minn Manwel Cutajar
Xieraq issa nitkellmu ftit dwar is-Servizzi Liturġiċi ta’ dil-Arċikonfraternità.
Bidu Storiku
L-Arċikonfraternita’ tas-Santissimu Sagrament twaqqfet fl-1539 fil-Knisja ta’ Santa Maria Sopra Minerva f’Ruma mid-dumnikan, Patri Tommaso Stella, li kien imnikket bin-nuqqas ta’ qima u devozzjoni lejn l-Ewkaristija f’Ruma.Ried,għaldaqstant,iżid il-kult u d-devozzjoni lejn is-Santissimu Sagrament billi jwaqqaf konfraternità Ewkaristika. Fis-sena 1540 din il-konfraternità ġiet approvata mis-Santa Sede u saret waħda miż-żewġ Arċikonfraternitajiet ewlenin fil-Knisja Kattolika u li għandha tiġi stabbilita f’kull parroċċa fid-dinja, flimkien mal-Arċikonfraternità tad-Duttrina Nisranija.
Dil-Arċikonfraterità Ewkaristika taf il-bidu tagħha fil-Cappella Aldobrandini,li hi l-akbar waħda mis-sitt kappelli privati f’dil-knisja ta’ Santa Maria Sopra Minerva u kienet ġiet mibnija mill-Kardinal Dumnikan Matteo Orsini fl-1340, u mogħtija lill-familja Aldobrandini fl-1587.
San Injazju ta’ Loyola kien wieħed mill-ewwel membri ta’ dil-Arċikonfraternità Ewkaristika.
F’Malta u Għawdex
Dil-Arċikonfraternità tas-Santissimu Sagrament ġiet introdotta f’ f”Malta minn Mons Pietro Dusina fil-Viżita Appostolika tiegħu fl-1575. Huwa waqqaf dil-Arċikonfraternità,l-ewwel fil-Parroċċa dumnikana ta’ Portu Salvu fil-belt Valletta, u mbagħad f’kull Parroċċa fil-gżejjer Maltin.
Wieħed mis-servizzi liturġiċi, fost tant oħrajn, tal-membri konfrattelli hu s-sehem tagħhom fil-purċissjonijiet ta’ Corpus Christi u tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, li jakkompanjaw lil Ġesù fl-Ewkaristija taħt il-baldakin li jkunu qed jerfgħu jew bit-torċi f’idejhom. Huma jieħdu sehem ukoll fil-purċissjonijiet tal-Festa tat-Qaddis titulari tal-parroċċa, tal-Ġimgħa l-Kbira, flimkien ma’ Konfraternitajiet oħra li jkun hemm fil-parroċċi. Dan hu servizz tabilħaqq utli, sabiħ, eżemplari u fuq kollox qaddis li jkunu qed jagħtu lill-Knisja. Ta’ dan ħaqqhom tabiħaqq prosit, apprezzament, u inkoraġġiment minn kulħadd.
Il-Miraklu Ewkaristiku tal-Beata Imelda Lambertini
Imelda twieldet fis-sena 1322 f’Bologna, l-Italja, f’familja nobbli. Hi kienet l-uniku wild tal-Konti Egano Lambertini u Castora Galuzzi. Il-ġenituri tagħha kienu Kattoliċi devoti, magħrufa għall-karità u l-ġenerożità tagħhom mal-persuni żvantaġġati u foqra ta’ Bologna.
Omm Imelda għallmet lil bintha ssajjar u tħit għall-foqra u kkultivat f’bintha ħeġġa biex twettaq l-opri tal-Ħniena Korporali. Imelda wriet tjubija u qdusija mhux tas-soltu, tieħu pjaċir tgħin lill-proxxmu u ta’ spiss tmur f’rokna kwieta tad-dar, titlob u timmedita u tikteb ukoll xi ħsibijiet spiritwali tagħha, naturalment ta’ tifla żgħira li kienet.
Kellha mħabba speċjali lejn l-Ewkaristija u ta’ spiss kienet tattendi l-Quddiesa u l-Kompieta (it-Talb tal-Lejl tal-Uffiċċju Divin) fil-knisja Dumnikana fil-qrib. Meta għalqet ħames snin talbet li tirċievi l-Ewkaristija, madankollu l-prattika tal-Knisja f’dak iż-żmien kienet li t-tfal ma setgħux jirċevu l-Ewwel Tqarbina tagħhom qabel l-età ta’ 14-il sena.
Meta kellha biss disa’ snin il-ġenituri tagħha baqgħu sorpriżi meta Imelda talbet il-permess tagħhom biex tmur tgħix mas-sorijiet Dumnikani fil-monasteru ta’ Val di Pietra, qrib Bologna. Ċertament, din kienet għall-ġenituri tagħha deċiżjoni diffiċli ħafna, iżda ħassew il-profondità tax-xewqa ta’ binthom u fdaw il-formazzjoni spiritwali tagħha f’idejn id-Dumnikani.
Id-dispożizzjoni spiritwali u l-imġiba tajba tagħha għoġbot ħafna lis-sorijiet u l-ħeġġa kbira tagħha biex tidħol fil-ħajja reliġjuża tal-kunvent edifikataw lis-sorijiet tant li saħansitra ħallewha tilbes l-abitu Dumnikan, titlob magħhom, inkluż il-kant tal-Uffiċċju Divin, u ssegwi l-modi u r-regoli tagħhom minkejja li kien kemxejn diffiċli għal tfajla daqshekk żgħira. Imelda kellha devozzjoni speċjali lejn il-preżenza Ewkaristika ta’ Sidna fil-Quddiesa u fit-tabernaklu u xtaqet bil-qalb li tirċievi lil Sidna Ġesù fit-Tqarbin.
Talbet kemm-il darba biex tkun tista’ tagħmel dan imma s-sorijiet kellhom jgħidulha li kellha bżonn tistenna sakemm tkun akbar u ppreparata aħjar. Minħabba x-xewqa kbira tagħha li tirċievi lil Ġesù hija kienet tistaqsi: “Għidli, jista’ xi ħadd jilqa’ lil Ġesù f’qalbu u ma jmutx?”
It-tagħlim dwar l-Ewkaristija Ii Imelda ħadet mingħand l-ewwel il-ġenituri tagħha u mbagħad mingħand is-sorijiet kompla dejjem aktar ikabbar l-Imħabba tagħha lejn Ġes˘ fl-Ewkaristija u x-xewqa kbira tagħha li tirċievi l-Ewkaristija.
Meta kellha 11-il sena, ftit qabel il-festa tat-Tlugħ il-Mulej fis-Sema, Imelda talbet għal darb’oħra,biex tagħmel l-ewwel Tqarbina tagħha. Is-sorijiet ressqu din it-talba lill-kappillan, iżda hu qabel mas-sorijiet li kienet għadha żgħira wisq.
Il-Miraklu Ewkaristku
Fil-jum tal-Velja tal-festa tat-Tlugħ, fit-12 ta’ Mejju 1333, Imelda kienet preżenti mal-bqija tal-komunità għall-quddiesa, titlob bil-kwiet waqt li s-sorijiet irċevew l-Ewkaristija.
Kbira kienet ix-xewqa ta’ Imelda li titqarben hi wkoll!.
Meta s-sorijiet kienu temmew t-talb tagħhom u telqu mill-kappella, waħda minnhom baqgħet hemm biex tnaddaf l-artal meta semgħet ħoss u ħarset lura u rat lil Imelda għarkobbtejha quddiem it-tabernaklu bl-Ostja Sagra elevata f’dija qawwija ta’ dawl fuq rasha.
Is-soru eċċitata malajr ċemplet lill-qassis u hu għaġġel biex jara x’kien qed jiġri. Meta ra li tabilħaqq kienet Ostja Mqaddsa li b’xi mod dehret b’mod Mirakoluż, induna li Ġesù nnifsu kien qed jgħarraf ix-xewqa Tiegħu li Imelda dakinhar kellha tirċievi l-Ewkaristija. Il-qassis meta ra did-dehra Mirakoluża ddeċida li dak il-ħin stess iqarben għall-ewwel darba lil Imelda. Wara li rċeviet l-Ewkaristija, Imelda marret lura f’postha titlob u trodd ħajr lil Ġesù ta’ dik il-grazzja kbira li kien ta.
Sadanittant, is-soru naturalment marret minnufih tgħarraf lill-Madre Superjura. Dan kien ta’ sorpriża kbira għall-Madre, imma ddeċidiet li tħalli lil Imelda għal xi ħin f’ringrazzjament tat-Tqarbina tagħha. Imbagħad bagħtet is-soru għaliha għall-kolazzjoni. Is-soru sabet lil Imelda għadha għarkobbtejha fejn kienet ħallietha, b’tbissima fuq fommha. Is-soru sejħitilha iżda Imelda ma weġbithiex, għalhekk tatha tektika ħafifa fuq spallejha, u dak il-ħin stess Imelda waqgħet mal-art, mejta.
Fil-fatt, kienet mietet bl-imħabba u l-ferħ. Issa kienet ma’ Ġesù li tant kienet tħobb u li tant xtaqet li tirċievi.
Il-qima lejn Imelda Lambertini tant kibret u saret popolari li twaqqfet Konfraternità għat-tfal tal-Ewwel Tqarbina f’ġieħha, u l-aħħar Kungress Ewkaristiku li kien sar f’Bergamo għadda petizzjoni għall-kanonizzazzjoni tagħha.
Imelda ġiet ibbeatifikata mill-Papa Ljun XII fl-1826. Il-ġisem sħiħ tagħha fi stat intatt jinsab f’Bologna fil-Knisja ta’ San Sigismondo..
Kien il-Papa San Piju X, magħruf bħala l-Papa tal-Ewkaristija, li beda jħalli lit-tfal jirċievu l-Ewwel Tqarbina tagħhom ta’ seba’ snin.
Huwa pproklama wkoll lil Beata Imelda Lambertini bħala l-Protettriċi tat-tfal tal-Ewwel Tqarbina.