Introduzzjoni: Ħsieb tad-dħul għal adorazzjoni
Tifħir lilek nagħtu, o Ġesù, li għoġbok tibqa magħna u fina, fl-Ewkaristija. Int il-Ħarries ta’ ħajjitna. Żommna l-bogħod mid-dnub, ħalli nkunu nistgħu nwettqu r-rieda ta’ Alla f’ħajjitna. Għallimna nifhmu l-valur tat-tbatija, għax it-tbatija tippurifika r-ruħ għall-grazzja li tgħinna nimxu fuq il-passi Tiegħek, u li twassal għall-glorja tal-ferħ ta’ dejjem. (2 sek pawsa)
Meta Xmun Pietru naqas milli jaċċetta li l-Messija kellu jbati; Int, o Ġesù, dort fuqu u għidtlu biex jitlaq minn quddiemek, għax ma kienx qed jaħseb fuq il-ħwejjeġ ta’ Alla, imma kien qed jirraġuna kif jirraġunaw il-bnedmin, kien qed jirraġuna kif tirraġuna d-dinja.
Ħallina Mulej Ġesù, ħa niffissaw ħarsitna fuqek f’dik id-daqsxejn ta’ Ostja Mqaddsa, ħalli bil-merti bla tarf tal-pjagi qaddisa tiegħek, Inti tfejjaq kull persuna mid-dnub u l-firda; biex il-paċi tiegħek, o Ġesù, dejjem isaltan f’kull qalb tal-bnedmin kollha.
Silenzju/ soft background music 3 min
Innu:____________________
Qari mill-Evanġelju skond San Mark Mk 8,27-35
F’dak iż-żmien, telaq Ġesù flimkien mad-dixxipli tiegħu lejn l-irħula ta’ Ċesarija ta’ Filippu. Huma u mexjin, lid-dixxipli tiegħu għamlilhom din il-mistoqsija: “Min jgħidu n-nies li jien?”. Weġbuh u qalulu: “Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, wieħed mill-profeti”. Staqsiehom: “Imma intom, min tgħidu li jien?”.
Qabeż Pietru u qallu: “Inti l-Messija”. Imbagħad ordnalhom ħafna biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuqu. U beda jgħallimhom fuq li kien meħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, ikun miċħud mill-anzjani u mill-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u wara tlitt ijiem jerġa’ jqum. Fuq dan kellimhom ċar. Pietru ġibdu lejh u beda jlumu. Iżda hu dar iħares lejn id-dixxipli tiegħu, u ċanfar lil Pietru u qallu: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan, għax m’intix taħseb fil-ħwejjeġ ta’ Alla, imma f’dawk tal-bnedmin!”.
Sejjaħ lejh in-nies flimkien mad-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi u tal-Evanġelju, isalvaha. Għax x’jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu?”.
Il-Kelma tal-Mulej
It-Tifħir lilek Kristu
Silenzju 1min
Ġesù flimkien mad-dixxipli jmorru f’Ċesarija ta’ Filippu, fit-Tramuntana tal-Art Imqaddsa. Wara tant xhur ta’ ministeru pubbliku, Ġesù jagħmel survej mal-Appostli tiegħu, u jagħmilhom mistoqsija diretta: “Min jgħidu n-nies li jien?” Dawk l-istess nies li kienu għamlu esperjenza tiegħu fil-mirakli u fil-qawwa tal-Kelma Tiegħu. Kulħadd beda jgħidlu dak li semgħu fuqu: Min jgħidlu li Inti Ġwanni l-Battista; oħrajn Elija, l-Profeta kbir li kellu jasal għal qabel iż-żminijiet tal-Messija; jew wieħed mill-Profeti.
Imma Ġesù jdur fuqhom: “Intom min tgħidu li jien?” Issa l-mistoqsija ġiet waħda personali; mhux iktar x’jgħidu l-oħrajn, jew xi smajtu. Intom, li dejjem miegħi, min tgħidu li jien? Din id-darba, mhux bħal qabel, kulħadd ifajjar; issa għandna s-skiet. Ħteġilhom li jieqfu jirriflettu. Imbagħad jaqbeż Xmun Pietru, li jolqot il-musmar fuq rasu, meta jgħid: “Inti l-Messija”; jiġifieri Inti l-midluk, Inti dak il-magħżul, biex trieġi l-poplu tiegħek lejn il-glorja ta’ Alla. (2 sek pawsa)
Ejjew inħarsu lejn Ġesù Ewkaristija, u nħalluh jisfidana b’din id-domanda, li llum qed jagħmilha lil kull wieħed u waħda minna: Int, min tgħid li jien? (5 sek pawsa)
Min hu Ġesù għalija personali?
Silenzju biss 3 min.
Proprju quddiem din l-istqarrija ta’ Pietru, li Hu l-Messija; Ġesù jibda jirrevela x’tip ta’ Messija kellu jkun. Kellu jkun Messija mhux kif kienu jaħsbu huma: Messija tal-glorja; imma Messija tat-tbatija: “li kien meħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, ikun miċħud mill-anzjani u mill-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u wara tlitt ijiem jerġa’ jqum”. San Mark ifakkarna, li fuq dan kellimhom ċar. Għall-Appostli kienet iebsa li jaċċettaw Messija li kellu jbati; li kellu jaqbad it-tbatija u jbiddilha f’għodda ta’ fidwa. (2 sek pawsa)
Mulej, mhux l-appostli biss isibuha iebsa li jaċċettaw it-tbatija; anke aħna! Ħadd ma jieħu pjaċir bit-tbatija fil-ħajja; ħadd ma jieħu pjaċir bil-mard, bl-inkwiet, bil-problemi u bit-tiġrib tal-ħajja. U nifhmu għala Pietru lumek meta Inti semmejt minn xiex kellek tgħaddi. (2 sek pawsa)
Ejjew nitolbu l-grazzja, li bħal Pietru jkollna l-fidi li ngħidulu: Inti l-Messija tagħna; Int, il-Mulej u Salvatur tagħna, anke meta jitlobna nieħdu sehem fit-tbatija tiegħu
Silenzju/ soft background music 3 min
Kant: ________________
Talbiet tal-Komunità
Aħna u nistqarru l-fidi tagħna fi Kristu l-Mulej, flimkien ma’ San Pietru u l-Appostli kollha, nitolbu l-Alla l-grazzja, li tul ħajjitna kollha ngħixu skont il-fidi li nistqarru:
Nitolbuk Mulej għall-mexxejja tal-Knisja, biex ma jieqfu qatt jippriedkaw l-Evanġelju tal-imħabba ta’ Kristu, u jilqgħu lil kull min jersaq lejhom. Nitolbu
Nitolbuk Mulej, tieqaf ma’ dawk kollha li jinsabu mtaqqlin u mġarrbin, biex fik issibu l-faraġ u l-kenn tagħhom. Nitolbu.
Mulej, Int li Int ta’ qalb tajba, ġust u ħanin ma’ kulħadd, għallimna nkunu sensittivi għall-bżonnijiet ta’ ħutna. Nitolbu.
Ġesù, t-toroq tiegħek mhumiex it-toroq tagħna, agħmel li nixbħuk, u f’kollox nagħmlu r-rieda tiegħek, anke meta ma nifhmuhiex. Nitolbu.
Nitolbu għall-ġenerazzjonijiet żagħżugħa, biex ma jitkaxkrux minn mudelli fiergħa li tippreżentalhom id-dinja u biex isibu l-akkumpanjament meħtieġ ħalli jagħmlu għażliet li jkunu tassew ta’ ġid għal ħajjithom. Nitolbu.
Fis-skiet nagħmlu t-talba personali tagħna.
Tingħata l-Barka Sagramentali:
Dal Misteru…..