Minn Joe Galea
Fil-ktieb żgħir tiegħu, The Mystery of God’s Word, Il-Misteru tal-Kelma t’Alla, il-Kardinal Kapuċċin Raniero Cantalamessa jgħid li “min jaqra r-rumanz ċelebri ta’ Alessandro Manzoni, I Promessi Sposi, jiltaqa’ ma’ storja ta’ mara, Perpetua, li saret taf xi ħaġa ta’ kurżita’ li ġrat fil-lokalita’. Kollox deher li l-aħbar kellha tibqa’ moħbija, imma għalkemm Petpetua ppruvat, ma rnexxiliex taħbi dak li saret taf. Ħaġa kbira bħal dik, fil-qalb tal-imsejkna mara, kienet qisha bħal inbid ġdid ġo kartell qadim, jiffermenta u jagħmel ħoss u jbaqbaq, mhux biss itajjar it-tapp tas-sufra, imma jdur ġewwa u jgħaddi minn bejn ix-xquq, u joħroġ fi kwantità biżżejjed biex itiegħmuh in-nies u jgħidu xi kwalita’ ta’ nbid hu.”
Bħall-inbid fil-kartell
L-aħbar it-tajba tal-kelma t’Alla trid tkun fil-qalb ta’ kull Nisrani, eżatt bħall-inbid ġdid fil-kartell u bħas-sigriet fil-qalb tal-mara: aħbar hekk kbira u sabiħa li ma tistax tibqa’ moħbija imma toħroġ minn kull naħa. “Dak li smajtu f’widnejkom,” jgħid Ġesu’, “xandruh minn fuq il-bjut. Matt 11, 27) Għax dak li hemm fil-Bibbja hu veru. Hu veru mhux għaliex xi stejjer strambi huma ġrajjiet storiċi, imma għaliex fihom messaġġ veru, pjan veru li Alla, minn żmien imbiegħed, ried li jitwettqu. Allura x’nifhmu meta ngħidu li l-ġrajjiet li naqraw fil-Bibbja huma veri? Għax illum sikwit nisimgħu l-kritika li l-ġrajjiet tal-Bibbja qishom ħrejjef, għal poplu li ma kienx jaf aħjar. Imma l-verità hi eżatt bil-maqlub. Fil-ġrajjiet sempliċi tal-Iskrittura, insibu messaġġi li jibqgħu veri jgħaddi kemm jgħaddi żmien.
Il-ħolqien seta ma sarx kif hemm fl-ewwel ktieb tal-Bibbja. X’aktarx li hu mibni fuq twemmin ta’ popli primittivi, bħan-nies tal-Mesopotamja u l-Babilonja, illum l-Iran u l-Iraq. Ir-rakkonti ta’ dawn jixxiebhu ħafna mar-rakkont tal-Ġenesi, l-ewwel ktieb tal-Bibbja.
Veri fil-messaġġ li fihom
L-istorja tal-baħar li nfired biex jgħaddu l-Lhud u biex jegħrqu l-Eġizzjani, il-waqgħa tas-swar ta’ Ġeriko, il-ħmar li jitkellem fl-istorja tal-profeta Balaam m’aħniex mitluba li nemmnuhom kelma b’kelma. Imma naraw fihom Alla x’ried jgħid lid-dinja, ta’ dak iż-żmien u tal-lum. Għax hi dinja waħda, għalkemm it-tagħlim tant evolva.

Dak li għamlu Adam u Eva jwasslilna l-messaġġ li aħna għandna t-tentazzjoni li nagħmlu propju dak li jgħidulna biex ma nagħmlux – il-frotta tas-siġra tat-tagħrif it-tajjeb u l-ħażin .
Il-waqgħa tal-bniedem, il-ħażen u d-dnub li jidħol f’qalbna u jbegħidna minn Alla, Kajin imwissi minn Alla, dawn mhumiex xi ħaġa tagħna? Il-Lhud fid-deżert, meta ħarġu mill-Eġittu, hi lezzjoni fuq il-gratitudni bħala kwalità li rridu nikkultivaw fina. Niftakru fil-Lhud fid-deżert igergru għal Alla.
Għażla misterjuża
Ikun hemm min jistaqsi, u bir-raġun: “Għaliex Alla għażel lill-poplu Lhudi? Ippreferieh minn popli oħra, ipproteġieh minnhom u rebbħu fil-gwerer kontriehom?” Mela Alla mhux dejjem kien Alla tal-popli kollha? Fit-Testment il-Qadim tieħu l-impressjoni li Alla kien kontra imperi u armati bħal ma kienu l-Eġizzjani, l-Assirjani, u popli oħra qrib ta’ Iżrael, fosthom, fi żmien ir-re David, il-Filistin!” Ħadd ma jagħtina tort li ngħidu: “Imma din hi storja ta’ poplu partikulari, il-poplu Lhudi, li nsibuh ukoll bħala ‘il-poplu t’Alla’.” Hu stess kien isejħilhom: ‘poplu tiegħi’; ngħidu aħna meta jilmenta: ‘Poplu tiegħi, x’qatt għamiltlek biex weġibt ħażin għas-sejħa tiegħek?’
Allura nimmaġinaw min hu, ngħidu aħna, Eġizzjan illum, jew minn xi pajjiż li fit-Testment Qadim kien fi gwerer mal-Lhud, jgħid: “Din mhix il-Bibbja tiegħi! Alla kien fuq in-naħa tal-għedewwa ta’ missirijietna, fuq in-naħa tal-għedewwa ta’ pajjiżna.”
Dan kif nirraġunaw aħna. Alla ma jirraġunax hekk. Il-ħsibijiet t’Alla mhumiex il-ħsibijiet tal-bnedmin. Bir-raġunar tagħna, lanqas aħna ma nidħlu f’din l-istorja. Min jaf x’kienet Malta dak iż-żmien? Ma’ liema naħa nqisuha fejn jidħol Alla tal-Bibbja? Nafu li fil-qedem niesna kienu jqimu allat bħal dawk tal-popli li kienu fuq naħa oħra, u mhux fuq dik in-naħa li kienet tqim lil Alla ta’ Abram, Alla tal-Bibbja. Fil-fatt, Malta, aċċettat lil dan Alla kif nafuh illum. U hekk għamlu l-Eġizzjani u l-bqija. Huma ma jgħoddux il-Bibbja bħala storja kontriehom.
Dan hu mertu ta’ kif Alla fassal il-pjan tiegħu mal-bnedmin. Alla jidħol f’avventura mal-bniedem. Ried isib mod kif jagħmel dan. Kien hemm bżonn li Alla jagħżel reġjun. Jagħżel żmien. Jagħżel reġjun u nies mid-dinja ta’ eluf ta’ snin ilu. Poplu bil-kultura tiegħu, bħal kull poplu, bit-tajjeb u bil-ħażin tiegħu.
Fit-Testment il-Qadim, il-poplu Lhudi jirrappreżenta lill-popli kollha. Alla nqeda bil-poplu Lhudi, biex nitkellmu hekk, sal-punt li ħalliehom juru safejn jista’ jasal il-bniedem, li jpatti l-ġid bid-deni.
Hi l-istorja tagħna lkoll
U din mhix l-istorja tagħna lkoll? Minn żmien il-Bibbja, il-bniedem mhux l-istess baqa’? Gwerer, mibegħda, tradimenti. Jiġifieri l-fatt li Alla għażel lill-poplu Lhudi ma tagħmilx distinzjoni bejnhom u popli oħra.
Meta naqilbu l-folja mit-Testment il-Qadim għal dak Ġdid naraw kif it-Testment il-Ġdid mill-ewwel juri d-disinn t’Alla. Il-Maġi li ġew minn pajjiżi ‘l bogħod huma sinjal li Alla ried juri lil Ibnu lil-ġnus oħra. Proprju Ġużeppi u Marija jsibu l-kenn fl-Eġittu, art li fit-Testment il-Qadim kienet meqjusa bħala ostili għall-poplu t’Alla. Ġesu’ wera li hu ma ġiex għal-Lhud biss. Imbagħad San Pawl spjega sew li, għalkemm Alla pprefera lill-poplu Lhudi, ir-reliġjon ta’ Kristu trid titwassal lill-popli kollha. Ir-realta’ hi li l-poplu magħżul t’Alla ma laqax lill-Messija mwiegħed lilhom filwaqt li r-reliġjon Nisranija ġiet milqugħa minn nies ta’ kull ġens. Hekk niċċelebraw aħna l-Maltin nhar l-10 ta’ Frar. Konna minn tal-bidu biex nidħlu fid-disinn t’Alla li mill-poplu Lhudi jgħaddi għall-bnedmin kollha.
Forsi t-Testment il-Qadim inqas iħajjarna biex dak li hemm miktub inżommuh bħala storja vera. Imma xorta waħda t-Testment il-Qadim hu importanti. Tant hu hekk li l-Knisja tgħallimna li t-Testment il-Qadim għandu valur kbir għalina llum. Hu importanti għalina l-Insara tal-lum. Il-kelma ‘llum’ toħroġ b’saħħa f’wieħed mill-kotba tat-Testment il-Ġdid, l-Ittra lil-Lhud. Qabel konna ngħidu li kitibha San Pawl. Illum ngħidu: l-awtur tal-Ittra lil-Lhud, għax hemm dubju kitibhiex San Pawl. Dan ma jagħmilx differenza, għax xorta hi ta’ kittieb sagru, ispirat minn Alla. U din hi ittra li fiha ħafna tagħlim.
Veru li waqt li naqraw il-Bibbja, li waslet għandna minn ġenerazzjoni għal oħra, irridu nqisuha, l-aktar it-Testment il-Qadim, fil-kuntest tan-nies li jiffurmaw l-istorja li tirrakkonta. Nikkunsidraw min kienu dawn in-nies. F’liema żmien għexu? Id-drawwiet tagħhom. X’kienu jaħsbu? X’kienet il-kultura tagħhom, min kienu l-ħbieb u l-għedewwa tagħhom? Kif kienu jimmaġinaw lil Alla? Imma kienu bnedmin bħalna.
Il-kelma t’Alla għalina llum
L-Ittra lil-Lhud, li naqraw minnha fi żmien fil-ġimgħat tar-Randan, jinkwadra lil Kristu fl-istorja tat-Testment il-Qadim, ibda mis-saċerdozju ta’ Melkisedek fl-ewwel ktieb, dak tal-Ġenesi.
Mela l-awtur tal-Ittra lil-Lhud isemmi is-sentenza famuża li ġieli qrajna: “Alla, b’ħafna manjieri fl-imgħoddi, kellimna permezz tal-profeti; imma dan l-aħħar, kellimna permezz ta’ Ibnu.” Jgħidilna li Alla ħadem mal-bnedmin fiż-żminijiet imgħoddija skont iċ-ċirkustanzi tagħhom biex imbagħad jasal għas-salvazzjoni mwettqa minn Kristu. Dan biex kulħadd jagħraf ll Alla u kulħadd jifhem il-mod li bih Alla, ġust u ħanin, iġib ruħu mal-bnedmin.
L-awtur ta’ din l-ittra jmur lura lejn it-Testment il-Qadim u jikkwota dak li l-Ispirtu s-Santu jgħid f’salm minnhom: “Għalhekk, illum, jekk tisimgħu leħnu, kif jgħid l-Ispirtu s-Santu: la twebbsux qalbkom bħal f’jum l-irvell, jum it-tiġrib fid-deżert, fejn ġarrbuni missirijietkom biex jippruvawni, u raw kulma għamilt jien tul erbgħin sena.” Hawn qed ikellem lilna llum. Jaqaw mhux aħna li ġieli naħarbu minn Alla u nagħmlu dak li jaqblilna?
Mela l-Bibbja qed tiġi indirizzata lilna ‘llum’. Il-kelma ‘illum’ hi tassew importanti. Kif ġab ruħu l-poplu antik m’Alla tista’ tkun l-imġieba tagħna, illum. Nhar it-Tnejn qrajna f’dan il-ktieb li l-awtur ifakkar f’personaġġi mit-Testment il-Qadim li batew jew ħadmu biex iwasslu l-pjan tas-salvazzjoni. Isemmmi personaġġi bħal Ġidjon, David u Samwel li bil-qawwa tal-fidi, għamlu l-ġustizzja, batew persekuzzjoni.
David u Goljat
Ir-rakkonti Bibliċi jdaħħluna f’dinja fejn Alla juri min hu, u għadu juri min Hu. L-eroj l-oħra jitħaddtu fuq dinja mingħajr Alla fejn il-bniedem sar biss idejn, għajnejn u ħalq lesti li jaħtfu.
Il-Kelma t’Alla hi misteru. Hi “xabla li taqta minn żewġ naħat”, jgħid San Pawl. Waħda mara kienet qed tqerr għand Patri u, jirrakkonta hu stess, qaltlu li ħuha beda jmur il-knisja wara ħafna żmien għax sema’ l-prietka tiegħu. Minn dak li qaltlu, il-patri nduna li ħu din il-mara kien fehem kollox bil-maqlub. Safrattant intlaqat mill-kelma t’Alla.
Mhux kemm inkunu nafu, imma kemm inkunu disposti li nilqgħu l-kelma t’Alla.