QARI I
Ibiesu abjad silġ.
Dan 7: 9-10. 13-14
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Danjel
Jien, Danjel, kont qiegħed inħares, meta tqiegħdu xi tronijiet, u wieħed Xiħ fil-għomor qagħad bilqiegħda; ilbiesu abjad silġ, u xuxtu bajda suf; ilsna tan-nar it-tron tiegħu, nar iħeġġeġ ir-roti tiegħu; xmara ta’ nar kienet għaddejja, ħierġa minn quddiemu; eluf ta’ eluf kienu jaqduh, u għaxart elef ta’ għaxriet ta’ eluf weqfin quddiemu.
Il-Qorti qagħdet bilqiegħda, u l-kotba nfetħu. Billejl deherli li qiegħed nara bħal Iben ta’ Bniedem, ġej fis-sħab tas-sema, li baqa’ sejjer sax-Xiħ fil-għomor u tressaq quddiemu. U lilu ngħatat ħakma, gieħ u saltna, biex lilu jaqdi kull ġens u poplu u lsien. Il-ħakma tiegħu ħakma għal dejjem, li ma tgħaddix, u s-saltna tiegħu li ma tinqeridx.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
JEW
QARI I
Smajna dan il-leħen ġej mis-sema.
2 Pietru 1: 16-19
Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pietru Appostlu
Għeżież: aħna ma konniex qegħdin nibnu fuq ħrejjef maħluqa minn moħħna meta għarrafniekom dwar il-qawwa ta’ Sidna Ġesù Kristu u dwar il-miġja tiegħu. Rajna b’għajnejna aħna stess il-kobor tiegħu meta hu ħa mingħand Alla l-Missier ġieħ u sebħ, u leħen mit-Tron Glorjuż instama’ jgħid għalih: “Dan hu Ibni, l-għażiż tiegħi, li bih jiena nitgħaxxaq.” Aħna smajnieh dan il-leħen ġej mis-sema meta konna miegħu fuq il-muntanja mqaddsa. U hekk għandna mwettqa aħjar il-kelma tal-profeti. Tagħmlu sewwa jekk toqogħdu attenti għaliha; hi bħal fanal li jagħti d-dawl f’post mudlam, sa ma jibda jbexbex il-jum u f’qalbkom titla’ l-kewkba ta’ filgħodu.
SALM RESPONSORJALI
Salm 96
R/. Il-Mulej isaltan, hu ’l fuq mill-art kollha!
Il-Mulej isaltan!
Ħa tifraħ l-art, ħa jifirħu l-ħafna gżejjer!
Sħab u dlam hemm madwaru,
is-sewwa u l-ħaqq is-sisien tat-tron tiegħu. R/.
Bħax-xema’ jdubu l-muntanji quddiem il-Mulej,
quddiem is-Sid tal-art kollha;
ixandru s-smewwiet il-ġustizzja tiegħu,
u l-popli kollha jaraw is-sebħ tiegħu. R/.
Għax inti l-Mulej,
’il fuq mill-art kollha,
’il fuq mill-allat inti ħafna għolejt. R/.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI GĦALL-EVANĠELJU
R/. Hallelujah
Dan hu Ibni l-għażiż: isimgħu lilu!
R/. Hallelujah
EVANĠELJU
Dan hu ibni: isimgħu lilu.
Lq 9:28b-36
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
Ġesù ħa miegħu lil Pietru, lil Ġwanni u ’l Ġakbu, u tala’ fuq il-muntanja biex jitlob. U ġara li huwa u jitlob, id-dehra ta’ wiċċu tbiddlet u l-ilbiesi tiegħu saru ta’ bjuda li tgħammex. U kien hemm żewġt irġiel jitħaddtu miegħu, Mosè u Elija, li dehru fil-glorja, jitħaddtu fuq it-tmiem ta’ ħajtu li kellu jseħħ f’Ġerusalemm. Pietru u sħabu kienu mejtin bin-ngħas, imma baqgħu mqajmin sewwa, u raw il-glorja tiegħu u ż-żewġt irġiel li kienu miegħu. Xħin dawn it-tnejn kienu se jinfirdu minnu, Pietru qal lil Ġesù: “Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija.” Ma kienx jaf x’inhu jgħid. Waqt li kien qiegħed jgħid dan, ġiet sħaba u għattiethom u huma beżgħu kif daħlu fis-sħaba. U minn ġos-sħaba nstama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-maħtur, lilu isimgħu.” Malli nstama’ l-leħen Ġesù sab ruħu waħdu. Huma żammew is-skiet, u għal dawk il-jiem ma qalu xejn lil ħadd minn dak li kienu raw.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu.