Lectio Divina tat-22 Ħadd. Sena “B”

Vanġelu (Mt 7, 1-23): Il-Fariżej u l-Iskribi ġa rajnihom jinżlu darb’oħra minn Ġerusalem (vjaġġ ta’ tlett ijiem) biex jiftħu għajnejn il-poplu li Ġesu’ kien qed jagħmel il-mirakli bis-saħħa ta’ Belżebul, l-alla pagan tal-Filistej, li (kienu jgħidu)  kien ifejqilhom il-morda.  Illum nerġgħu narawhom jinżlu minn Ġerusalem.  Dan ifisser li kien urġenti għalihom li jaraw xi ħwejjeġ gravi qed jikkommetti Ġesu’.

  1. L-ewwel fil-lista kienet li d-dixxipli kielu l-ħobż bla ma ħaslu jdejhom.  Għall-Lhud, din ma kinitx kwestjoni ta’ iġjene.  In fatti, dil-purifikazzjoni tal-idejn kienet issir wara li wieħed ikun inħasel.  Imma gwaj għal min ma kienx iħares din l-ossessjoni li kienet ġejja mill-ktieb tal-Eżodu.  Hawn insibu riti dettaljati għall-purifikazzjoni tal-qassisin li kienu l-aktar viċin t’Alla.  Għalhekk kellhom ibiegħdu minnhom kull impurita’.  Dawn ir-riti ġew imposti fuq il-poplu kollu tant li t-Talmud jiddedika trattat sħiħ għalihom.  Dan ir-rit ġej mill-fatt li l-Lhud kienu jqisu l-ħobż bħala rigal minn għand Alla, allura wieħed kellu jieklu b’idejh indaf.  Il-problema hi li, tant daħħlu dettalji u irqaqat f’dan ir-rit, li maż-żmien tilfu l-vera s-sinifikat tiegħu.
  2. “Meta jerġgħu lura mis-suq, ma jiklux jekk ma jinħaslux.”  Fis-suq faċli li Lhudi jmiss ma’ pagan jew ma xi oġġett li jkollu.  Dil-ħaġa tniġġes lill-Lhudi u jkollu jinħasel qabel l-ikel.  Dan isir hekk: xi ħadd ieħor irid iferragħlu ilma frisk għal tlett darbiet fuq idu l-leminija waqt li jżomm is-swaba miftuħin sew.  L-istess għax-xellugija.  Hawn jgħid il-barka: “Imbierek Int, li tqaddisna bil-Kmandamenti Tiegħek u titlobna l-purifikazzjoni.” Wara dan jixxotta jdejh b’xugaman u ma jitkellimx qabel ma jiekol.  Jekk jitkellem, irid jerġa’ jinħasel.  Għandu mnejn li dawn ir-riti u oħrajn ta’ reliġjonijiet oħra aħna narawhom redikoli jekk mhux taċ-ċajt ukoll.  Qatt ħsibna li r-riti tagħna jistgħu jidhru hekk ukoll għal min mhux Nisrani?  Mela importanti ħafna li nkunu nafu preċiżament kull ġest u rit li nagħmlu biex nagħtu sens lil din l-imġieba Nisranija, kemm għalina kif ukoll għal min jistaqsina.  Imsieken aħna jekk nagħmlu r-riti bla ma nkunu nafu għal fejn qed nagħmluhom.   
  3. “Id-dixxipli tiegħek …. jieklu b’idejhom mhux indaf.”  L-akkuża kienet li, la Ġesu’ jħalli d-dixxipli jittraskuraw it-tradizzjonijiet ta’ missirijiethom, sinjal li hu eretiku u perikoluż. Ma jafx id-differenza bejn idejn puri u mpuri?  Fil-Bibbja l-idejn huma simbolu tax-xogħol kollu li jagħmel il-bniedem.  Bl-idejn wieħed jista’ jfejjaq jew iweġġa’,  jagħmel it-tajjeb jew il-ħażin.  X’jagħmel l-idejn impuri?  Għall-Lhud, tmiss ma’ pagan, lebbruż, mejjet jew l-oġġetti tagħhom.  Għal Ġesu’, l-idejn puri mhumiex dawk li nħaslu bl-ilma imma dawk li temgħu lil min kien bil-ġuħ, sqew lil min kien bil-għatx u qajmu lil min kien waqa’.  Mela, mhux ir-riti imma l-opri tajba favur il-ħajja li jġibu l-purita’.  L-opri ħżiena favur il-mewt jagħmlu bniedem impur.  Għalhekk Ġesu’ jweġibhom b’ton iebes: “Sewwa ħabbar Isaija fuqkom, ja ipokriti.”  Ipokrites tfisser attur li dak iż-żmien kien dejjem jirreċta b’maskra f’wiċċu.  Ġesu’ qed jgħidilhom: “Intom qed tirreċtaw kummiedja reliġjuża li ma tinteressa xejn lil Alla.  Hu ma jridx ir-ritwali esterni għax dawn iħallu barra l-essenzjali, i.e. li tibdlu qalbkom.”  Il-palk ta’ dil-kummiedja kien it-Tempju ta’ Ġerusalem.  Ġesu’ jfakkar li anki l-profeti kienu akkużaw il-Lhud fuq hekk: “Dan il-poplu bix-xofftejn jagħtini qima, imma qalbhom hija ‘l bogħod minni. Moħħhom, ħsibijiethom u l-għażliet li jagħmlu mhux Tiegħi.  Jgħallmu duttrina ivvintata minn bnedmin u jittraskuraw il-kmandament Tiegħi.”  Alla ma jridx ir-riti vojta u vanitużi tagħhom għax dawn ma jġibux bidla fil-qalb.  Din biss tgħinek biex tagħmel azzjonijiet puri.
  4. “M’hemm xejn minn barra li meta jidħol fil-bniedem itebbgħu.  Imma dak li joħroġ mill-bniedem ….. żina, serq, qtil..” Ġesu’ kien imħasseb fuq id-dixxipli li ma jmorrux jintilfu fuq l-osservanza tal-irqaqat tar-riti umani u jirriskjaw li jitilfu l-essenzjal, i.e. dak li verament itebba’ lill-bniedem.  Għalhekk dil-parti tas-silta hi ndirizzata għall-folla kollha. Tgħodd għalina wkoll illum.  Jagħmel enfasi fuq dal-kliem billi jibda hekk: “Isimgħuni intom ilkoll u ifhmuni”.  U jkompli: “Mhux dak li ġej minn barra jtebbgħa l-bniedem imma dak li joħroġ minn ġewwa: (a) żina, prostituzzjoni, tbiegħ lil ġismek għall-qliegħ, promotion, eċċ;  (b) serq: mhux biss direttament imma wkoll meta nuża’ ħażin il-ġid li tani Alla, jew meta nisraq isem xi ħadd bil-malafama;  (ċ) qtil: mhux biss b’idi imma wkoll meta bi lsieni noqtol il-ferħ, it-tbissima u l-paċi tal-ieħor bit-tqasqis;  (d) adulterji: l-infedelta’ kollha kontra l-imħabba, bi tfittxija tal-pjaċir egoista, u meta nuża lill-ieħor bħala oġġett;  (e) regħba: nakkumula kemm niflaħ, waqt li Ġesu’ jgħidli li l-ferħ insibu meta nagħti u nħobb kemm niflaħ: “Issib iktar ferħ meta tagħti milli meta tirċievi.”  Tifel żgħir ikun irid kull ma jara.  Ir-rgħib qisu tifel, għadu ma mmaturax;  (f) ħżunija: meta naħseb il-ħażin biss fuq l-oħrajn, dejjem nissuspetta.  Dan ta’ spiss iwassal għall-malafama;  (g) qerq: meta, biex inkabbar ġidi jew il-pożizzjoni tiegħi, inqarraq kemm niflaħ;  (ħ) faħx: meta nitlef il-kontroll fuq kollox – sess, ikel, xorb, divertiment; nagħmel li jogħġobni;  (i) għejra: ngħir għax nibża’ li jeħduli xi ħaġa, qisni tifel żgħir;  (j) dagħa: mhux biss insult lejn Alla u kull ma hu qaddis, imma niċħad u nopponi l-verita’;  (k) kburija: arroganza, irrid dejjem nidher, nara ‘l kulħadd dubbien; dan mhux kobor imma mard;  (l) bluha: iblah hu dak li jfassal ħajtu fuq valuri żbaljati.  E.g. min jakkumula biss fl-aħħar ta’ ħajtu jinduna kemm investa ħażin għax issa jrid iħalli kollox warajh.
  5. “Dal-ħażen kollu minn ġewwa joħroġ u jtebba’ lill-bniedem.”  Dal-ħażen ma jmurx billi taħsel idejk bl-ilma imma billi tħalli l-Kelma t’Alla tippurifika lil qalbek.     

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernandoarmellini

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading