QUDDIESA TA’ NOFSILLEJL FIL-BAŻILIKA TA’ SAN PIETRU
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Vġili tal-Milied Imqaddes,
24 ta’ Diċembru 1983
1. Custos, quid de nocte? (cf. Iż 21, 11)
Hekkhu, Inħabbar Nofsillejl! Dan in- Nofsillejl jinfirex mil-Lvant sal-Punent. Isegwi kull meridjan. Fil-Lvant diġa ġew qabilna, fil-Punent għad irid jiġi . . . Hekk hu, inħabbar Nofsillejl; f’kull post u f’kull waqt li fih huwa jilħaq fil-globu dinji, iħabbar Nofsillejl!
Jien, għassies tal-Misteru l-Kbir. Jiena, l-Isqof ta’ Ruma: inħabbar ma’ kullimkien Nofsillejl tal-Milied. “Għannu lill-Mulej għanja ġdida, / għannu lill-Mulej fl-art kollha” (Sal 96, 1).
2. Għanni, o art!
Għanni għaliex kont magħżula, magħżula fost l-univers kollu. U l-univers kollu kien magħżul flimkien miegħek
Għanni, o art!
“Ħa jifirħu s-smewwiet, u tithenna l-art, / ħa jħabbat il-baħar u kull ma fih; / ħa jifraħ ir-rabà u kull ma fih, / u jgħannu bil-ferħ is-siġar kollha tal-bosk” (Sal 96, 11-12).
Għanni, o art, għaliex kont magħżula biex tkun il-post tat-twelid ta’ Alla f’ġisem uman. Ħa tingħaqad l-art kollha madwar dak in-Nofsillejl uniku! Ħa titkellem il-qawwa tal-ħolqien kollu! Tkellem mal-eżistenza tad-dinjiet kollha maħluqa! Tkellem bil-lingwa tal-bniedem!
3. Hekk hu, jitkellem il-bniedem. Ismu huwa Luqa, evanġelista. Igħid: “… Ara li Marija għalqilha ż-żmien biex teħles, u wildet l-ewwel iben tagħha, fisqietu u medditu f’maxtura, għax ma kienx hemm post għalihom fil-lukandasi (Lq 2, 6-7).
B’dan il-mod ġie fid-dinja l-iben ta’ Alla, Marija kienet l-għarusa ta’ Ġużeppi li kien mastrudaxxa f’Nazzaret. It-tarbija ġiet fid-dinja f’Betlem, għaliex, it-tnejn li huma, kienu marru hemm minħabba ċ-ċensiment li Ċesare Awgustu kien ordna.
4. Dan hu dak li qal il-bniedem. Fl-istess ħin tal-bniedem jitkellem l-Anġlu tal-Mulej. Ikellem lir-rgħajja meta, f’nofs il-lejl profond ta’ Betlem, “il-glorja tal-Mulej iddiet madwarhom”. U r-rgħajja “qabadhom biżà kbir” (Lq 2, 9). Qalilhom: “La tibżgħux! Jiena hawn biex inħabbrilkom ferħ kbir, li se jkun għall-poplu kollu: illum twieled fil-belt ta’ David salvatur, li huwa Kristu, il-Mulej. U bħala sinjal ikollkom dan: issibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura” (Lq 2, 10-12).
Il-bniedem u l-Anġlu jitkellmu dwar l-istess fatt u jindikaw l-istess post. L-Anġlu jitkellem dwar dak li l-bniedem ma jissugrax jgħid: f’Betlem ġie fid-dinja l-Messija, jiġifieri l-Midluk, dak li ġie jżur l-umanità bil qawwa tal-Ispirtu Santu. Huwa . . . se jiġġudika l-art. Huwa se jiġġudika d-dinja skont il-ġustizzja.
Iva, huwa se jagħti “lilu nnifsu għalina, biex jifdina minn kull ħżunija u jifforma poplu pur li jappartieni lilu . . .” (Tt 2, 14). Huwa se jagħti lilu nnifsu għalina: hawn hu il-Ġudizzju tiegħu!
5. “Custos, quid de nocte?” (cf. Is 21, 11).
Hekk hu, jiena nħabbar Nofsillejl . . . Mill-profondità tal-lejl ta’ Betlem, li huwa l-lejl tal-umanità kollha kemm hi ħajja fuq l-art . . . “Għax dehret il-grazzja ta’ Alla, / għas-salvazzjoni lill-bnedmin kollha” (Tt 2, 11).
Xinhi l-grazzja? Il-grazzja hija s-sodisfazzjon divin.Dan jikkonċentra għal kollox f’din it-tarbija mimduda fil-presepju. Din it-Tarbija hija l-Iben Etern, Iben is-sodisfazzjon divin, Iben l-imħabba eterna. Din it-Tarbija hija Iben Marija. Huwa Bin il-bniedem, u bniedem veru.
Is-sodisfazzjon etern tal-Missier jikkonċentra fuq il-bniedem: hawn hi l-Grazzja! “Paċi fl-art lill-bnedmin li hu jħobb” (Lq 2, 14). Dan is-sodisfazzjon divin fil-konfront tal-bniedem inġab fuq l-art minn Bin Marija fil-lejl ta’ Betlem. “U dehret il-grazzja ta’ Alla” (Tt 2, 11). Minn Betlem tibda l-illuminazzjoni tiegħu fuq il-bniedem taż-żminijiet kollha.
Xinhija l-Grazzja? Hija l-bidu tal-glorja, ta’ dik il-glorja li Alla għandu fl-ogħla tas-smewwiet. U għal din il-glorja ġie msejjaħ il-bniedem f’Ġesù Kristu. U dan seħħ propju fil-lejl ta’ Betlem.
6. Allura: tifraħ l-art! Art, li int l-għamara tal-bniedem! Ilqà fik mill-ġdid għal darb’oħra l-glorja tal-lejl tat-twelid divin! Erġà ngħaqad qrib din il-glorja! Xandar lill-ħolqien kollu il-ferħ tar-Redenzjoni! Ħabbar lid-dinja kollha t-tama tar-Redenzjoni tad-dinja.
“Ħa jifraħ ir-rabà u kull ma fih, / u jgħannu bil-ferħ is-siġar kollha tal-bosk / quddiem il-Mulej” (Sal 96, 12-13). Hawn hu, ġej. Hawn hu, diġa jinsab f’nofsna: Emmanuel! Il-qawwa kollha tar-Redenzjoni tad-dinja hija fih. Alleluia!
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb