Introduzzjoni: Ħsieb tad-dħul għal adorazzjoni.
Tifħir nagħtu lilek, O Ġesù, li b’umiltà kbira għoġbok tiċċekken f’dan is-Sagrament Imqaddes. Inti tieħu s-sura tal-Ostja Mqaddsa, li tidher quddiemna fit-tixbiha tal-ħobż, u b’ubbidjenza taċċetta saħansitra li tmantnina dejjem bik innifsek fl-Ewkaristija bil-milja tad-Divinità. (2 sek pawsa)
L-Ewkaristija, fiha l-għana kollu mxerred, li joħroġ mill-imħabba kbira li biha aċċettajt il-Passjoni ħarxa tiegħek. Xi prezz ħallast o Sinjur, biex tkun dejjem magħna fl-Ewkaristija! (2 sek pawsa)
Kif int, tajt lilek innifsek għal kollox lili, hekk jien irrid nagħti lili nnifsi kompletament lilek. U permezz tat-Twelid tal-Verġni Mqaddsa Marija, noffrilek lil moħħi, l-ġismi, l-qalbi, r-rieda tiegħi u l-libertà tiegħi; għax il-libertà hi li nħobbok mingħajr riżervi. Mulej, bħal Marija, rrid inkun kollni kemm jien tiegħek.
Silenzju/ soft background music 3 min
Innu:____________________
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew Mt 1,1-17, 18-23
Ktieb in-nisel ta’ Ġesù Kristu, Bin David, bin Abraham. Abraham nissel ’l Iżakk, Iżakk nissel ’il Ġakobb, Ġakobb nissel ’il Ġuda u ’l ħutu, Ġuda nissel lil Fares u lil Żaraħ minn Tamar, Fares nissel lil Ħesron, Ħesron nissel lil Aram, Aram nissel ’il Għaminadab, Għaminadab nissel ’il Naħson, Naħson nissel ’il Salmon, Salmon nissel ’il Bogħoż, minn Raħab, Bogħoż nissel ’il Għobed, minn Rut, Għobed nissel ’il Ġesse.
Ġesse nissel lis-sultan David, David nissel ’il Salamun, mill-mara ta’ Urija, Salamun nissel ’il Robogħam, Robogħam nissel ’l Abija, Abija nissel ’l Asa, Asa nissel ’il Ġosafat, Ġosafat nissel ’il Ġoram, Ġoram nissel ’il Għużżija, Għużżija nissel ’il Ġoatam, Ġoatam nissel ’l Aħaż, Aħaż nissel ’il Ħeżekija, Ħeżekija nissel ’il Manasse, Manasse nissel ’l Amon, Amon nissel ’il Ġosija, Ġosija nissel ’il Ġekonija u ’l ħutu; kien żmien l-eżilju f’Babel.
Wara l-eżilju f’Babel, Ġekonija nissel ’il Salatjel, Salatjel nissel ’il Żorobabel, Żorobabel nissel ’l Abihud, Abihud nissel ’l Eljakim, Eljakim nissel ’l Ażor, Ażor nissel ’il Sadok, Sadok nissel ’l Akim, Akim nissel ’l Elihud, Elihud nissel ’l Elgħażar, Elgħażar nissel ’il Mattan, Mattan nissel ’il Ġakobb, Ġakobb nissel ’il Ġużeppi, ir-raġel ta’ Marija, li minnha twieled Ġesù, li jsejħulu Kristu.
It-tnissil ta’ Ġesù Kristu sar hekk: Ommu Marija, wara li tgħarrset ma’ Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien, ħarġet tqila bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Żewġha Ġużeppi, li kien raġel ġust u li ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel f’rasu li jibgħatha bil-moħbi tan-nies. Wara li qatagħha li jagħmel hekk, deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm u qallu: “Ġużeppi, bin David, la tibżax tilqa’ għandek lil Marija b’martek, għax dak li tnissel fiha ġie bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Hi jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom”.
Dan kollu ġara biex iseħħ li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal: ‘Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben, u jsemmuh Għimmanu-El’, li bi lsienna jfisser ‘Alla magħna’.
Il-Kelma tal-Mulej
It-Tifħir lilek Kristu
Silenzju 1min
Jekk aħna nqalbu l-Evanġelji, nindunaw illi Ġesù huwa ċ-ċentru tal-istorja kollha. Kien hemm iż-żmien ta’ qabel Ġesù, u dak ta’ wara Ġesù. Qabel Kristu kien bħalikieku żmien ta’ tqala, żmien ta’ stennija. (2 sek pawsa)
Imma anke f’dan iż-żmien ta’ stennija, fil-personaġġi li jissemmew f’din is-silta li għadna kemm smajna, jiġifieri fl-arblu tar-razza ta’ Ġesù, li jagħtina San Mattew, naraw li kien hemm tant dgħufija; imma li bihom l-Mulej Alla niseġ l-istorja tas-salvazzjoni, sakemm wasalna għal Ġesù, s-Salvatur veru tagħna. (2 sek pawsa)
Ġesù, għinni, li meta nħares lejn l-istorja tiegħi u nara l-iżbalji tiegħi, jew dawk ta’ qabli, ma niġġudikax la lili nnifsi u lanqas lill-oħrajn; imma nħares lejja nnifsi u lejn l-oħrajn bl-għajnejn tiegħek, ta’ Alla, li ma jurux għajr mħabba u ħniena. Għax Int Mulej, għandek il-kapaċità, li anke b’dawk id-dgħufijiet, bid-difetti, u d-dnubiet tagħna, tagħmel il-pjan tas-salvazzjoni tiegħek.
Silenzju biss 3 min.
Il-festa li se niċċelebraw il-Ħadd li ġej, (il-festa li ċċelebrajna l-Ħadd) dik tat-Twelid tal-Verġni Marija, jfisser lis-salvazzjoni mwiegħda minn Alla issa tassew kienet ħafna fil-qrib. Il-Mulej kien se jwettaq il-pjan tiegħu permezz ta’ Marija li kellha ssir omm il-Mulej.
Minkejja li ftit li xejn nafu fuq Marija mill-paġni tal-Evanġelju, iżda fil-ftit episodji li fihom tissemma nindunaw kemm din il-mara kienet qrib ta’ Alla, jew aħjar il-qaddejja ta’ Alla, għax kif tistqarr hi: “Alla xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu”, biex hija saret omm il-Feddej. (2 sek pawsa)
Kemm għandna x’nitgħallmu minn Marija! Nitgħallmu l-umiltà kbira tagħha, l-mod kif aċċettat ir-rieda ta’ Alla għaliha; l-mod kif batiet fis-skiet, il-mod kif baqgħet takkumpanja lil binha Ġesù, u l-mod kif baqgħet tgħożż f’qalbha dak kollu li Alla għamel magħha.
Jekk irridu nkunu kuntenti f’ħajjitna, ejjew nagħmlu esperjenza vera ta’ Ġesù, u bħal Marija, l-Mulej jimliena b’ferħ u paċi tassew.
Silenzju/ soft background music 3 min
Kant: ________________
Talbiet tal-Komunità
Alla, l-Missier li jista’ kollox, ried li kull nisel ifaħħar lil Marija, Omm Ibnu. Insebbħuh u ngħolluh bit-tifħir, u fiċ-ċokon tagħna nitolbuh u ngħidulu:
Tidħol għalina quddiemek Marija, mimlija bil-grazzja.
O Alla, li tagħmel l-għeġubijiet, int tellajt fis-sema bir-ruħ u l-ġisem lill-Verġni bla tebgħa Marija, u seħibtha ma’ Kristu fil-glorja: ibqa’ mexxi l-qlub ta’ wliedek sa ma jaslu fl-istess sebħ. Ngħidu flimkien.
Int, li tajtna lil Marija bħala ommna, bit-talb tagħha fejjaq il-morda, farraġ l-imnikktin, aħfer lill-midinbin: agħti lil kulħadd is-salvazzjoni u s-sliem. Ngħidu flimkien.
Int sawwabt fuq Marija l-milja tal-grazzja: ferraħ lilna wkoll bil-kotra tal-grazzji tiegħek. Ngħidu flimkien.
Żomm il-Knisja tiegħek magħquda qalb waħda u ruħ waħda fl-imħabba: agħmel li l-fidili tiegħek jibqgħu ħaġa waħda bejniethom fit-talb flimkien ma’ Marija, Omm Ġesù. Ngħidu flimkien.
Int żejjint lil Marija bil-kuruna ta’ saltna tas-sema: agħmel li ħutna l-mejtin jidħlu għal dejjem fl-hena tas-saltna tiegħek mal-qtajja tal-qaddisin. Ngħidu flimkien.
Fis-skiet nagħmlu t-talba personali tagħna.
Tingħata l-Barka Sagramentali:
Dal Misteru…..