Qari tat-Tnejn tat-Tmien Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tnejn

QARI I
Dur lura lejn l-Għoli, u warrab mill-ħażen.
Sir 17:20-28 (gr. 24-29)

Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak

Lil dawk li jindmu Alla jħallihom jerġgħu lura,
u jsaħħaħ lil dawk li ma jkunux jifilħu jżommu aktar.
Erġa’ lura lejn il-Mulej, u d-dnub ħallih warajk,
u warrab dak li jfixklek.
Dur lura lejn l-Għoli, u warrab mill-ħażen,
u obgħod għall-aħħar dak li hu ta’ min jistmerru.
Lill-Għoli min se jfaħħru f’Art l-Imwiet
minflok il-ħajjin li jroddulu ħajr?
Għall-mejjet bħalkieku ma kien xejn, intemm radd il-ħajr;
min hu ħaj u f’siktu jfaħħar il-Mulej.
Kemm hi kbira l-ħniena tal-Mulej,
u l-maħfra tiegħu għal dawk li jerġgħu lura lejh!

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 31(32):1-2,5,6,7-8

R/. (11a): Ifirħu, twajbin, u thennew fil-Mulej.

Hieni l-bniedem li ħtijietu maħfura,
li għandu d-dnub tiegħu mistur!
Hieni l-bniedem li ebda ħażen ma jgħoddlu l-Mulej,
u ma għandu ebda qerq f’qalbu! R/.

Id-dnub tiegħi jien stqarrejtlek,
u l-ħażen tiegħi ma ħbejthulekx.
Jien għedt: “Quddiem il-Mulej nistqarr ħtijieti”.
U int ħfirtli l-ħażen tad-dnub tiegħi. R/.

Għalhekk kull min hu twajjeb
lilek jitlob fi żmien in-niket.
Jekk ifuru ilmijiet kotrana,
lilu qatt ma jilħquh. R/.

Int kenn għalija, mit-taħbit tħarisni,
iddawwarni u tferraħni bil-ħelsien tiegħek.
“Ngħallmek u nurik it-triq li għandek tieħu;
inwissik, u nżomm għajnejja fuqek”. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
2 Kor 8:9

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Ġesù Kristu, li għad li kien għani, ftaqar minħabba fikom,
sabiex intom tistagħnu permezz tal-faqar tiegħu.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
Mur bigħ li għandek! Ejja u imxi warajja!
Mk 10:17-27

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, waqt li Ġesù kien se jaqbad it-triq, mar fuqu wieħed jgħaġġel, niżel għarkupptejh quddiemu u qallu: “Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?”. Ġesù qallu: “Għaliex qiegħed issejjaħli tajjeb? Ħadd ma hu tajjeb ħlief Alla biss. Inti l-kmandamenti tafhom: la toqtolx, la tiżnix, la tisraqx, la tixhidx fil-falz, la tiħux bil-qerq dak li hu ta’ ħaddieħor; weġġaħ lil missierek u ’l ommok”.

U dak wieġbu u qallu: “Mgħallem, jiena dan kollu ili nħarsu minn żgħożiti”. Imbagħad Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba u qallu: “Ħaġa waħda tonqsok: mur bigħ li għandek, agħtih lill-fqar, u jkollok teżor fis-sema; imbagħad ejja u imxi warajja”. Imma għal dan il-kliem ir-raġel qarras wiċċu u telaq b’qalbu sewda, għaliex kellu bosta ġid.

Ġesù mbagħad ħares ħarsa madwaru u qal lid-dixxipli tiegħu: “Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-Saltna ta’ Alla!”. Id-dixxipli stagħġbu għal din il-kelma, imma Ġesù raġa’ qalilhom: “Kemm hi iebsa, uliedi, li wieħed jidħol fis-Saltna ta’ Alla! Eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra milli wieħed għani jidħol fis-Saltna ta’ Alla”. Huma stagħġbu wisq aktar, u bdew jgħidu wieħed lil ieħor: “Mela min jista’ jsalva?”. Ġesù ħares lejhom u qalilhom: “Għall-bnedmin dan ma jistax ikun, imma għal Alla iva; għax għal Alla kollox jista’ jkun”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading