Il-Kant Gregorjan u l-Inbid fin tas-Sorijiet Benedittini

Minn Joe Galea

Is-Sorijiet Benedittini tal-Abazija ta’ Notre-Dame de Fidélité, monasteru f’Jouques, fir-reġjun ta’ Provence fi Franza huma magħrufin għall-kant Gregorjan sabiħ tagħhom. Imma mhux biss! Ilhom mill-1967 jkabbru d-dwieli għal inbejjed ta’ eċċellenza. Huma jieħdu ħsieb il-proprjetà tagħhom ta’ 150 acre li tħares lejn il-Wied ta’ Durance, bi dwieli għall-produzzjoni tal-inbid.

Fl-aħħar snin is-Sorijiet kisbu rikonoxximent internazzjonali għas-sehem li ħadu fil-proġett “Neumz”, li hu programm għall-ismartphone li joffri streaming tal-kant Gregorjan kollu. (Tista’ tara aktar fuq dan il-programm “Neumz” f’artiklu li kien deher fil-‘Laikos’ fil-25 ta’ Novembru 2023 bit-titlu ta’: Kif l-intelliġenza artifiċjali qed tgħin it-tradizzjoni Kattolika tal-kant Gregorjan.)

Il-komunità hekk ħabrieka tas-Sorijiet Benedittini ta’ Jouques għamlet isem fi Franza, ukoll għaliex dan l-aħħar il-mezzi ewlenin tal-midja qed juru interess f’inizjattivi monastiċi, l-aktar meta dawn jippromwovu forom ġodda ta’ intrapriżi minn nisa. Dan wassal biex il-ħidma tal-Abazija, li tinsab f’ambjent idilliku fir-reġjun ta’ Provence tkun oażi ta’ ospitalità li tilqa’ lil ħafna viżitaturi li mas-sena jmorru jfittxu l-paċi u l-kwiet spiritwali.

Is-Sorijiet Benedittini jieħdu ħsieb proprjetà ta’ 150 acre

Mixja lejn l-eċċellenza

Minn meta stabbiliet ruħha fi Provence fl-1967, il-komunità li llum tammonta għal madwar 45 soru għexet bir-regola Benedittina ta’ talb u ta’ xogħol iffukat prinċipalment fuq it-tmexxija tal-proprjetà wiesgħa tagħhom. Is-Sorijiet jiżguraw l-għajxien tagħhom billi jipproduċu varjetà ta’ prodotti lokali li jbiegħu direttament mill-maħżen tal-abbazija jew fuq pjattaformi dedikati għal prodotti monastiċi.

L-għelieqi kbar ta’ siġar tal-frott, żebbuġ u fjuri għall-fwieħa li jdawru l-abbazija jgħinuhom ibiegħu żjut, ġamm, għasel, kejkiiet u ħlewwiet tant apprezzati għat-tjubija tagħhom. Id-dwieli tal-abazija jinfirxu fuq 20 tomna art, bi rdum li jdawwar il-proprjetà.

Meta l-ewwel sorijiet waslu Jouqes fl-1967, kien hemm dwieli u msaġar tal-berquq abbandunati madwar l-art kollha, u għax is-Sorijiet kienu qed ifittxu kif jaqilgħu l-għixien, bdew jaħdmu l-art. Fil-bidu llimitaw ruħhom biex jipproduċu nbejjed li kienu jaħżnu fil-kantini tal-abbazija għall-bejgħ lokali.

Kien fl-2005 li ġew żviluppati l-ewwel fliexken tal-inbid bil-marka Benedittina, bid-disinn oriġinali li jintgħarfu bih illum, ispirat mit-tpinġijiet ta’ Madre Geneviève Gallois, artista famuża mill-istess komunità, li mietet fl-1962. L-ewwel ħsad tal-għeneb taw żewġ inbejjed ħomor. Waħda bl-isem ta’ Louange, hi taħlita ta’ Syrah mad-dielja Grenache antika, li ttejjeb il-kwalità u tagħti lewn li jħajjar. Fiha togħma ta’ frott misjur u ta’ ħwawar. Is-Sorijiet jgħidu li filwaqt li d-dwieli żgħar jiżguraw il-kwantità, dawk qodma jipproduċu għeneb tajjeb ħafna, kif jagħmlu l-inbejjed infushom, li jitjiebu bl-età.

Is-Sorijiet jaqtgħu l-għeneb mill-għelieqi tal-abazija.

It-tieni inbid, bl-isem ta’ Fidelis, huwa magħmul minn dwieli Merlot imħawla fis-sena 2000 fuq l-ogħla plateau tal-proprjetà, li tissejjaħ in-Notre Dame de France. Dan l-inbid għandu aromi ta’ frott aħmar u bit-togħma ta’ tut u ta’ ċirasa sewda.

Hekk kif sena wara sena l-popolarità tal-inbejjed tas-Sorijiet bdew isiru magħrufa, is-Sorijiet indunaw li ma setgħux jippreżentaw inbejjed ta’ Provence mingħajr ma joffru nbid rosé, li kien dejjem assoċjat mill-qrib ma’ dan ir-reġjun l-aktar fl-imħuħ ta’ min iħobb l-inbid. Għalhekk, fl-2017, il-komunità għażlet 6 acres ta’ dwieli għall-inbid rosé, li l-ewwel ġbir ta’ għeneb tiegħu, taħlita ta’ Grenache, Syrah u Caladoc, sar fis-sena 2020 taħt l-isem Exsulta. Dan l-inbid eleganti, bil-lewn roża ċar u b’togħma taċ-ċitru, ma damx ma rebaħ diversi premjijiet. Din ir-reputazzjoni tagħti tama lill-komunità fil-futur għal żvilupp internazzjonali, b’mod partikolari fl-Istati Uniti, fejn il-klijenti jħobbu b’mod partikolari l-rosés ta’ Provence.

Is-Sorijiet jistinkaw biex jiggarantixxu kwalità konsistenti għall-prodotti tagħhom billi jiżguraw li l-għeneb li jaqtgħu jkun mill-aqwa. Iżda billi l-prodotti tagħhom mhumiex industrijali, jista’ jkun hemm varjazzjonijiet żgħar minħabba l-klima. Il-komunità tieħu ħsieb ix-xogħol agrikolu mill-bidu sat-tmiem, ibda mill-kura tad-dwieli u tal-ħamrija sal-ħsad tal-għeneb. Il-proċess tal-produzzjoni tal-inbid imbagħad isir fil-kantina ta’ wieħed mill-irħula ġirien, proċess li s-Sorijiet ta’ Jouques isegwu mill-qrib sakemm iduqu t-togħma finali qabel l-ibbottiljar.

Allegorija tal-Liturġija

Is-Sorijiet ifittxu l-aħjar metodi; filwaqt li l-għeneb għal inbid aħmar jiġbruh bl-idejn, dak rosé jitlob ħsad mekkaniku, li jibda f’nofs il-lejl. Biex ir-rosé jkun tal-ogħla kwalità, iż-żmien bejn il-qtugħ tal-għeneb u l-għasir irid ikun kemm jista’ jkun qasir. Għalhekk jibdew il-ħsad għall-ħabta tat-3 ta’ filgħodu biex l-għeneb ikun jista’ jitwassal fil-kantina mas-sebħ.

Dan iħalli sigħat itwal għas-sorijiet għax-xogħol tagħhom, qabel ma jingħaqdu fil-ħin mas-sorijiet l-oħra fil-kappella fil-5 ta’ filgħodu, għall-ewwel minn seba’ uffiċċji tal-ġurnata, fejn il-kant Gregorjan ikun bi streaming fuq l-applikazzjoni tal-ismartphone Neumz, li semmejna aktar ‘il fuq.

Is-Sorijiet Benedittini jieħdu ħsieb l-għelieqi tagħhom

Fil-fatt, hu għal-liturġija li jappellaw it-tliet inbejjed tal-abbazija, bħal allegorija tal-komunjoni bejn ir-rigal mogħti minn Alla u l-ħidma ta’ id il-bnednin. Filwaqt li Louange (tifħir) tirreferi għall-Uffiċċju Divin jew il-Liturġija tas-Sigħat, u Fidelis tagħmel eku tal-isem tal-Abazija li hu Fidélité, Exsulta hi ispirata minn Żakkarija 9, 9: “Ifraħ ħafna, bint Sijon, ara s-sultan tiegħek ġej għandek”. Din tirrifletti l-ferħ li taħdem l-art u d-dwieli fi sfond spettakolari bħalma hu r-reġjun ta’ Provence.

Is-Sorijiet iqisu li din l-art ingħatat lilhom bħallikieku kienet qed tistenna li tasal hemm il-komunità tagħhom u għamluha tagħti l-frott mill-aħjar li setgħu. Ifakkru f’kemm-il darba Ġesù uża x-xbieha tad-dielja u tal-inbid biex juri l-imħabba u l-preżenza tiegħu fost il-bnedmin. Għas-Sorijiet, ​​it-tkabbir tad-dwieli huwa tabilħaqq post privileġġjat ta’ laqgħa ma’ Alla. Il-liturġija hija l-espressjoni aħħarija ta’ don mingħand Alla li għalih il-bnedmin jirrispondu bil-ħidma tagħhom, u din il-komunjoni taż-żewġ dimensjonijiet hija dak li l-Mulej xtaq mill-bidu u għall-eternità kollha.

Il-frott ta’ din l-alleanza providenzjali, li ġġib il-ferħ lil min jifhem fl-inbejjed, tiġi wkoll biex iżejnu l-mejda tas-sorijiet tal-abbazija fil-Ħdud u fil-festi, bħala premju divin għall-perseveranza tagħhom fit-tfittxija għat-tajjeb u s-sabiħ.

Din ix-xbieha ħelwa hija bħal daqqa t’għajn għall-memorja tal-kittieb famuż Franco-Brittaniku Hilaire Belloc li kien jgħid: “Kull fejn tiddi x-xemx Kattolika, dejjem hemm daħk u inbid aħmar tajjeb. Almenu dejjem hekk sibt li hu.  Benedicamus Domino!”

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading