Marija: Il-Mara Vera

Il-Ħadd, 25 ta’ Awwissu 2024: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Festa titulari ta’ Marija Assunta Inkurunata. Santwarju Arċipretali ta’ Marija Assunta Inkurunata, Żebbuġ.

Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma

“Oqgħod attent li ma ġġegħelx mara tibki, għaliex Alla jgħodd kull qatra ta’ dmugħ tagħha. Il-mara ħarġet mill-kustilja tar-raġel. Ma ħarġitx minn saqajh, biex ma jikkalpestahiex, biex ma jirfisx fuqha. Ma ħarġitx minn rasu, biex ma tiddominahx, biex ma tkunx superjuri għalih. Imma ħarġet minn ftit ’l isfel minn spallejh, biex ikun jista’ jħaddanha u jipproteġiha. Ħarġet min-naħa ta’ ħdejn qalbu, biex ikun jista’ jħobbha”.

Dan il-kliem mhux tiegħi, u lanqas ta’ xi wieħed mill-qaddisin tal-Knisja, imma huwa l-kliem tat-Talmud. Dan huwa l-ktieb li jfisser il-ġrajjiet tal-Iskrittura, tat-Testment il-Qadim. It-Talmud b’din il-frażi li għadna kemm smajna jipprova jfisser il-ħolqien ta’ Eva, il-ħolqien tal-mara.

Jekk dan kollu jgħodd għal kull mara, jekk dan kollu jgħodd għal Eva, kif jista’ jkun li ma jgħoddx għall-kbira fost in-nisa, Marija, li tagħha llum qegħdin nagħmlu din is-Solennità kbira meta nfakkru t-Tlugħ tagħha fis-Sema! Imma mat-Tlugħ ta’ Marija fis-Sema, aħna qegħdin infakkru wkoll il-quċċata, il-milja tal-istorja tal-ħajja ta’ kull wieħed u kull waħda minna. Ilkoll kemm aħna msejħin biex naslu fejn waslet hi.

Issa aħna nafu li qed ngħixu fi żmien fejn il-figura u l-persuna tal-mara, il-femminil, qiegħed jiġi tassew mirfus, ikkalpestat. Qed ngħixu f’dinja fejn nisimgħu bi qtil tal-mara, bi qtil ta’ nisa, saħansitra minn dawk li suppost jipproteġuhom: mill-maħbubin tagħhom, minn żwieġhom, jew minn eks żwieġhom. Qed ngħixu f’dinja – u intom tafu aktar minni – fejn il-mara ħafna drabi hija sfruttata: fuq ix-xogħol, fil-pubbliċità, fil-pornografija, hija sfruttata b’elf mod u b’kull tip ta’ possibbiltà li jistgħu jidħlu fil-moħħ mhux biss tar-raġel, imma saħansitra kultant tal-istess nisa. Kemm nisa, anki f’pajjiżna, huma dawk li jikkordinaw organizzazzjonijiet tat-traffikar uman! In-nisa stess kultant huma li jsibu lil sħabhom u jbigħuhom, jużawhom, u jinqdew bihom għall-misħut egoiżmu, għall-misħut qligħ ta’ flus. Kemm nisa qed ibatu fis-skiet tad-djar tagħhom bil-vjolenza domestika! U l-vjolenza mhux bilfors tkun fiżika, mhux bilfors ikun hemm is-swat, id-daqqiet u l-kħul li jidher; kultant b’xorti ħażina anki dawn, imma kultant ikun hemm vjolenza psikika, morali, u wkoll spiritwali – kultant anki spiritwalment il-mara tista’ tiġi vvjolentata.

Allura f’dan il-kuntest – li mhux ta’ kulħadd, imma ma nistgħux ngħidu li ma jeżistix – il-figura ta’ Marija toħroġ bħala l-mudell tal-mara: il-mara l-kbira, il-mara s-sabiħa. Ma nafx jekk qgħadniex attenti għall-Evanġelju tal-lum. Eliżabetta tgħidilha żewġ aġġettivi tassew sbieħ lil Marija, żewġ espressjonijiet tassew sinifikattivi – mhux waħda, imma tnejn, għax it-tnejn huma importanti. Tgħidilha: “Imbierka inti fost in-nisa” (Lq 1:42), bħala mara; imma mbagħad tkompli: “u mbierek ukoll il-frott tal-ġuf tiegħek!”. U tajjeb li niddistingwu mill-ewwel u nenfasizzaw din id-differenza li tagħmel il-Kelma ta’ Alla dwar Marija. Imbierka inti bħala mara, fik innifsek; imbierka inti anki jekk m’intix omm; imbierka inti anki jekk ma żżewwiġtx; imbierka inti bħala femminil, bħala mara.

“Imbierka inti fost in-nisa”, tgħidilha Eliżabetta, u tkompli: imma mbierka wkoll il-funzjoni tiegħek; imbierek ukoll dak li tagħmel; imbierka wkoll il-maternità tiegħek, għax inti omm; “imbierek il-frott tal-ġuf tiegħek!”. U din id-distinzjoni tajjeb li nżommuha ċara quddiem għajnejna, kemm l-irġiel u kemm in-nisa. Għax jista’ jkun li mingħajr ma nindunaw, tkun waħda mill-presupposti tal-maskiliżmu, tas-soprastazzjoni, tal-prepotenza, tad-dominju tal-maskil fuq il-femminil. Il-fatt li aħna nippretendu u nistennew biss l-aspett tal-maternità, l-aspett tal-funzjoni, l-aspett tal-utilità tal-mara, bħala mara omm, u kważi kważi jekk mhix omm, allura mhix mara, din hija waħda mill-konvinzjonijiet żbaljati li jista’ jkun hemm fil-fond tal-preġudizzji tagħna, irġiel u nisa, biex ma nirrispettawx lill-mara kif inhi, bħala persuna, bis-sesswalità tagħha, imma wkoll bil-personalità sħiħa tagħha.

U allura, min hi l-mara? Nistgħu ngħidu ħafna affarijiet dwar il-mara, imma nixtieq dalgħodu naqbad tliet punti sempliċi, li nifhmuhom ilkoll kemm aħna, li huma mmarkati fil-persuna tal-mara, fejn ma nistgħux ngħidu: ‘Hija l-kultura, hija s-soċjetà li ġabitna naħsbu dwar il-mara b’dak il-mod jew b’ieħor’. Le, għax dawn it-tliet kwalitajiet huma mmarkati saħansitra fil-ġisem tagħha, fil-persuna tal-mara li Alla ħalaq biex tkun ta’ kumpanija – dik tfisser il-kelma ‘għajnuna’ – f’kuntrast imma fl-istess ħin f’relazzjoni mal-maskil: f’relazzjoni u f’kuntrast mar-raġel. Imbagħad dawn it-tliet punti narawhom fl-aqwa tagħhom fil-figura ta’ Marija, l-“imbierka fost in-nisa”.

Il-persuna tal-mara, anki jekk mhix miżżewġa, minnha nfisha għandha l-kapaċità li tilqa’, għandha l-ispazju fiha li tilqa’. Il-mara tilqa’ lir-raġel, tilqa’ l-imħabba li jagħtuha l-oħrajn, tilqa’ saħansitra fl-istess intimità tar-relazzjoni mar-raġel tagħha. Imma fl-eventwalità tat-tnissil, tilqa’ wkoll il-ħajja, tilqa’ wkoll il-persuna, il-wild il-ġdid. Imma tibqa’ tilqa’ l-mara. Jista’ jkun li l-mara li tinsab f’dar, li tinsab f’familja, ma tħaddimx il-karatteristika tagħha li ssebbaħ id-dar, li tidħol fid-dettalji tat-tiżjin! Għax anki dak huwa mod kif tilqa’, kif tgħin lill-persuni li jiġu għandha biex iħossuhom tassew milqugħin u aċċettati. U allura din il-karatteristika li tilqa’ hi miktuba fl-istess persuna ta’ kull mara. U jekk mara trid verament tilħaq ir-realizzazzjoni tagħha, il-quċċata tagħha bħala persuna umana, ma tistax ma tħaddimx din il-potenzjalità, din il-kapaċità li Alla taha. Din il-kapaċità mhix biss tal-mara, imma hija wkoll tar-raġel, biex ma nkunux esklussivi. Imma hija speċifiċità, iktar importanti, iktar qawwija u iktar b’saħħitha fil-mara. Mhux il-kultura, mhux is-soċjetà, mhux l-istorja, mhux il-maskiliżmu li jivvinta u li jagħmel il-mara. Fil-fiżiku stess tagħha hi l-persuna li tilqa’ lill-oħrajn.

Ejjew induru fuq Marija, il-mara tal-akkoljenza per eċċellenza, il-mara li tant kellha qalb kbira, li tant kellha wisa’ fiha, fil-verġinità tagħha. Għax il-verġinità, il-kastità ma kinitx għajr wisa’, spazju għal Alla. Tant kellha qalb kbira, li saħansitra tilqa’ lil Dak li ħalaqha, li saħansitra tkun kapaċi tħaddan fiha lil Dak li jħaddan l-univers, li saħansitra tkun kapaċi tilqa’ fiha lil Dak li minnu jiddependi kollox, kull minuta tal-istorja. Ara kemm kienet mara tal-akkoljenza! Din il-mara kienet kapaċi tilqa’ mhux biss lil Binha, laħam minn laħamha, imma kienet kapaċi tilqa’ maġenbha bħala żewġha lil dak li Alla fil-pjan tiegħu poġġielha: lil Ġużeppi. U laqgħetu bid-differenzi kollha li kien hemm bejniethom, anki bin-nuqqas tar-relazzjoni intima ta’ bejniethom. Imma Marija ma tiqafx hemm! Marija kapaċi tilqa’ l-Kelma ta’ Alla, kapaċi tilqa’ lill-anġlu li jkellimha f’isem Alla, u tagħmel wisa’ fil-qalb tagħha għall-Kelma tiegħu, u tħalli tibniha lil din il-Kelma li laqgħet b’mod sħiħ mingħajr l-ebda kundizzjoni, b’mod liberu għall-aħħar. U saħansitra tant issir sħiħa fiha, li jsir l-istess Binha Ġesù. X’ma kinitx il-mara tal-akkoljenza! X’mhix Marija l-mara mudell għal kulħadd, u b’mod speċjali għan-nisa!

Imma miktub ukoll fil-fiżiku tal-mara hemm il-kapaċità li tmantni, li tagħti l-ikel. L-ebda soċjologu jew antropologu ma jista’ jgħid li din ivvintataha l-istorja, il-kultura, is-soċjetà, għax hi realtà miktuba fl-istess ġisem tal-persuna femminili. U allura, minnha nfisha, il-mara għandha l-kapaċità li tmantni, tagħti l-ikel, mhux materjali imma wkoll spiritwali u dak psikoloġiku. Għandha l-kapaċità mhux biss li titma’ bil-ħobż, bil-laħam u bil-ħut, imma għandha l-kapaċità li titma’ bl-edukazzjoni, bil-formazzjoni, bil-kura. Tant hu hekk li llum nafu li ħafna persuni li jieħdu professjoni tal-kura soċjali – social workers, psikologi, tobba – dawk li jaħdmu l-iktar man-nies, fil-parti l-kbira tagħhom huma nisa. Għaliex tagħmel parti mill-essenza tal-mara, tagħmel parti mid-DNA ta’ kull mara li tmantni u li titma’. U għalhekk, l-attenzjoni għall-ikel fid-dar, l-attenzjoni għall-persuna sħiħa b’mod fiżiku, imma anki b’mod psikoloġiku: mara, ħafna iktar mir-raġel, kapaċi tinduna mill-ewwel li t-tifel jew it-tifla tagħha mhumiex sew, għaddejjin mit-tbatija, minn inkwiet. Mara kapaċi tinduna mill-ewwel meta hemm xi problema, xi diffikultà, għax għaliha l-importanti li tmantni, kemm materjalment, imma wkoll psikoloġikament u spiritwalment.

Ejjew induru fuq Marija, il-kbira fost in-nisa, l-isbaħ mara, l-iktar mara femminili. Kif tmantni Marija? Niftakru kif jirrakkonta San Luqa l-ġrajja tat-twelid ta’ Ġesù. Immorru Betlehem, id-dar tal-ħobż. Ara taħsbu li kien kollox kumbinazzjoni. Imma mhux biss! Hemmhek f’Betlehem ma jsibux post fejn jistgħu joqogħdu, u tispiċċa f’maxtura, tispiċċa fil-post fejn jieklu l-bhejjem, fil-post tal-magħlef, fil-post fejn hemm l-ikel. U jgħidilna San Luqa: “Wildet l-ewwel iben tagħha… u fisqietu u medditu f’maxtura” (2:7), bħala ikel. Xi jfisser dan kollu? San Luqa kien diġà qed jilmaħ f’dik il-ġrajja dak li qed nagħmlu dalgħodu: Marija li toffrilna lil Binha Ġesù, li minn hawn u ftit ieħor se jgħidilna: “Ħudu u kulu, dan u Ġismi” (Mt 26:26). Araw jekk Marija hix il-mara li tmantni, il-mara li tagħtina l-ikel. Ma niqfux hawn, għax kien hemm tieġ f’Kana tal-Galilija. Marija ma tatx biss ikel, il-ħobż, imma tat ukoll inbid bħala xorb. U dawn l-għarajjes “ma kienx fadlilhom iżjed inbid” (2:3), jgħidilna San Ġwann. U Marija ddur fuq Binha Ġesù u tgħidlu: “Ma għandhomx inbid” (v. 3). Il-mara li tmantni, il-mara attenta jekk jonqos xi ħaġa lil xi ħadd. B’din l-attenzjoni tagħha Marija tkun il-kawża tal-ewwel miraklu ta’ Ġesù, tal-ewwel sinjal ta’ Ġesù, li jagħti l-inbid tal-ferħ, tal-bidla: mil-liġi u Torah, mit-Testment il-Qadim għall-imħabba. Dan l-inbid, lil dawk il-ġarar kbar u enormi, tal-ġebel, nexfin u bla ħajja, jimliehom bl-imħabba, bl-entużjażmu, bl-enerġija ta’ Alla; jimliehom bl-inbid il-ġdid, bil-ferħ. Din hi Marija! X’mhix il-mara per eċċellenza Marija! X’mhix il-mara l-kbira Marija! X’mhix il-mara s-sabiħa Marija!

Imma fil-ġisem tal-mara hemm miktub ukoll li tagħti l-ħajja. Tagħti l-ħajja u tieħu ħsiebha; tagħti l-ħajja u tosserva x’inhu jiġri mhux minn barra, bħalma jagħmel raġel. Ir-raġel jista’ jħares biss mill-bogħod, il-mara le! Il-mara tosserva dak li Alla jkun qed jagħmel ġewwa fiha: il-ħajja li tkun qed tinbet, tikber, tiżviluppa fil-persuna tagħha stess. Il-mara għandha kapaċità fiha nfisha li tagħti l-ħajja, imma din il-kapaċità mhix marbuta biss mat-twelid ta’ tarbija, ma’ dawk id-disa’ xhur li fihom iżżomm fiha t-tarbija, imma marbuta mal-ħajja dejjiema ta’ kull persuna. Għax anki jekk l-omm tagħna ma għadhiex hawn, anki jekk l-omm tagħna hi mejta, aħna għadna ngħixu bl-enerġija, bil-qawwa, bir-relazzjoni, bl-imħabba, bl-ispirtu li tatna l-omm tagħna. Hija l-omm li tagħti l-ħajja u li tibqa’ tagħti l-ħajja.

Imma hemm dettall importanti: l-omm tagħti l-ħajja akkost tat-tbatija. Nafu li fil-proċess tat-twelid, imma fl-istess waqt anki fl-istess fiżiku tal-mara, hemm miktub bid-demm l-imħabba, il-ħajja bit-tbatija. Il-mara tista’ tifhem wisq iktar persuna li qed tbati, għax hi tgħixha t-tbatija, wisq iktar milli jifhimha raġel. Il-mara tista’ tagħti wisq aktar għajnuna, saħħa, qawwa u enerġija lil min għaddej minn tbatija, mill-mard, milli kultant nistgħu aħna l-irġiel. Dan għas-sempliċi raġuni li għandha esperjenza diretta ta’ xi jfisser tagħti l-ħajja fit-tbatija u bit-tbatija.

U hawnhekk nerġa’ ndur fuq Marija, u nimmaġinawha taħt is-salib ta’ Ġesù. Proprju hemmhekk mhux il-mument li jispiċċa kollox, imma huwa l-mument tat-tqala: it-tqala tiegħi, tiegħek, ta’ kull wieħed u kull waħda minna. Waqt li Ġesù qiegħed imut, qegħdin nitwieldu aħna fil-qalb, fil-ġuf, fil-moħħ ta’ Marija, fil-moħħ u l-qalb tal-Knisja. Proprju f’dak il-mument tal-Kalvarju, Marija, waqt li qed tbati, qed tagħti l-ħajja lilna l-Kristjani: “Mara, hawn hu ibnek” (Ġw 19:26); imbagħad idur fuq Ġwanni: “Hawn hi ommok” (v. 27). F’dak il-mument kien hemm jien, kien hemm int, kien hemm kull wieħed u waħda minna. Allura x’mhix Marija l-mara li tagħti l-ħajja! X’mhix Marija l-mara li anki llum, lili u lilek, lil kull wieħed u waħda minna, tista’ tkompli tagħtina l-ħajja fi Kristu, jekk aħna nersqu lejha! Ħaġa tal-għaġeb, ħafna stejjer ta’ konverżjonijiet kbar jibdew minn relazzjoni mal-Omm, ma’ Marija. Verament, Marija hija l-mara li tagħti l-ħajja, anki llum, lili, lil kull wieħed u kull waħda minna.

Allura, jekk hemm mara li hija “l-imbierka fost in-nisa”, li l-frott ta’ ġufha huwa mbierek, din hija Marija. Ejjew, f’din ix-xibka ta’ ħsibijiet, ta’ ideat, f’dan it-taħwid ta’ azzjonijiet, f’dan it-tgerfix ta’ identità, maskili u femminili, inħarsu lejn Marija u nitolbuha biex tidħol għalina quddiem Binha, ħalli tagħtina li ma nitfixklux. Nitolbuha tgħinna, b’mod speċjali liż-żgħar tagħna li għadhom telgħin, ma nneħħu l-ebda tip ta’ dinjità la lill-mara u lanqas lir-raġel. Nuru rispett kbir lejn id-differenzi – il-mara hi differenti mir-raġel, ir-raġel hu differenti mill-mara, imma bl-istess stima, bl-istess qima, bl-istess importanza, bl-istess valur, għax it-tnejn flimkien fil-pjan ta’ Alla huma ritratt tiegħu; it-tnejn flimkien, ir-relazzjoni ta’ bejniethom, l-imħabba ta’ bejniethom – mhux il-prepotenza, imma l-imħabba ta’ bejniethom – hija dik ix-xbieha ta’ Alla, li tagħmel lil kull raġel u lil kull mara kuntenti fil-maskulinità u fil-femminilità tagħhom.

Ejjew inbiddlu l-abbużi li qegħdin nagħmlu, ħafna drabi anki permezz tal-ġisem tal-mara, fil-pornografija. Ejjew inbiddlu l-abbużi li qegħdin nagħmlu bil-vjolenza psikika jew fiżika fuq il-mara. B’sens kbir ta’ akkoljenza, b’sens kbir ta’ qadi, b’sens kbir ta’ mħabba. Għalhekk għandna bżonnu lil Ġesù Kristu. Għalxejn il-pulizija jagħmlu iktar xogħolhom, għalxejn il-qrati jagħmlu iktar xogħolhom, għalxejn il-ħabs jaqdi iktar dmiru, jekk ma jkunx hemm formazzjoni Nisranija vera, jekk aħna sa minn meta nkunu għadna żgħar ma nħallux lil Alla jidħol fina, permezz tal-Kelma tiegħu, permezz tal-Evanġelju.

Hekk imbagħad il-ħajja tagħna tkun kollha kemm hi festa, kollha kemm hi stennija għall-ikbar festa, għat-tlugħ tagħna fis-Sema, biex ingawdu lil Marija u lil Ġesù li qegħdin jistennewna.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading