjeb fuq il-ħażin, tad-fawl fuq id-dnub. Din hija l-prospettiva li Kristu se jwettaq sal-aħħar bis-salib u l-qawmien mill-imwiet.

5. Mejqjuma u għeżież ħuti!

Matul il-korsa tal-ġimgħat li ġejjin irridu – bħala Rgħajja tal-Knisja fl-aħħar perijodu tas-seklu XX – nikkonċentraw lilna nfusna fuq din is-sejħa fundamentali tal-Vanġelu. Din kienet indirizzata lill-bniedem taż-żminijiet kollha – u għalhekk ukoll lil dak tal-epoka tagħna. Għal kull wieħed għandha l-qawwa tagħha feddejja u liberatriċi. Din il-qawwa kienet regalata lill-Knisja bħala frott tal-mewt u l-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu.  Bdanakollu, il-jum stess tal-qawmien mill-imwiet, Kristu qal lill-Appostli miġburin fiċ-ċenaklu ta’ Ġerusalem: “Irċievu l-Ispirtu Santu, lil min taħfrulu d-dnubiet ikunu maħfura u lil min iżżommuhomlu jkunu miżmuma” (Ġw 20, 22-23).

Bħala suċċessuri tal-Appostli għandna responsabiltà partikolari għall-misteru tar-rikonċiljazzjoni tal-bniedem ma’ Alla. Responsabiltà partikolari għas-Sagrament, li fih titwettaq din ir-rikonċiljazzjoni.

6. Ejjew inmorru lura għal darb’oħra għall-qari tal-Apokalissi. Dan iħabbar ir-rebħa li titwettaq “permezz tad-demm tal-Ħaruf” (Ap 12, 11). F’din ir-rebħa “twettqet is-salvazzjoni, il-qawwa u s-saltna ta’ Alla tagħna u l-qawwa ta’ Kristu tiegħu” (Ap 12, 10). B’din ir-rebħa “twaddab ‘il barra l-akkużatur ta’ ħutna, dak li jakkużahom lejl u nhar quddiem Alla tagħna” (Ap 12, 10).

Fil-misteru tar-rikonċiljazzjoni ma’ Alla, fis-Sagrament li fih titwettaq din ir-rikonċiljazzjoni, il-bniedem jakkuża lilu nnifsu billi jistqarr dnubietu; u permezz ta’ hekk iwarrab il-qawwa minn dak l-Akkużatur li, lejl u nhar, jakkuża lil kull wieħed minna u lill-umanità kollha, quddiem il-Majjesta ta’ Alla tliet darbiet qaddis. Infatti, meta l-bniedem jakkuża lilu nnifsu quddiem Alla, dik l-istqarrija tal-ħtijiet, imwielda mill-indiema, magħquda fis-sagrament tar-rikonċiljazzjoni mad-demm tal-Ħaruf, iġġib ir-rebħa!

7. Meqjuma u għeżież ħuti! Imissna niffaċċjaw tul il-ġimgħat li ġejjin it-tema li biha tingħaqad b’mod l-iktar strett ir-rebħa spiritwali tal-bniedem: “Rikonċiljazzjoni u penitenza fil-missjoni tal-Knisja”.

Kemm oqsma tal-eżistenza tal-bniedem fid-dinja kontemporanja jilħqu din it-tema! Ilkoll kemm aħna konxji pjenament. Nafu liema skala ta’ theddid akkumulat fuq il-ħajja tal-umanità kontemporanja.

Il-Knisja tagħti xhieda kontinwa tat-tħassib tagħha għar-rikonċiljazzjoni fost il-bnedmin u s-soċjetajiet: it-tħassib għall-qbiż tal-limiti tal-potenzi distruttivi tal-ostilità, tal-odju, tar-rieda, ta’ qerda.

Dan huwa bħal sfond wiesà, li fuqu, ninzertaw inwettqu, skont żminijietna, dik it-taqtigħa eterna tat-tajjeb mal-ħażin fil-punt kruċjali li Kristu ddefinixxa bil-kelma feddejja tal-Vanġelu u bil-qawwa paskwali ta’ Salibu u tal-qawmien mill-imwiet tiegħu.

Miġburin mal-mejda tal-Kelma ta’ Alla u tal-Ewkaristija, ejjew nitolbu sabiex l-Ispirtu ta’ Kristu jiggwida l-intelletti tagħna u lil qlubna f’dan is-servizz tas-Sinodu għall-Poplu ta’ Alla, li se nibdew illum. Nixtiequ norbtu dan is-servizz mat-talba tar-rużarju, li għaliha l-Knisja tiddedika b’mod partikolari x-xahar ta’ Ottubru. F’din it-talba hija magħna – kif  darba mal-Appostli fiċ-ċenaklu – Omm ir-Redentur, kif inhi fl-istess ħin Omm il-Knisja u Qaddejja tal-Mulej. Flimkien magħha nixtiequ nwettqu l-ministeru episkopali tagħna.

Ejjew nitolbu b’ħeġġa kbira! U ħalli jakkumpanjana t-talb tal-Knisja kollha.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading